Proċedura : 2013/2679(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0325/2013

Testi mressqa :

B7-0325/2013

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 04/07/2013 - 13.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0332

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 177kWORD 106k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0315/2013
26.6.2013
PE509.974v01-00
 
B7-0325/2013

imressqa wara d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 35(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea


dwar il-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2014 (2013/2679(RSP))


Enrique Guerrero Salom f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2014 (2013/2679(RSP))  
B7‑0325/2013

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2013 (COM(2011)0777),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(1), partikolarment l-Anness IV tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-eżitu tad-djalogu regolari bejn il-Kummissarji kollha u l-Kumitati Parlamentari u r-rapport li jiġbor fil-qosor il-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati tal-11 ta' Ġunju 2013 imressqa lill-Konferenza tal-Presidenti,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar it-tisħiħ tad-demokrazija Ewropea fl-Unjoni Monetarja Ewropea futura (EMU) (2013/2672(RSP)),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni 'Lejn Investiment Soċjali u Koeżjoni - inkluż l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020' (2013/2607(RSP)),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 70 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 35(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-Ewropa għandha tkun impenjata lejn il-mudell tal-ekonomija tas-suq soċjali, filwaqt li tiżgura tkabbir sostenibbli sabiex tiżgura impjiegi u kwalità ta' ħajja aħjar għall-ġenerazzjoni attwali u għal dik tal-futur;

B.  billi l-UE ma rnexxilhiex tegħleb il-kriżi ekonomika u soċjali serja, li wasslet, fost oħrajn, biex jiddgħajjef il-metodu Komunitarju kif ukoll f'nuqqas ta' kapaċità sabiex jiġu implimentati d-deċiżjonijiet malajr, filwaqt li d-deċiżjonijiet relatati mat-tkabbir u l-impjiegi jitolbu azzjoni immedjata;

C. billi n-nuqqas ta' riżoluzzjoni tal-kriżi wasslet għal tnaqqis inkwetanti tal-fiduċja fil-proġett Ewropew, li dgħajjef il-leġittimità u poġġa fil-periklu l-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin;

D. billi l-Kummissjoni mistennija li tieħu azzjoni qabel tmiem il-mandat tagħha, bl-għan li tippreżenta l-proposti mħabbra li fadal u tressaq soluzzjonijiet għal kwistjonijiet pendenti b'mod xieraq u effettiv;

E.  billi l-kriżi finanzjarja tad-dejn sovran li laqtet l-Ewropa, u speċjalment lill-pajjiżi taż-żona tal-euro, wasslet għal tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku b'effetti soċjali negattivi għal ħafna Stati Membri permezz ta' żieda fir-rata tal-qgħad, speċjalment il-qgħad taż-żgħażagħ, fir-rati tal-faqar u fl-esklużjoni soċjali;

F.  billi l-koeżjoni u s-solidarjetà huma fil-qalba tal-objettivi tal-UE, kif affermat bl-Artikolu 174 TFUE, u billi dawn jimmiraw li, u għandhom jiggwidaw l-isforzi tal-UE biex tindirizza l-effetti tal-kriżi ekonomika fl-Istati Membri, inkluż dawk b'diffikultajiet ekonomiċi kkawżati mis-swieq finanzjarji;

1.  Jenfasizza l-konvinzjoni ferma tiegħu li l-istabbiltà fis-settur finanzjarju u s-suċċess tar-riformi strutturali finanzjarji kollha huma prekundizzjoni biex jinkisbu tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-impjiegi fl-Unjoni Ewropea;

2.  Ifakkar li l-baġit tal-UE jeħtieġ li jirrifletti l-politiki ta' prijorità tal-UE; jenfasizza li l-baġit tal-UE hu baġit ta' investiment b'effett ta' lieva qawwi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddefendi l-baġit tal-UE bħala għodda b’saħħitha li tistimola l-investiment strateġiku permezz tal-valur miżjud Ewropew, terġa’ tqiegħed l-ekonomija Ewropea fit-triq it-tajba u tikkumbatti l-effetti negattivi fuq terminu twil tar-rata għolja tal-qgħad u tal-faqar; f'dan ir-rigward, jinsisti fuq il-ħtieġa li t-tkabbir ekonomiku sostenibbli, il-kompetittività, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-ġlieda kontra l-qgħad taż-żgħażagħ, l-infrastrutturi ta' finanzjament Ewropej u l-iżgurar tar-riżorsi għal dawk l-aktar żvantaġġati jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-prijoritajiet tal-baġit tal-UE;

