Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0311/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0311/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija

11.6.2013 - (2013/2664(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Ria Oomen-Ruijten, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Mairead McGuinness, Elmar Brok, Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Roberta Angelilli, Eleni Theocharous, Bernd Posselt, Eija-Riitta Korhola f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0305/2013

Proċedura : 2013/2664(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0311/2013
Testi mressqa :
B7-0311/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0311/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija

(2013/2664(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dik tat-18 ta’ April 2013 dwar ir-Rapport ta’ Progress 2012 dwar it-Turkija[1],

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Qafas ta' Negozjar għat-Turkija tat-3 ta' Ottubru 2005,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/157/KE tat-18 ta’ Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija għall-Adeżjoni mar-Repubblika tat-Turkija[2] (is-“Sħubija għall-Adeżjoni”), kif ukoll id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill dwar is-Sħubija għall-Adeżjoni tal-2001, l-2003 u l-2006,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi fis-sigħat bikrin tal-Ġimgħa 31 ta’ Mejju 2013 il-pulizija Torka għamlet sforz biex tferrex grupp ta’ dimostranti, li kienu ilhom ġimgħat jipprotestaw kontra l-qtugħ tas-siġar ippjanat bil-ħsieb ta’ proġett ġdid ta’ kostruzzjoni fil-Park Gezi ta’ Istanbul, fl-inħawi tal-Pjazza Taksim;

B.  billi l-intervent vjolenti tal-pulizija wassal għal skontri mad-dimostranti li malajr infirxu għal bliet oħra fit-Turkija, u billi dawn l-iskontri wasslu għal imwiet, għat-tidrib ta’ bosta persuni, għal arresti tal-massa kif ukoll għal ħsara serha lill-proprjetà privata u pubblika; billi d-dimostrazzjonijiet rebħu l-appoġġ fost saffi differenti tas-soċjetà Torka;

C. billi jidher li l-kundanna inizjali qawwija min-naħa tal-Gvern Tork kellha effett oppost għal dak mixtieq;

D. billi l-Artikolu 34 tal-Kostituzzjoni Torka jiggarantixxi d-dritt li dak li jkun, mingħajr permess, jorganizza laqgħat u dimostrazzjonijiet paċifiċi u mhux armati;

E.  billi l-protesti huma marbutin ukoll mat-tħassib f'ċerti oqsma tas-socjetà Torka rigward sensiela ta’ deċiżjonijiet u atti leġiżlattivi reċenti dwar kwistjonijiet bħal restrizzjonijiet fuq il-bejgħ tal-alkoħol u riformi edukattivi;

F.  billi l-midja ewlenin fit-Turkija damu biex bdew jirrapportaw dwar id-dimostrazzjonijiet;

G. billi l-Kummissarju Füle u r-RGħ/VP Catherine Ashton irreaġixxew għal dawn l-avvenimenti;

1.  Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu fir-rigward tal-użu eċċessiv tal-forza mill-pulizija Torka fir-risposta tagħha għall-protesti paċifiċi u leġittimi fil-Park Gezi ta' Istanbul, u jistieden lill-awtoritajiet tat-Turkija biex jagħmlu investigazzjonijiet eżawrjenti dwar il-vjolenza tal-pulizija u jtellgħu lil dawk responsabbli quddiem il-qrati;

2.  Jitlob lill-awtoritajiet tat-Turkija biex jiggarantixxu u jirrispettaw id-dritt taċ-ċittadini kollha għal-libertà tal-espressjoni, għall-għaqda paċifika u għall-protesta paċifika; jitlob li d-dimostranti paċifiċi kollha li nżammu jinħelsu minnufih;

3.  Jilqa' t-tweġiba moderata mill-President Gül u l-apoloġiji li l-Viċi Prim Ministru Arinç għamel lid-dimostranti midruba; jissottolinja l-importanza ta’ djalogu bejn il-gvern Tork u d-dimostranti paċifiċi;

4.  Ifakkar lit-Turkija li, f’demokrazija inklussiva u pluralista, iċ-ċittadini kollha għandhom iħossu li huma rrappreżentati u li l-maġġornaza għandha r-reponsabbiltà li tinkludi lill-oppożizzjoni u lis-soċjetà ċivili fil-proċess deċiżjonali; ifakkar ukoll lill-partiti fl-oppożizzjoni dwar ir-responsabbiltà tagħhom li jagħmlu l-parti tagħhom biex tinħoloq kultura politika demokratika li tirrispetta l-fehmiet u l-opinjonijiet differenti;

5.  Huwa mħasseb dwar il-konfront li għaddej bejn il-partiti politiċi, u dwar il-fatt li l-gvern u l-oppożizzjoni mhumiex lesti jaħdmu biex jilħqu kunsens fuq riformi ta’ importanza ewlenija; iħeġġeġ lill-atturi politiċi, lill-gvern u lill-oppożizzjoni biex jaħdmu flimkien ħalli jtejbu l-pluralità politika fl-istituzzjonijiet tal-istat u jippromwovu l-modernizzazzjoni u d-demokratizzazzjoni tal-istat u tas-soċjetà;

6.  Jirrimarka li r-rwol kruċjali ta’ sistema ta’ kontroll u bilanċ tas-setgħat fil-governanza ta’ stat demokratiku modern, li jeħtieġ li jkun ibbażat fuq il-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat, u fuq iż-żamma ta’ ekwilibrju bejn il-funzjonijiet eżekuttivi, leġiżlattivi u ġudizzjarji, fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali – b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa – u fuq kultura politika parteċipattiva li tassew tirrifletti l-pluralità ta’ soċjetà demokratika;

7.  Ifakkar li l-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-midja huma fil-qalba tal-valuri Ewropej, u li soċjetà tassew demokratika, ħielsa u pluralista tirrikjedi libertà reali tal-espressjoni; ifakkar li l-libertà tal-espressjoni hija applikabbli mhux biss għal informazzjoni jew ideat li jintlaqgħu favorevolment jew li jitqiesu inoffensivi, imma wkoll, bi qbil mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, għal dawk li joffendu, jixxukkjaw jew jiddisturbaw lill-istat jew lil kwalunkwe sezzjoni tal-popolazzjoni;

8.  Huwa mħasseb dwar id-deterjorament tal-libertà tal-istampa, dwar ċerti atti ta’ ċensura u dwar l-awtoċensura li qed tikber u li tirrenja fil-midja Torok, inkluż fl-internet; jistieden lill-Gvern Tork biex iħares il-prinċipju tal-libertà tal-istampa; jenfasizza li stampa indipendenti hija kruċjali għal soċjetà demokratika, u f’dan il-kuntest, jindika r-rwol essenzjali tal-ġudikatura fil-protezzjoni u t-titjib tal-libertà tal-istampa, biex b’hekk tiggarantixxi spazju pubbliku għal dibattitu ħieles;

9.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li konglomerati kbar b’firxa wiesgħa ta’ interessi tan-negozju huma s-sidien tal-parti l-kbira tal-midja u jikkonċentrawha f’idejhom; itenni s-sejħa tiegħu għall-adozzjoni ta’ liġi ġdida tal-midja li tindirizza, inter alia, il-kwistjonijiet tal-indipendenza, is-sjieda u l-kontroll amministrattiv;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/Viċi-President tal-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-President tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija.