MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-għargħar reċenti fl-Ewropa
26.6.2013 - (2013/2683(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Lambert van Nistelrooij, Richard Seeber, Ildikó Gáll-Pelcz, Marie‑Thérèse Sanchez-Schmid, Tamás Deutsch, Jan Olbrycht, Markus Pieper, Zofija Mazej Kukovič, Hermann Winkler, Joachim Zeller, Marian-Jean Marinescu f'isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0319/2013
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 191 u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (COM(2005)0108) u l-pożizzjoni tal-Parlament dwarha tat-18 ta' Mejju 2006[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta’ Settembru 2002 dwar l-għargħar fl-Ewropa[2], tat-8 ta’ Settembru 2005 dwar id-diżastri naturali (in-nirien u l-għargħar) fl-Ewropa dan is-sajf [3], tat-18 ta' Mejju 2006 dwar id-diżastri naturali (in-nirien tal-foresti, in-nixfiet u l-għargħar) – l-aspetti agrikoli, l-aspetti tal-iżvilupp reġjonali u l-aspetti ambjentali[4], u tas-7 ta’ Settembru 2006 dwar in-nirien fil-foresti u l-għargħar[5], kif ukoll tal-17 ta' Ġunju 2010 dwar l-għargħar fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali, b'mod partikolari fil-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, l-Ungerija u r-Rumanija u fi Franza[6],
– wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni bit-titolu “L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni” (COM(2009)0147) u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem (COM(2009)0082),,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bl-isem “Reġjuni 2020 – valutazzjoni ta' sfidi tal-ġejjieni għar-reġjuni tal-UE” (SEC(2008)2868),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar id-diżastru naturali kbir li seħħ fir-reġjun awtonomu ta' Madejra fl-24 ta' Frar 2010 u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2010 dwar id-diżastru naturali kbir fir-reġjun awtonomu ta' Madejra u l-effetti tat-tempesta “Xynthia” fl-Ewropa[7],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi seħħ diżastru naturali kbir fl-għamla ta’ għargħar f’pajjiżi tal-Ewropea Ċentrali, b’mod partikolari fil-Ġermanja, l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, l-Islovakkja u l-Ungerija, kif ukoll fi Franża u Spanja.
B. billi x-xita eċċessiva u l-għargħar sussigwenti laqtu s-Slovenja, il-Kroazja u l-Awstrija f’Awwissu 2012, iżda s’issa, il-Kunsill naqas milli jadotta l-pożizzjoni tiegħu dwar il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (EUSF);
C. billi id-diżastru kkawża ħsarat gravi, inkluż fuq l-infrastruttura, l-impriżi u l-art agrikola, filwaqt li qered ukoll elementi tal-wirt naturali u kulturali, u possibbilment ħoloq riskji għas-saħħa pubblika;
D. billi jeħtieġ li ssir rikostruzzjoni sostanzjali taż-żoni li nqerdu jew li ġarrbu ħsara minħabba d-diżastru biex tpatti għat-telf ekonomiku u soċjali;
E. billi l-frekwenza, is-severità, il-kumplessità u l-impatt tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem madwar l-Ewropa żdiedu bil-ħeffa f'dawn l-aħħar snin;
1. Jesprimi l-empatija u s-solidarjetà tiegħu mal-abitanti tar-reġjuni Ewropej affettwati mid-diżastru, jieħu att tal-effetti ekonomċi serji possibbli, u jippreżenta l-kondoljanzi tiegħu;
2. Jirrikonoxxi l-isforzi bla waqfien tal-ekwipaġġi ta’ protezzjoni biex isalvaw il-ħajjiet u jnaqqsu l-ħsarat fiż-żoni milquta;
3. Jifraħ bl-azzjonijiet tal-Istati Membri li pprovdew għajnuna liż-żoni milquta, peress li l-assistenza reċiproka f’sitwazzjonijiet avversi tagħti eżempju ta’ solidarjetà Ewropea;
4. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-kapaċità tal-kontroll tal-għargħar u l-infrastruttura tad-dranaġġ sabiex tiġi limitata l-ħsara kkawżata minn xita eċċessiva;
5. Jitlob lill-Kummissjoni biex, wara li l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jressqu l-pjanijiet ta' rikostruzzjoni rispettivi tagħhom, minnufih tieħu passi ħalli tiżgura li r-riżorsi finanzjarji meħtieġa jintefqu bl-akbar rapidità, effikaċja u flessibbiltà possibbli mill-EUSF;
6. Jenfasizza l-unrġenza li tiġi rilaxxata l-assistenza finanzjarja mill-EUSF għall-pajjiżi affettwati minn dan id-diżastru naturali; jistieden lill-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tiegħu għal raġunijiet ta’ urġenza, kif previst b’mod espliċitu fl-Artikolu 4 tal-Protokoll 1 tat-Trattat;
7. Jistieden lill-Kummissjoni toħloq regolament ġdid u ssimplifikat dwar l-EUSP, li jista’ wkoll jippermetti lill-pajjiżi involuti prefinanzjament tal-pjanijiet ta’ rikostruzzjoni f’każ ta’ bżonn;
8. Jistieden lill-Istati Membri u r-reġjuni jaħdmu fuq strateġiji ta’ ġestjoni ta’ riskji transkonfinali, bl-appoġġ tal-Fondi Strutturali fil-qafas tal-objettiv ta’ kooperazzjoni teriitorjali Ewropea; jistieden lill-Istati Membri u r-reġjuni kkonċernati jikkunsidraw il-ġestjoni ta’ riskju bħala prijorità ta’ investiment għall-perjodu ta’ programmar li jmiss li bħalissa qed jiġi nnegozjat;
9. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-ippjanar u jirrevedu l-politiki tal-użu sostenibbli tal-art u l-kapaċitajiet tal-assorbiment tal-ekosistema u l-aqwa prassi fid-dawl taż-żieda fir-riskju ta’ għargħar dovut għall-mod ta’ kif l-art, il-ħabitats u s-sistemi ta’ dranaġġ jiġu ġestiti; jistieden lill-Kummissjoni wkoll żżid il-kapaċità tal-kontroll tal-għargħar u l-infrastruttura tad-dranaġġ sabiex tiġi limitata l-ħsara kkawżata minn xita eċċessiva; jenfasizza li l-prevenzjoni effikaċi tal-għargħar jeħtieġ li tkun ibbażata fuq strateġiji transkonfinali;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali taż-żoni milquta.