MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2014
28.6.2013 - (2013/2679(RSP))
skont l-Artikolu 35(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea
Malcolm Harbour f'isem il-Grupp ECR
B7‑0329/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2014
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni li jmiss mill-Kummissjoni dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2014,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni[1], b'mod partikolari l-Anness IV tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropa 2020,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 35(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Ewropa tinsab f'tellieqa globali li fiha l-ekonomiji kompetittivi biss se jkunu kapaċi li joħolqu l-impjiegi u jgħollu l-istandards tal-għajxien taċ-ċittadini tagħhom;
B. billi l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċa kriżi kompetittiva profonda f'ekonomija globali li qed tkun dejjem iżjed diffiċli;
C. billi l-parti l-kbira tar-reġjuni l-oħra tad-dinja qed jikbru aktar malajr, b'livelli akbar ta' produttività u innovazzjoni;
D. billi l-kriżi tad-dejn pubbliku taż-żona tal-euro għamlet ħsara kbira lill-ekonomija Ewropea u kkawżat tbatijiet kbar lil miljuni ta' persuni;
L-EWWEL PARTI: PRIJORITAJIET EWLENIN GĦALL-PROGRAMM TA' ĦIDMA TAL-2014 - 'IT-TRIQ LEJN IT-TKABBIR'
1. Jenfasizza li għandha titkompla l-ħidma sabiex tinstab soluzzjoni għall-kriżi immedjata taż-żona tal-euro billi l-finanzi pubbliċi jerġgħu jitwaqqfu fis-sod, billi tinħoloq sistema bankarja b'saħħitha u billi jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku sostenibbli;
2. Jenfasizza li filwaqt li hu meħtieġ investiment pubbliku b'miri ċari, pereżempju biex jitjiebu l-istandards edukattivi u tiżviluppa l-infrastruttura, it-tkabbir fuq terminu twil ma jintlaħaqx billi tiżdied l-ispiża pubblika – li titlob żieda fil-piż tat-taxxi fuq individwi u negozji li diġà jinsabu taħt pressjoni – jew billi jsir aktar self ta' flus li jkun irid jitħallas lura mill-ġenerazzjonijet futuri;
3. Jappoġġa strateġija ta' tkabbir li l-objettiv tagħha jkun li tiżgura li jkun hemm il-qafas ta' politika adatt li jippermetti lin-negozji u lill-imprendituri jirnexxu billi joħolqu impjiegi, jiġġeneraw il-ġid u jgħollu l-istandards tal-għajxien; jinnota li l-istrateġija Ewropa 2020 stabbilit linja għall-futur, imma jiddispjaċih dwar il-fatt li ma kienx hemm rieda politika biżżejjed biex jingħata momemtum suffiċjenti li jiżgura implimentazzjoni sħiħa;
4. Ifakkar li l-infiq pubbliku Ewropew ma jistax ma jikkunsidrax l-isforzi magħmula mill-Istati Membri biex iġibu l-infiq pubbliku taħt kontroll, u jinisti li l-baġit tal-Unjoni m'għandux iżid piż fiskali addizzjonali fuq dawk li jħallsu t-taxxi u għandu jkun indirizzat b'mod ċar biex jgħin lill-Istati Membri jindirizzaw, b'mod kollettiv u flimkien, l-isfidi strutturali preżenti, b'mod partikolari t-telf tal-kompetittività u konsegwentement ir-rata tal-qgħad li qed togħla;
5. Ikompli jinisti fuq il-prinċipju tal-valur miżjud Ewropew, li għandu jkun il-punt fundamentali tal-infiq kollu, li għandu jkun iggiwidat ukoll mill-prinċipji tal-effiċjenza, l-effikaċja u l-valur għall-flus, filwaqt li jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà kif definit mill-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni (TUE) u mnaqqax fil-Protokoll 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea;
