Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0314/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0314/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-bidu ta' negozjati dwar Ftehim Plurilaterali dwar is-Servizzi

26.6.2013 - (2013/2583(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Vital Moreira f'isem il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali


Proċedura : 2013/2583(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0314/2013
Testi mressqa :
B7-0314/2013
Testi adottati :

B7‑0314/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-bidu ta' negozjati dwar Ftehim Plurilaterali dwar is-Servizzi

(2013/2583(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapport preċedenti tiegħu dwar is-servizzi, partikolarment ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2008 dwar il-kummerċ fis-servzzi[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-istat tal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp (DDA) u dwar il-futur tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), partikolarment ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2009 dwar il-prospetti għall-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp wara s-Seba' Konferenza Ministerjali tad-WTO[2] u tal-14 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati tal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar ostakoli għall-kummerċ u l-investiment[4],

–   wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 26 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar is-servizzi ta' interess ġenerali u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1995; wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-12 ta' Marzu 2003 dwar il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) fl-ambitu tad-WTO, inkluża d-diversità kulturali[5],

–   wara li kkunsidra l-abbozzi tad-direttivi ta' negozjati għal ftehim plurilaterali dwar il-kummerċ fis-servizzi, imressqa mill-Kummissjoni fil-15 ta' Frar 2013,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija – Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrategija tal-UE 2020"[6],

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew bit-titolu "Ir-Rapport tal-2012 dwar l-Ostakli għall-Kummerċ u l-Investiment"[7],

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-21 ta' April 2011 tal-President tal-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi tad-WTO, l-Ambaxxatur Fernando de Mateo, lill-Kumitat tan-Negozjati Kummerċjali tiegħu rigward is-sessjoni speċjali tan-negozjati dwar il-kummerċ fis-servizzi[8],

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa mill-grupp "Really Good Friends of Services" (RGF) fil-5 ta' Lulju 2012,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi s-servizzi jirrappreżentaw kważi tliet kwarti tal-PDG u tal-impjiegi tal-UE u huma fundamentali biex tinżamm u tissaħħaħ il-kompetittività tagħha;

B.  billi s-servizzi rrappreżentaw 28 % tal-esportazzjonijiet tal-UE fl-2011 u aktar minn nofs l-investiment dirett barrani tagħha fil-pajjiżi terzi mill-2011;

C. billi l-UE tiżvolġi rwol importanti fil-kummerċ fis-servizzi bħala l-akbar esportatur ta' servizzi fid-dinja kollha, u mill-2011 tirrappreżenta 25,65 % tal-esportazzjonijiet totali ta' servizzi fid-dinja;

D. billi 129 membru tad-WTO assumew impenji fl-ambitu tal-GATS, iżda billi l-maġġoranza ta' tali pajjiżi ma assumewx impenji fis-setturi kollha;

E.  billi, fl-okkażjoni tas-sitt Konferenza Ministerjali tad-WTO li saret f'Ħong Kong fl-2005, bilkemm 30 pajjiż ressqu offerti ġodda ta' servizzi, u billi n-negozjati multilaterali dwar is-servizzi ftit li xejn għamlu progress minn Lulju 2008;

F.  billi, b'riżultat tal-kriżi ekonomika tal-2008 u tal-2009, ġew introdotti miżuri protezzjonistiċi ġodda biex jiġi limitat il-kummerċ fis-servizzi;

G. billi fost il-membri tal-grupp RGF fl-2012 saru t-taħditiet preliminari dwar il-format u l-istruttura tal-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (Trade In Services Agreement - TISA);

H. billi l-21 membru tad-WTO[9] li qegħdin jinnegozjaw mal-UE fil-biċċa l-kbira huma pajjiżi tal-OECD u jirrappreżentaw 70 % tal-kummerċ fis-servizzi transfruntieri globali (bl-esklużjoni tal-kummerċ fis-servizzi intra-UE) u 58 % tal-kummerċ tal-UE fis-servizzi kummerċjali; billi l-partijiet ta' dawn in-negozjati sal-lum ma jinkludu l-ebda pajjiż BRICS, l-ebda membru tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) u l-ebda pajjiż tal-Afrika, tal-Karibew jew tal-Paċifiku;