3.  Jinsistu wkoll li għandu jintlaħaq ftehim politiku dwar: reviżjoni obbligatorja u komprensiva tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), li jagħti mezzi finanzjarji addizzjonali għat-tkabbir, l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali; flessibbiltà ġenerali massima, li tippermetti t-tisħiħ tal-prijoritajiet politiċi tal-UE; pjan direzzjonali għal riforma tas-sistema finanzjarja tal-UE, fuq il-bażi ta' sistema ta' riżorsi proprji ġenwini u li jiżgura l-unità tal-baġit; ifakkar li jekk il-QFP ma jiġix adottat sa tmiem l-2013, il-limiti massimi u dipożizzjonijiet korrispondenti oħra għall-2013 se jiġu estiżi sakemm jiġi adottat QFP ġdid; jenfasizza li lest li jivvota fuq ir-Regolament QFP u l-Ftehim Interistituzzjonal biss wara l-konklużjoni sodisfaċenti ta' negozjati estensivi mal-Kunsill;

4.  Itenni l-ħtieġa li titjieb il-koordinazzjoni tal-politiki soċjali u ekonomiċi fil-livell tal-UE sabiex jiġu evitati diskrepanzi, jinbnew sinerġiji bejniethom u jippermettu li dawn isaħħu l-objettivi ta' xulxin;

5.  Itenni ukoll li kull inizjattiva ulterjuri għal UEM profonda u ġenwina bbażata fuq l-istabbiltà, it-tkabbir sostenibbli, is-solidarjetà u d-demokrazija teħtieġ , mingħajr dubju, tinbena fuq il-metodu Komunitarju; jenfasizza li l-istituzzjonijiet għandhom jipprattikaw kooperazzjoni sinċiera u reċiproka; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, meta tikkunsidra kif se ssaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-unjoni ekonomika u monetarja, tindirizza l-ħtiġijiet ta' investiment pubbliku tal-Istati Membri, partikolarment dawk relatati mal-miri soċjali u tal-edukazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020;

6.  Ifakkar lill-Kunsill Ewropew li hu m'għandux is-setgħa ta' inizjattiva leġiżlattiva u li għandu jieqaf jagħti istruzzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-forma u/jew il-kontenut tal-leġiżlazzjoni u m'għandux jaqbeż ir-rwoli ta' koordinament, dawk eżekuttivi u tal-maniġment tal-Kummissjoni kif imniżżla fit-Trattati; itenni li ma jista' jaċċetta l-ebda element intergovernattiv ulterjuri fir-rigward tal-UEM u li se jieħu kull azzjoni meħtieġa u xierqa li hemm bħala prerogattivi tiegħu jekk tali twissijiet jiġu injorati;

7.  Iwissi li l-miżuri ta' awsterità waħedhom jistgħu jikkompromettu l-kwalità tal-impjiegi, il-protezzjoni soċjali u l-istandards tas-saħħa u tas-sikurezza, u jqis li d-dixxiplina baġitarja fiż-żona tal-euro ma għandhiex titkejjal biss fuq il-kriterji ta' referenza fiskali u dawk makroekonomiċi, imma għandha tkun ikkumplimentata, fuq bażi ugwali, mill-kriterji ta' referenza tal-impjiegi u u dawk soċjali kif ukoll mir-rapport ta' progress dwar ir-riformi strutturali, l-għan ikun li jiġi żgurat livell xieraq u effikaċi ta' investiment soċjali u, għalhekk, is-sostenibbiltà ta' UE soċjali;

8.  Jemmen li s-sistema tat-Troika tfixkel l-iskrutinju demokratiku u r-responsabbiltà lejn il-Parlament u jitlob biex tiġi abolita;

9.  Jitlob għal rivitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea, bl-għan li jinħolqu impjiegi ġodda u deċenti, li tappoġġa t-tkabbir sostenibbli u ttejjeb il-kundizzjoni tal-impjieg għall-Ewropej kollha; jenfasizza l-ħtieġa li jitjieb il-qafas makroekonomiku għall-industrija, filwaqt li jitjieb l-aċċess għall-kapital, tiġi provduta infrastruttura aħjar, protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà u appoġġ b'mod partikolari għall-SMEs u l-ekonomija soċjali, sabiex tiżdied il-kompetittività u l-aċċess għal swieq ġodda;