6. Jitlob lill-Kummissjoni tuża l-programm ta' ħidma tagħha għall-2014:
- biex tistabbilixxi aġenda ta' tkabbir dettaljata għall-Unjoni Ewropea li tiffoka fuq it-twaqqif ta' qafas ta' politika li jippermetti lin-negozji u lill-imprendituri jiżviluppaw l-industriji u s-servizzi li jwasslu għal impjiegi fuq terminu twil u għall-prosperità;
- biex tieħu azzjoni li timmodernizza t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-baġit li jippermetti lill-Unjoni Ewropea twassal valur miżjud bi spiża raġonevoli;
- biex tieħu passi sabiex timmodernizza l-politiki interni li jilħqu d-domandi tas-seklu l-ġdid, mhux l-aħħar wieħed, u biex tirrispetta l-prinċipju ta' sussidjarjetà;
7. Jitlob għal azzjoni li terġa' tagħti l-ħajja lill-ekonomija Ewropea billi:
- tnaqqas il-piż tar-regolamentazzjoni tal-UE,
- iġġib is-suq uniku għall-istadju ta' żvilupp li jmiss, billi testendih kompletament għas-settur tas-servizzi,
- toħloq suq uniku ta' effiċjenza diġitali,
- twaqqaf suq intern tal-enerġija li jkun effiċjenti u effikaċi, u li jagħmel progress lejn Żona Unika Ewropea tat-Trasport,
- titwaqqaf Żona Ewropea ta' Riċerka,
- twassal għal swieq globali miftuħa,
- tippromovi swieq tax-xogħol li jiffunzjonaw sew, u
- tibni settur tas-serizzi finanzjarji b'saħħtu, dinamiku u kompetittiv;
IT-TIENI PARTI: PROPOSTI SPEĊIFIĊI GĦALL-PROGRAMM TA' ĦIDMA
It-twassil tal-valur għal flus u l-implimentazzjoni
8. Jinsab ferm konxju li l-infiq kollu qed iseħħ f'kuntest ekonomiku ferm diffiċli li fih l-Istati Membri qed jagħmlu sforzi kbar biex iwettqu aġġustamenti fiskali lill-baġits nazzjonali tagħhom, kif mitlub mill-Unjoni Ewropea, bl-għan li jiżguraw l-istabbiltà tal-finanzi pubbliċi, is-settur bankarju u l-munita unika;
9. Jilqa' l-ftehim milħuq mill-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern fis-7-8 ta' Frar li mhux biss jirrifletti l-kundizzjonijiet ekonomiċi u fiskali diffiċli tal-Istati Membri imma jfittex ukoll li jikkonċentra fuq aktar infiq favur dawk l-Istati Membri li jeħtieġu l-aktar;
10. Jinnota li l-2014 għandha tkun l-ewwel sena baġitarja tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li għandu jkun maqbul bejn il-Parlament u l-Kunsill; jitlob li l-Kummissjoni taħdem iebes biex tiżgura li jkunu introdotti dixxiplini u proċessi aktar b'saħħithom li jippermettu infiq aħjar u aktar effiċjenti, inkluż it-twaqqif ta' mekkaniżmi superviżorji xierqa li jiżguraw l-użu ta' fondi fil-waqt u effikaċi kif previst fl-estimi tagħha; jinnota li l-problemi attwali relatati ma' nuqqas ta' pagamenti parzjalment jirriżultaw minn nuqqas ta' użu ta' fondi matul l-ewwel ftit snin tal-QFP attwali; jenfasizza li din is-sitwazzjoni trid tiġi evitata fil-futur;
11. Jenfasizza li l-baġit tal-UE għandu jkun baġit ta' investiment iffukat fuq it-twettiq ta' objettivi ċari; jenfasizza li l-baġit Ewropew għandu jiffoka b'mod ċar fuq oqsma ta' infiq li huma magħrufa li jagħtu valur miżjud ċar u li jista' jintwera, bl-istrumenti kollha jintefqu bl-aktar mod effikaċi possibbli;
12. Itenni s-sejħa tieħu lill-Kummissjoni biex tagħmel dak kollu li tista' ħalli tintroduċi dikjarazzjonijiet standard ta' ġestjoni nazzjonali, iffirmati fil-livell politiku xieraq, li jkopru l-fondi tal-UE taħt ġestjoni kondiviża; itenni wkoll is-sejħa tiegħu għal evalwazzjonijiet sistematiċi, regolari u indipendenti, li jiżguraw li l-infiq kollu jilħaq l-eżiti mixtieqa f'mod kosteffikaċi; itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni li jmiss biex tinkludi Kummissarju għall-Kontroll tal-Baġit;