I.   billi l-Kummissjoni ppreżentat l-abbozzi tad-direttivi ta' negozjati lill-Kunsill fil-15 ta' Frar 2013 u rċeviet mandat fit-18 ta' Marzu 2013 biex tieħu sehem fin-negozjati tal-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi;

1.  Iqis li s-sistema kummerċjali multilaterali, irrappreżentata mid-WTO, għadha l-aktar qafas effikaċi biex jinkiseb kummerċ miftuħ u ġust fid-dinja kollha; jaqbel, madankollu, li kienu neċessarji, fid-dawl ta' stall rikonoxxut matul it-8 Konferenza Ministerjali tad-WTO ta' Diċembru 2011, inizjattivi bilaterali u plurilaterali ġodda bil-għan li jagħtu impetu lin-negozjati kummerċjali f'Ġinevra; jisħaq fuq in-neċessità, madankollu, li l-inizjattivi l-ġodda kollha jibqgħu ankrati fil-qafas tad-WTO;

2.  Jiddispjaċih għall-fatt li ngħatat attenzjoni skarsa lill-kummerċ fis-servizzi mill-bidu taċ-Ċiklu ta' Doha; jenfasizza li s-servizzi jirrappreżentaw is-sinsla tal-ekonomiji u tal-kummerċ fis-seklu 21, peress li n-nibta ta' katini ta' valur globali tiddependi fuq il-provvista tas-servizzi; jenfasizza l-importanza ta' servizzi ta' interess ġenerali sabiex jiġu offruti xbieki ta' protezzjoni fundamentali għaċ-ċittadini u għall-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali fil-livell muniċipali, reġjonali, statali u tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jiddeplora l-fatt li l-listi ta' impenji tal-GATS meħuda mill-partijiet kontraenti fid-WTO saru antikwati u ma jirriflettux il-livell effettiv ta' restrizzjonijiet għall-kummerċ fis-servizzi f'dawn il-pajjiżi, speċjalment dawk li wettqu liberalizzazzjoni awtonoma sostanzjali, u li l-membri tad-WTO għadhom juru livelli differenti ħafna u ftit ċari ta' liberalizzazzjoni u ta' dixxiplina fl-impenji tagħhom rigward il-kummerċ fis-servizzi;

4.  Jilqa' pożittivamnet il-ftuħ tan-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi u l-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea f'dawn it-taħditiet sa mill-bidu biex tkun tista' tippromwovi l-interessi tal-UE u tiddefendi l-pożizzjonijiet tagħha dwar il-format u l-istruttura tal-ftehim; jemmen li l-parteċipazzjoni tal-UE tista' trawwem il-koerenza bejn il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi u s-sistema multilaterali kif ukoll tikkontribwixxi għas-salvagwardja tal-iskrutinju parlamentari adegwat tal-proċess tan-negozjati;

5.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-Kunsill ta mandat mingħajr ma qies l-pożizzjoni tal-Parlament;

6.  Ifakkar lill-Kummissjoni fl-obbligu tagħha li żżomm lill-Parlament informat immedjatament u totalment fil-fażijiet kollha tan-negozjati (qabel u wara ċ-ċikli ta' negozjati);

7.  Jemmen li għadha ma ntlaħqitx massa kritika li tkun tippermetti l-estensjoni tal-benefiċċji ta' dan il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi tal-futur lill-membri kollha tad-WTO u li konsegwentement il-klawsola tan-nazzjon l-aktar iffavorit tal-GATS[10] ma għandhiex tapplika għat-TISA;