10. Jiddispjaċih li jara, minkejja l-wegħdiet suċċessivi magħmula mill-Kummissjoni, li diversi għanijiet imħabbra ma seħħewx fir-realtà, kemm f'termini kwantitattivi u kemm dawk kwalitattivi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timpenja liż-żewġ koleġiżlaturi fi djalogu intensiv dwar it-tressiq u l-adozzjoni tal-proposti leġiżlattivi mħabbra li fadal;

11. Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu li jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri;

 

IT-TIENI PARTI

ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI DWAR IL-PROGRAMM TA' ĦIDMA TAL-KUMMISSJONI GĦALL-2014

Implimentazzjoni

12. Jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, ittejjeb is-sistemi ta' monitoraġġ, ta' kontroll u tal-awditjar tal-programmi operazzjonali suġġetti għal ġestjoni kondiviża, biex titjieb il-prestazzjoni u jonqos il-livelli ta' irregolarità u l-iżball, fil-qafas tal-QFP li jmiss 2014-2020;

13. Iħeġġeg lill-Kummissjoni ttejjeb il-koerenza tal-programm leġiżlattiv tagħha, tgħolli l-kwalità tal-abbozzi leġiżlattivi tagħha, issaħħaħ il-valutazzjoni tal-impatt tal-abbozz tal-liġijiet, tipproponi fejn xieraq l-użu ta' tabelli ta' korrelazzjoni bl-għan li ttejjeb it-traspożizzjoni tal-liġi tal-UE, u tappoġġa lill-Parlament fin-negozjati tiegħu mal-Kunsill dwar l-użu ta' atti delegati u ta' implimentazzjoni, li jipperikolaw li jimblukkaw b'mod sinifikanti l-proċess leġiżlattiv, bħalma kien il-każ tal-azzjoni esterna tal-istrumenti finanzjarji għall-2014-2020; itenni s-sejħiet repetuti tiegħu biex jerġa' jiġi neġozjat il-Ftehim Interistituzzjonali 2003 dwar leġiżlar aħjar;

Suq soċjali uniku li jrendi tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv

14. Ifakkar fir-rwol ewlieni li żvolġa s-suq uniku bħala mutur għall-integrazzjoni tal-UE, it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi u bħala pilastru tal-ekonomija reali tal-UE bil-promozzjoni tal-konverġenza bejn il-pajjiżi tal-euro u dawk li m'għandhomx l-euro; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tiffoka fuq il-Governanza tas-Suq Uniku sabiex tallinja l-adozzjoni u l-infurzar tal-prijoritajiet leġiżlattivi u ta' politika u tiżviluppa valutazzjoni regolari tal-integrazzjoni tas-Suq Uniku – abbażi ta' rapport dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku li jakkumpanja l-istħarriġ tat-tkabbir annwali (AGSs) u tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-pajjiż – fil-qafas tas-Semestru Ewropew;‑{}‑

15. Jitlob lill-Kummissjoni ssegwi implimentazzjoni konsistenti tas-Suq Uniku I u II, billi tressaq proposti li jiżviluppaw, jikkompletaw u jimplimentaw is-suq uniku diġitali, bħal qafas strateġiku ġdid li jiġbor fih id-disponibbiltà u l-portabbiltà transkonfinali tal-kontenut diġitali tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ggarantit id-dritt ta' aċċess universali għall-internet;

16. Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja sew u b'mod rigoruż l-implimentazzjoni, l-infurzar u t-twessigħ tal-Aġenda tal-Konsumatur, b'mod partikolari fir-rigward tal-iskemi ġodda tal-UE għal rimedju għall-konsumatur, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-fiduċja fis-suq uniku; f'dan ir-rigward, jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati, adottati u implimentati għodda leġiżlattivi speċifiċi li jindirizzaw prattiki qarrieqa ta' riklamar u dawk kummerċjali, trasparenza u kumparabbiltà ta' tariffi għal servizzi bankarji, għal bdil tal-kontijiet tal-bank u għad-dritt tal-aċċess għal kont tal-bank bażiku għall-konsumaturi kollha; jistieden lill-Kummissjoni tlesti l-proposta leġiżlattiva li ilha mistennija fir-rigward tal-pakketti ta' vvjaġġar u ta' btajjel;

