MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija
11.6.2013 - (2013/2664(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Alexander Graf Lambsdorff, Guy Verhofstadt, Louis Michel, Graham Watson, Marietje Schaake, Johannes Cornelis van Baalen, Sarah Ludford, Frédérique Ries, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Edward McMillan-Scott, Hannu Takkula, Kristiina Ojuland f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0305/2013
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dik tat-18 ta' April 2013 dwar ir-Rapport ta’ Progress 2012 dwar it-Turkija[1],
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Qafas ta' Negozjar għat-Turkija tat-3 ta' Ottubru 2005,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/157/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija għall-Adeżjoni mar-Repubblika tat-Turkija (“ls-Sħubija għall-Adeżjoni"), kif ukoll għad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill dwar is-Sħubija għall-Adeżjoni tal-2001, l-2003 u l-2006,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fis-sigħat bikrin tal-Ġimgħa 31 ta' Mejju 2013 il-pulizija Torka għamlet sforz biex tferrex grupp ta’ dimostranti, li kienu ilhom ġimgħat jipprotestaw kontra l-qtugħ tas-siġar ippjanat bil-ħsieb ta’ proġett ġdid ta’ kostruzzjoni fil-Park Gezi ta’ Istanbul, fl-inħawi tal-Pjazza Taksim;
B. billi d-dimostrazzjonijiet rebħu l-appoġġ fost saffi differenti tas-soċjetà Torka; billi din il-protesta popolari hija l-espressjoni ta’ moviment spontanju fi ħdan is-soċjetà ċivili favur demokrazija liberali Ewropea moderna;
C. billi rġiel u nisa ħadu sehem indaqs fid-dimostrazzjonijiet, imma billi l-femministi esprimew b’mod partikolari t-tħassib tagħhom dwar id-drittijiet tan-nisa u dwar it-trattament ugwali;
D. billi l-intervent goff tal-pulizija wassal għal skontri mad-dimostranti li malajr infirxu għal bliet oħra fit-Turkija, u billi dawn l-iskontri ħallew eluf ta’ persuni korruti, u wasslu għal arresti tal-massa; billi l-kliem iebes tal-gvern Tork, u tal-Prim Ministru Erdogan b’mod partikolari, li lid-dimostranti sejħilhom ħallelin u terroristi, jidher li kien kontroproduċenti u kompla tefa’ l-ħatab fuq in-nar u qawwa l-protesti;
E. billi l-Artikolu 34 tal-Kostituzzjoni Torka jipproteġi d-dritt li dak li jkun, mingħajr permess, jorganizza laqgħat u dimostrazzjonijiet paċifiċi u mhux armati;
F. billi d-dimostranti dejjem aktar qed jesprimu tħassib dwar governanza awtoritarja u dwar in-nuqqas ta’ rappreżentanza ta’ ilħna minoritarji, ta’ stat tad-dritt, ta’ governanza tajba u ta’ proċessi ġusti u ekwi fit-Turkija;
G. billi sensiela ta’ deċiżjonijiet u atti leġiżlattivi reċenti dwar kwistjonijiet bħal restrizzjonijiet fuq il-bejgħ tal-alkoħol u riformi edukattivi qajmu tħassib fost Torok sekulari rigward l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertajiet tagħhom;
H. billi l-midja ewlenin fit-Turkija damu biex bdew jirrapportaw b’mod adegwat dwar id-dimostrazzjonijiet, u minflok ikkonformaw ma’ xejra ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-midja u ma’ (awto)ċensura li ilhom isaltnu sa minn qabel id-dimostrazzjonijiet;
I. billi s-SEAE naqas milli jagħti reazzjoni f’waqtha u adegwata;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-użu ta’ forza sproporzjonata u eċċessiva mill-pulizija Torka fir-risposta tagħha għall-protesti paċifiċi u leġittimi fil-Park Gezi ta' Istanbul, u jistieden lill-awtoritajiet tat-Turkija biex jagħmlu investigazzjonijiet eżawrjenti dwar il-vjolenza tal-pulizija u jtellgħu lil dawk responsabbli quddiem il-qrati; iwissi lill-gvern Tork biex ma jiħux miżuri ħorox kontra d-dimostranti, u jħeġġeġ lill-Prim Ministru biex jadotta pożizzjoni li ġġib ‘il quddiem l-għaqda u l-konċiljazzjoni, b’tali mod li jevita kull eskalazzjoni ulterjuri;
2. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tat-Turkija biex jiggarantixxu u jirrispettaw id-drittijiet taċ-ċittadini kollha tal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda paċifika u tal-protesta paċifika; jitlob li d-dimostranti paċifiċi kollha li nżammu jinħelsu minnufih;