8.  Josserva madankollu bi tħassib li fost il-partijiet tan-negozjati ma hemmx is-swieq emerġenti (għajr għat-Turkija), partikolarment il-pajjiżi BRICS, fejn qegħdin jiżdiedu l-kummerċ u l-investimenti fil-qasam tas-servizzi u fejn jinsabu l-ostakli maġġuri, speċjalment għal dak li għandu x'jaqsam mal-investimenti barranin; jistieden, għalhekk, liċ-Ċina u lill-ekonomiji emerġenti l-oħra jipparteċipaw fin-negozjati;

9.  Huwa tal-fehma li jekk tinżamm miftuħa l-possibilità li pajjiżi oħrajn, inklużi l-ekonomiji emerġenti, jipparteċipaw f'dawn in-negozjati, dan ma għandux jikkawża tnaqqis tal-livell ta' ambizzjoni ta' dan il-ftehim, billi grad għoli ta' liberalizzazzjoni u ta' konverġenza tad-dixxiplini biss ikun jista' jikkonvinċi lil dawn il-pajjiżi jieħdu sehem fin-negozjati;

10. Jirrakkomanda li, bil-għan li tinżamm miftuħa l-possibilità li l-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi tal-futur isir multilaterali, il-konfigurazzjoni tiegħu għandha ssegwi l-format u l-istruttura GATS, inkluż il-kunċett tal-lista pożittiva tal-impenji, u tadotta d-definizzjonijiet u l-prinċipji fundamentali stabbiliti fil-GATS, kif ukoll ir-regoli tiegħu dwar it-trattament nazzjonali, l-aċċess għas-swieq u d-dixxiplini;

11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tifformula proposta tal-bidu simili għall-aħħar proposta ta' lista tal-GATS u timmira għal dawn l-objettivi li ġejjin fin-negozjati dwar l-impenji fil-qasam tal-aċċess għas-suq:

–   tiżgura kundizzjonijiet ta' parità aħjar billi tnaqqas l-iżbilanċi tal-impenji fil-GATS bejn il-partijiet, is-setturi u l-metodi;

–   tippromwovi aġenda ambizzjuża għall-interessi offensivi tal-UE, partikolarment fir-rigward tas-servizzi lill-impriżi, tas-servizzi ICT, tas-servizzi finanzjarji u ġuridiċi, tal-kummerċ elettroniku, tas-servizzi tat-trasport marittimu u bl-ajru, tas-servizzi ambjentali u tal-kostruzzjoni; tiddefendi l-interessi tal-UE fis-swieq tal-pajjiżi terzi filwaqt li fil-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi tiddaħħal l-konċessjoni prudenzjali tal-GATS li tippermetti lill-pajjiżi parteċipanti jwettqu regolamentazzjoni nazzjonali tas-swieq finanzjarji u tal-prodotti għal skopijiet prudenzjali; tagħmel appell li l-konċessjoni prudenzjali tal-GATS għas-servizzi finanzjarji tiddaħħal fil-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi bil-għan li l-partijiet tal-ftehim ikunu jistgħu jieħdu miżuri minħabba raġunijiet prudenzjali, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni oħra tal-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi;

–   tiddefendi s-sensittivitajiet Ewropej rigward is-servizzi pubbliċi u s-servizzi ta' interess ġenerali (kif definit fit-Trattati tal-UE), fl-oqsma tal-edukazzjoni pubblika, tas-saħħa pubblika, tal-provvista tal-ilma u tal-ġestjoni tal-iskart u ma tkomplix, bħal fil-każ tal-GATS u tal-ftehimiet bilaterali ta' kummerċ ħieles, tassumi impenji fir-rigward tas-servizzi awdjoviżivi jew tas-servizzi kulturali;

–   tadotta approċċ kawt għall-preżentazzjoni ta' offerti marbuta mal-"Modalità 4", bl-esklużjoni min-negozjati tar-regoli dwar il-viżi, li ma jidħlux fl-ambitu tad-WTO;

–   iżżomm pożizzjoni newtrali dwar in-natura pubblika jew privata tal-proprjetà tal-operaturi ekonomiċi koperti mill-impenji;