17. Jitlob, għalhekk, approċċ għal politika mġedda dwar aċċess universali għall-konsumaturi għas-setturi utilitarji (l-ilma, l-enerġija, it-trasport, il-gass u l-elettriku, u s-servizzi postali) ibbażata fuq il-kwalità, l-universalità u l-affordabbiltà, b'attenzjoni speċifika għall-gruppi vulverabbli tal-konsumaturi li qed jiżdiedu; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi indirizzata b'mod konkret u effikaċi l-kwistjoni tal-faqar tal-enerġija tal-konsumatur; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tevalwa l-fattibbiltà li tiżviluppa skema għall-insolvenza tal-konsumatur u tal-unitajiet domestiċi u li tressaq proposta leġiżlattiva speċifika;

18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta Kodiċi Doganali Modernizzat billi tiżviluppa b'mod sħiħ prattiki tad-dwana elettroniċi armonizzati;

19. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta proposta dwar l-14-il direttiva dwar il-liġi tal-kumpanija dwar it-trasferiment transkonfinali tas-sede tal-kumpanija, filwaqt li tiżgura l-preservazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-impjegati permezz ta' linja ta' trasferiment mal-acquis, immexxija fil-prinċipju mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membru ospitanti, għajr f'dawk il-każi fejn il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membru ospitanti ma tipprovdix għall-inqas l-istess livell ta' parteċipazzjoni bħal dik applikabbli fl-Istati Membru tad-domiċilju;

20. Jenfasizza li fl-interessi ta' tisħiħ akbar malajr kemm jista' jkun tal-effiċjenza u r-robustezza tas-swieq finanzjarji tal-UE, il-proposti pendenti tal-Kummissjoni dwar is-servizzi finanzjarji għandhom ikunu adottati malajr, b'hekk jiġi evitat ittardjar fid-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni relevanti;

21. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta malajr kemm jista' jkun il-proposti tagħha dwar abbozz ta' regolament li jistabbilixxi Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u dwar is-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet dwar ir-riforma strutturali tal-banek; jenfasizza l-importanza għall-koleġiżlaturi li jindirizzaw malajr dawn il-proposti, biex jippermettu d-dħul fis-seħħ tagħhom mingħajr dewmien;

22. Jitlob sabiex jinfetħu negozjati dwar id-Direttiva dwar l-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti, kif enfasizzat reċentement mill-kriżi Ċiprijotta, b'mod parallel mal-proposta għal Direttiva li tistabblixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet tal-kreditu u tad-ditti tal-investiment;

23. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta malajr kemm jista' jkun proposta dwar il-fondi ta' flus fis-suq, filwaqt li tikkunsidra b'mod sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS);

24. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta biex tadotta l-kodiċi ta' konverġenza relatata mas-Semestru tal-UE abbażi tal-istrateġija Europa 2020 u li tinkludi pilastru soċjali b'saħħtu;

25. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta dwar l-Informazzjoni lill-ħaddiema u konsultazzjoni tal-ħaddiema, antiċipazzjoni u ġestjoni tar-ristrutturazzjoni, kif imfassla fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2013 (2012/2061(INI));

26. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol (2003/88/KE), li tiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema kollha kontra siegħat twal ta' ħin tax-xogħol u r-rispett għad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (QtĠ) dwar ir-rikonoxximent li kull ħin ta' disponibilità jiġi ttrattat bħala ħin tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni tibda ħidma dwar regolament qafas Ewropew għal introjtu deċenti, permezz ta' negozjar kollettiv jew permezz tal-liġi, filwaqt li tiżgura l-kumpatibbiltà ma', u r-rispett lejn, it-tradizzjonijiet u l-prassi nazzjonali u l-awtonomija għas-sħab soċjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa, għal xogħol ugwali ta' valur ugwali; jinsisti li l-Kummissjoni taħdem bi sforzi akbar biex tiżblokka d-Direttiva dwar il-Leave tal-Ġenituri (2010/18/UE) u tinsisti dwar is-segwitu mwiegħed għall-istudju tal-Kummissjoni tal-2010 dwar it-tnedija tal-leave tal-paternità;

27. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta direttiva qafas dwar is-servizzi soċjali ta' interess ġenerali, fuq il-bażi tal-Artikolu 14 TFUE u tal-Protokol 26;

28. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta strateġija Ewropea ġdida dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol fis-snin li ġejjin, qabel l-2020; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal direttiva dwar mard muskoluskeletali (MSD) marbut max-xogħol u reviżjoni tad-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati mal-karċinoġeni u l-mutaġeni fuq ix-xogħol;

 

Il-klima, l-ambjent, l-enerġija u t-trasport

29. Jistenna l-Kummissjoni tressaq mingħajr aktar dewmien proposti leġiżlattivi biex tirrevedi d-Direttiva dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet (2001/81/KE) u leġiżlazzjoni oħra dwar il-kwalità tal-arja, sabiex tagħti protezzjoni msaħħa mill-aspetti negattivi tat-tniġġiż tal-arja fuq is-saħħa tal-bniedem;

30. Jilqa' l-green paper dwar qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija 2030, imma jinsisti li dan għandu jkun segwit minn proposta leġiżlattiva li tinkludi l-miri vinkolanti dwar it-tnaqqis tas-CO2, l-effiċjenza enerġetika u s-sorsi rinnovabbli tal-enerġija; jinsisti li l-Kummissjoni għandha tressaq proposta leġiżlattiva dwar is-sorveljanza, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet tal-gass b'effett serra mit-trasport marittimu; jitlob li l-Kummissjoni tipproponi mira ġdida sa 45 % għall-2030 dwar l-enerġija rinnovabbli biex tiggarantixxi ċertezza għall-investitur fit-teknoloġiji relatati;

31. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef ix-xogħol dwar ir-reviżjoni tal-pakkett dwar l-iġjene, minħabba dak li ġara reċentement fir-rigward ta' prattiki frawdolenti relatati ma' prodotti tal-laħam fl-UE;

32. Jiddispjaċih dwar il-progress bil-mod biex titressaq proposta leġiżlattiva dwar l-użu ta' tekniki tal-cloning fil-produzzjoni tal-ikel, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tara li dan jitwettaq, flimkien ma' proposta dwar l-ikel il-ġdid; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta, malajr kemm jista' jkun, qafas ta' politika xierqa dwar l-interferent endokrinali ;

33. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta li tistabbilixxi osservatorju tal-enerġija bl-objettivi ta' titjib tal-għarfien dwar is-swieq tal-importazzjoni tal-enerġija u li ssaħħaħ l-analiżi tas-swieq tal-esportazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-vijabilità u l-effettività ta’ miżuri għad-dispożizzjoni tal-UE biex tistabbilixxi u timplimenta Komunità Ewropea għall-Enerġija;

34. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal strateġija dwar il-faqar enerġetiku, akkumpanjata minn proposti xierqa, inkluża d-definizzjoni ta’ faqar enerġetiku għall-Ewropa kollha;

35. Jitlob lill-Kummissjoni testendi l-kompetenzi tal-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji fil-qasam tas-sikurezza, iċ-ċertifikazzjoni u l-omologazzjoni ta’ vetturi ferrovjarji;

36. Jistenna li l-Kummissjoni tkompli bl-isforzi lejn implimentazzjoni sħiħa tal-Ajru Uniku Ewropew, inkluż it-twaqqif ta’ Blokki ta’ Spazju tal-Ajru Funzjonali u tas-SESAR (il-programm ta' riċerka ATM dwar l-Ajru Uniku Ewropew) sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet futuri ta’ kapaċità ta’ spazju tal-ajru u ta’ sikurezza;

 

l-Agrikultura u s-Sajd

37. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura perjodu ta' tranżizzjoni mingħajr diffikultajiet għall-2014 minħabba d-dħul fis-seħħ tal-Politika Agrikola Komuni ġdida fl-2015; barra minn hekk, jitlob lill-Kummissjoni tressaq qafas legali diġà mħabbar dwar il-politika tal-promozzjoni, kif ukoll reviżjoni tar-regolamenti dwar il-frott u l-ħaxix u l-biedja organika;

38. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa biex tgħin l-Istati Membri jimplimentaw il-Politika dwar is-Sajd Komuni li għadha kif ġiet adottata f'konformità mal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd; jistenna l-Kummissjoni tiżgura li l-Artikolu 43(2) TFUE jifforma l-bażi legali tal-proposti tiegħu u li tillimita l-użu tal-Artikolu 43(3) għal proposti strettament konnessi mal-istabbiliment u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd; għal dan il-għan, jistenna l-Kummissjoni tgħin biex titwaqqaf taskforce interistituzzjonali komposta minn rappreżentanti mit-tliet istituzzjonijiet biex tidentifika l-aħjar modi ta' proċedura;