3. Jesprimi d-diżappunt totali tiegħu quddiem ir-reazzjonijiet eċċessivament ħorox tal-gvern Tork u tal-Prm Ministru Erdogan, li rnexxielhom biss ikomplu jippolarizzaw is-soċjetà Torka; jissottolinja l-importanza ta’ djalogu bejn il-gvern Tork u d-dimostranti paċifiċi;
4. Ifakkar lit-Turkija li, f’demokrazija inklussiva u pluralista, iċ-ċittadini kollha għandhom iħossu li huma rrappreżentati u li l-maġġornaza għandha r-reponsabbiltà li tinkludi lill-oppożizzjoni u lis-soċjetà ċivili fil-proċess deċiżjonali; jissottolinja li, filwaqt li l-gvern u l-maġġoranza parlamentari fil-gvern għandhom responsabbiltà partikolari biex itejbu l-isat tad-dritt fit-Turkija, il-partiti tal-oppożizzjoni, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-midja wkoll għandhom jagħtu sehemhom fil-ħolqien ta’ kultura politika demokratika li tħaddan ir-rispett ta’ fehmiet u opinjonijiet differenti;
5. Huwa mħasseb dwar il-konfront li għaddej bejn il-partiti politiċi, u dwar il-fatt li l-gvern u l-oppożizzjoni mhumiex lesti jaħdmu biex jilħqu kunsens fuq riformi ta’ importanza ewlenija; iħeġġeġ lill-atturi politiċi, lill-gvern u lill-oppożizzjoni biex jaħdmu flimkien ħalli jtejbu l-pluralità politika fl-istituzzjonijiet tal-istat u jippromwovu l-modernizzazzjoni u d-demokratizzazzjoni tal-istat u tas-soċjetà;
6. Jirrimarka li r-rwol kruċjali ta’ sistema ta’ kontroll u bilanċ tas-setgħat fil-governanza ta’ stat demokratiku modern, li jeħtieġ li jkun ibbażat fuq il-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat, u fuq iż-żamma ta’ ekwilibrju bejn il-funzjonijiet eżekuttivi, leġiżlattivi u ġudizzjarji, fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali – b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa, ukoll fl-internet – u fuq kultura politika parteċipattiva li tassew tirrifletti l-pluralità ta’ soċjetà demokratika;
7. Ifakkar li l-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-midja huma fil-qalba tal-valuri Ewropej, u li soċjetà tassew demokratika, ħielsa u pluralista tirrikjedi libertà reali tal-espressjoni; ifakkar li l-libertà tal-espressjoni hija applikabbli mhux biss għal informazzjoni jew ideat li jintlaqgħu favorevolment jew li jitqiesu inoffensivi, imma wkoll, bi qbil mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, għal dawk li joffendu, jixxukkjaw jew jiddisturbaw lill-istat jew lil kwalunkwe sezzjoni tal-popolazzjoni;
8. Huwa mħasseb dwar id-deterjorament tal-libertà tal-istampa, dwar ċerti atti ta’ ċensura u dwar l-awtoċensura li qed tikber u li tirrenja fil-midja Torok, inkluż fl-internet; jistieden lill-gvern Tork biex iħares il-prinċipji tal-libertà tal-istampa; jenfasizza li stampa indipendenti hija kruċjali għal soċjetà demokratika, u f’dan il-kuntest, jindika r-rwol essenzjali tal-ġudikatura fil-protezzjoni u t-titjib tal-libertà tal-istampa, biex b’hekk tiggarantixxi spazju pubbliku għal dibattitu ħieles u inklussiv;
9. Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li konglomerati kbar b’firxa wiesgħa ta’ interessi tan-negozju huma s-sidien tal-parti l-kbira tal-midja u jikkonċentrawha f’idejhom; itenni s-sejħa tiegħu għall-adozzjoni ta’ liġi ġdida tal-midja li tindirizza, inter alia, il-kwistjonijiet tal-indipendenza, is-sjieda u l-kontroll amministrattiv;
10. Jinnota li partijiet kbar tal-popolazzjoni Torka qed isiru dejjem aktar skuntenti quddiem tenattivi li jippruvaw jirregolaw l-istili tal-għajxien abbażi tal-ideoloġija u l-konvinzjoni partiġġjana; jiddeplora, f’dan il-kuntest, dikjarazzjonijiet reċenti rigward il-ħajja tal-familja, ir-rwol tan-nisa fis-soċjetà, inkluż l-aċċess għall-abort sikur, limitazzjonijiet fuq il-libertà tal-midja, offline kif ukoll online, restrizzjonijiet fuq id-disponibbiltà tax-xorb alkoħoliku, u tentattivi ta’ ċensura ta’ programmi televiżivi ta’ divertiment; ifakkar lill-gvern Tork dwar il-ħtieġa ta’ rispett sħiħ għal stili ta’ għajxien sekulari;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi-President tal-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-President tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2013)0184.