–   tiggarantixxi li kwalunkwe liberalizzazzjoni tal-flussi ta' data tkun totalment konsistenti mal-acquis tal-UE fir-rigward tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data;

12. Jinnota li l-UE diġà kkonkudiet, jew qiegħda fil-proċess li tinnegozja, ftehimiet kummerċjali bilaterali ma' wħud mis-sħab fin-negozjati tal-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (inkluż il-Ġappun u dalwaqt anki l-Istati Uniti), li jinkludu kapitoli importanti dwar is-servizzi, li fihom jiġu ttrattati aħjar il-kwistjonijiet bilaterali speċifiċi ta' kull pajjiż; jemmen li, f'termini ta' aċċess għas-suq, l-interess tal-UE f'dawn in-negozjati jikkorrispondi għal dak tas-sħab l-oħra (eż. l-Awstralja, in-New Zealand, il-Messiku, it-Tajwan u t-Turkija);

13. Jisħaq fuq il-fatt li l-inklużjoni tal-prinċipji ta' "standstill" u "ratchet" fil-listi għandha tippermetti li l-impenji tal-partijiet jiġu vinkolati mal-livelli attwali u tippermetti ftuħ progressiv ulterjuri;

14. Jemmen li l-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi għandu jinvolvi dixxiplini regolatorji aktar inċiżivi fl-oqsma tat-trasparenza, tal-kompetizzjoni, tar-rekwiżiti għall-ħruġ tal-liċenzji u tar-regolamentazzjonijiet settorjali, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' kull pajjiż li jadotta regolamenti debitament ġustifikati minħabba raġunijiet ta' politika pubblika[11];

15. Iqis bħala essenzjali li l-UE u l-Istati Membri tagħha jżommu l-possibilità li jippreservaw u jiżviluppaw il-politiki kulturali u awdjoviżivi tagħhom, u li jagħmlu dan fil-qafas tal-liġijiet, l-istandards u l-ftehimiet tagħhom; jilqa' b'sodisfazzjon, għalhekk, l-esklużjoni min-naħa tal-Kunsill tas-servizzi kulturali u awdjoviżivi mill-mandat tan-negozjar;

16. Jenfasizza li dan in-negozjat jirrappreżenta opportunità biex jitjiebu r-regoli fil-qasam tal-akkwist pubbliku[12] u tas-sussidji[13] fis-settur tas-servizzi, li fuqhom in-negozjati GATS qegħdin f'fażi ta' stall;

17. Huwa tal-fehma li l-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi għandu jinkludi klawsola ta' adeżjoni, dispożizzjonijiet li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-"multilateralizzazzjoni" tal-ftehim għall-membri kollha tad-WTO, kif ukoll mekkaniżmu speċifiku għas-soluzzjoni tat-tilwim, mingħajr preġudizzju għall-possibilità ta' rikors għall-mekkaniżmu ġenerali għas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO;

18. Josserva li l-mandat għan-negozjar tal-UE ġie propost mill-Kummissjoni u adottat mill-Kunsill mingħajr l-ebda valutazzjoni tal-impatt; jinsisti li l-Kummissjoni ssegwi l-intenzjoni tagħha li tħejji valutazzjoni tal-impatt fuq is-sostenibilità u li teħtieġ li tagħmel dan f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti fir-rigward tat-tħassib soċjali, ambjentali u ta' xorta oħra; jitlob lill-Kummissjoni tippubblika l-valutazzjoni tal-impatt fuq is-sostenibilità bil-għan li tikkunsidra l-konklużjonijiet tagħha fin-negozjati;

19. Iqis li t-terminu ta' sentejn għall-konklużjoni ta' negozjati bħal dawn huwa ferm ambizzjuż iżda jikkondividi l-opinjoni li tali ftehim għandu jintlaħaq mill-aktar fis possibbli, bil-patt li jintlaħqu l-objettivi msemmijin hawn fuq;

20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.