 

Soċjetajiet Koeżivi u inklużivi - Ewropa taċ-Ċittadini

39. Ifakkar li l-politika ta' koeżjoni hi l-għodda ewlenija ta' investiment biex jinltaħqu l-objettivi tal-UE 2020; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tieħu azzjoni xierqa u malajr, sabiex tiggarantixxi bidu f'waqqtu, kif ukoll biex tistabbilixxi kundizzjonijiet ċari li jippermettu implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali 2014-2020 fl-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq immedjatament abbozz revedut tar-Regolament (KE) 2012/2002 dwar il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea;

40. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar kundizzjonijiet ta' dħul u ta' residenza għal riċerkaturi, studenti, skambju ta' studenti, apprendisti u voluntiera; jitlob għal aktar proposti sostantivi dwar il-migrazzjoni legali; f'dan ir-rigward, jistenna li l-Kummissjoni tkompli tinkoraġġixxi lis-sħab soċjali bl-għan li jintlaħaq ftehim dwar qafas ta' kwalità Ewropew għall-aprendistati skont l-Artikolu 155 TFUE; fin-nuqqas ta' dan, il-Kummissjoni għandha tipproponi direttiva li tistabbilixxi standards ta' kwaltità u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti minimi għall-internships u l-apprendistati;

41. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ proposta leġiżlattiva dwar is-solidarjetà msaħħa intrakomunitarja fil-qasam tal-ażil, kif rikjesta kemm-il darba mill-Parlament, meta wieħed iżomm f’moħħu li l-Unjoni hija impenjata li jkollha politika komuni u li taħdem dwar l-ażil sal-2012, li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni u r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali;

42. Jappoġġa l-proposta li jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 168/2007 dwar l-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal proposta dettaljata għal mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u sistema ta' twissija bikrija, ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 TUE u l-Artikolu 258 TFUE;

43. Jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza l-pjan direzzjonali dwar id-drittijiet proċedurali u tissorvelja t-traspożizzjoni tad-Direttivi adottati biex tiżgura li d-drittijiet bażiċi tal-persuni suspettati u akkużati jkunu protetti biżżejjed permezz ta’ standards minimi komuni ta' drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali biex tiżgura u trendi effettiv il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku;

44. Jistenna l-Kummissjoni tkompli bil-ħidma tagħha lejn l-iżvilupp ta' approċċ tal-UE fir-rigward tal-liġi kriminali u jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta leġiżlattiva għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku li għandu jkun responsabbli għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq quddiem il-ġustizzja ta' dawk responsabbli minn ħsara lill-assi ġestiti mill-UE jew f'isimha;

45. Jitlob lill-Kummissjoni tħejji pjan direzzjonali tal-UE għall-ugwaljanza fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali jew l-identita' sesswali, bl-għan li jkun adottat sal-2014; jitlob għal riformulazzjoni tad-deċiżjoni qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali li tinkludi forom oħra ta’ reati preġudikanti, inkluż fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali, identità tal-ġeneru u espressjoni tal-ġeneru;

46. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal direttiva dwar l-eradikazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa sabiex tiffirma jew tirratifika l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, b'hekk tagħti sprinta qawwija lill-Istati Membri li għad iridu jagħmlu dan;

47. Jinsisti li l-Kummissjoni tressaq ir-reviżjoni komprensiva tagħha tad-Direttiva (2006/24/KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-Żamma tad-Dejta, u tressaq proposta biex tindirizza n-nuqqasijiet;

48. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli b'urġenza l-ħidma tagħha dwar il-ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-protezzjoni tad-dejta personali meta din tiġi trasferita u pproċessata sabiex jiġu evitati , investigati, individwati jew segwiti fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali, reati kriminali, fosthom atti terroristiċi; itenni l-urġenza ta' konklużjoni rapida ta' din il-materja;

49. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli bir-riforma dwar id-dritt tal-awtur, biex tiżgura li tkun adatta għall-ambjent tal-internet u bbażata fuq il-leġittimità soċjali; itenni l-ħtieġa li tkun finalizzata r-riforma dwar id-drittijiet tal-proprjetà industrijali biex jingħata stimolu lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa;

50. Jistenna li l-Kummissjoni tressaq proposti ġodda jew teżamina aktar ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti fil-qasam tal-liġi ċivili u proċedurali, b'mod partikulari Ruma II u Brussell II; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-kwistjonijiet dwar il-liġi tal-impjiegi ma ġewx ikkunsidrati b'mod suffiċjenti matul ir-riformulazzjoni ta' Brussell I u jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-ħolqien ta' forum esklużiv għal kwistjonijiet li jirrigwardaw l-azzjoni industrijali, bi qbil mar-Regolament Ruma II;

51. Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta għal regolament dwar il-liġi Ewropea dwar il-proċedura amministrattiva, bl-għan li tiġi żviluppata ġabra ta' regoli kodifikati koerenti u komprensiva tal-liġi amministrattiva; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-effetti tad-dokumenti dwar l-istat ċivili;

52. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni tar-regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u sabiex temendaha fejn xieraq;

53. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura għall-inqas li jibqgħu fl-istess livell bħal tal-2013 l-approprjazzjonijiet allokati għall-programm 'Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija', qabel l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss;

 

Il-politika Barranija u l-politiki ta' żvilupp

54. Jenfasizza l-importanza li terġa tiġi affermata, b'determinazzjoni akbar, il-perspettiva ta' tkabbir għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u jikkondividi r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li jinbdew taħdidiet ta' adeżjoni mal-UE mas-Serbja u mal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM); jitlob lill-Kummissjoni taħdem mat-Turkija bħala pajjiż kandidat li jeħtieġ jaspira għall-ogħla prattiki u standards demokratiċi possibbli, u jipproponi li jiġi kkunsidrat il-ftuħ tal-kapitoli ta' adeżjoni fosthom il-kapitolu 22 dwar il-politika reġjonali u l-kapitoli 23 u 24 dwar id-drittijiet fundamentali u l-ġudikatura;

55. Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-kwantità u l-effiċjenza tal-għajnuna umanitarja u tal-assistenza tal-UE li qed titwassal lill-popolazzjonijeit fil-bżonn ta' ħtiġijiet u servizzi bażiċi fis-Sirja u fost ir-refuġjati mis-Sirja fil-pajjiżi ġirien;

56. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta li twaqqaf mekkaniżmu, iffinanzjat mill-istrument finanzjarju rilevanti tal-azzjoni esterna tal-UE u kompost minn tim ta' investigaturi, prosekuturi, avukati u esperti oħra nazzjonali mill-Istati Membri tal-UE, kif ukoll minn pajjiżi oħra kkonċernati (l-Iżvizzera, il-Kanada u l-Istati Uniti), bl-għan li jipprovdi għajnuna legali u konsulenza u assistenza teknika lill-awtoritajiet tal-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija dwar l-irkupru ta' assi misapproprjati u misruqa mid-dittaturi preċedenti, il-familji u r-reġimi tagħhom;

57. Ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li ttejjeb l-evalwazzjoni tagħha tal-implimentazzjoni tal-kunsensus dwar l-għajnuna umanitarja, il-kumplimentarjetà tagħha mal-Istati Membri u donaturi u l-ħtieġa ta' reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1996;

 

Il-kummerċ

58. Jappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni fin-negozjati kummerċjali bilaterali kollha li għaddejjin, imma jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra sew l-opinjonijiet tal-Parlament fir-rigward tal-Ġappun u s-Sħubija Transatlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment; ifakkar fit-talba tiegħu għal standards soċjali u ambjentali vinkolanti fil-ftehimiet bilaterali ta' kummerċ kollha u ta' standards dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva;

59. Jistenna l-proposti tal-Kummissjoni dwar il-ħidma favur 'katina ta' provvista responsabbli' u dwar il-ġlieda kontra l-agħar forom ta' xogħol mit-tfal permezz tal-istrumenti tal-kummerċ;

60. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' ambizzjoni fil-proposta tal-Kummissjoni għal modernizzazzjoni tal-istrumenti tad-difiża tal-kummerċ u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal riforma tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 dwar oġġetti b'użu doppju.

(1)

ĠU L 304, 20.11.2010, p.47.

Avviż legali - Politika tal-privatezza