13. Jinnota t-tħassib li qed jiżdied dwar il-mod li bih il-Kummissjoni qed timplimenta atti delegati minn meta daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Lisbona; iqis li l-Parlament għandu jingħata opportunitajiet adegwati ta' konsultazzjoni matul it-tfassil ta' leġiżlazzjoni sekondarja, kemm qabel u kemm wara tressiq formali mill-Kummissjoni;
Regolamentazzjoni intelliġenti u li toħloq inqas piż
14. Jenfasizza li hu ferm importanti li tinqata' l-burokrazija żejda li tfixkel il-prodotti u s-servizzi, speċjalment għall-impriżi ż-żgħar;
15. Jitlob li l-Kummissjoni tara li jiġi rispettat il-ftehim bejn it-tliet istituzzjonijiet għal tfassil ta' liġijiet aħjar, inklużi l-Istati Membri, li kollha għandhom ikunu inkoraġġiti mill-Kummissjoni biex iwettqu t-testijiet tagħhom stess tal-SMEs u tas-suq uniku; f'dan ir-rigward, jinnota li l-Kunsill għandu jwaqqaf l-unità tal-valutazzjoni tal-impatt tiegħu biex jipproduċi valutazzjonijiet tal-impatt fuq l-emendi tiegħu; jenfasizza l-importanza ta' kontrolli ta' adegwatezza fl-aġenda ta' Regolamentazzjoni aħjar;
16. Itenni l-ħtieġa ta' testijiet tas-suq uniku li jitwettqu b'mod konsistenti fid-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni qabel jiġu ppreżentati proposti sabiex ikun żgurat li l-leġiżlazzjoni ma tfixkilx il-funzjonament tas-suq uniku;
17. Jipproponi li l-Kummissjoni terġa tiddikjara l-miri tagħha ta' simplifikazzjoni amministrattiva u ta' tisħiħ tal-impenn tagħha li tivvaluta jekk l-azzjoni fil-livell tal-UE għandhiex verament valur miżjud qabel jinbeda x-xogħol fuq l-abbozz ta' proposti;
18. Jitlob sabiex fl-2014 jitkompla l-programm li jnaqqas il-piż regolatorju b'ambitu aktar ambizzjuż u aktar wiesa' u l-introduzzjoni ta' bbilanċjar tal-piż regolatorju;
19. Jistieden lill-Kummissjoni tippromovi l-interessi tal-SMEs u l-intrapriżi mikro billi jiġi żgurat aċċess eħfef għas-suq uniku fl-Ewropa; jilqa' l-passi diġà meħuda mill-Kummissjoni biex jitnaqqas il-piż regolatorju fuq l-SMEs u l-intrapriżi mikro li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-UE, bħal eżenzjonijiet għall-SMEs minn ċerta dispożizzjonijiet leġiżlattivi fejn possibbli u xieraq;
20. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li tkompli ttejjeb l-approċċ regolatorju tagħha tal-SMEs u tal-intrapriżi mikro billi tiffoka fuq leġiżlazzjoni speċifika mfassla apposta għall-ħtiġijiet tal-SMEs u billi tinsisti fuq l-introduzzjoni ta' miżuri mmirati għall-SMEs, inklużi dawk li jirriżultaw mill-konsultazzjoni dwar l-Għaxar l-aktar atti leġiżlattivi li huma ta' piż fuq l-SMEs'[2], pereżempju d-deċiżjoni reċenti li jitbaxxew it-tariffi li l-SMEs iħallsu meta jirreġistraw sustanzi kimiċi mniżżla f'REACH;
21. Jinnota l-bilanċ delikat bejn ir-responsabbiltà fiskali u l-ħtieġa għal tkabbir; jemmen, fil-kuntest tad-dibattitu li għaddej, li l-ebda waħda ma teskludi lill-oħra, u jenfasizza li t-tnaqqis tal-piż regolatorju u t-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir tal-SMEs huma l-aktar mezzi pożittivi li jwasslu biex terġa' tinkiseb il-fiduċja fl-ekonomija; b'mod partikolari, jitlob biex isir titjib fir-rigward tal-mezzi li permezz tagħhom l-SMEs ikunu jistgħu jikbru permezz ta' aċċess għas-swieq kapitali;
Suq uniku għaċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-intrapriżi
22. Hu tal-fehma li s-suq uniku hu wieħed mill-ogħla prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea, minħabba li hu l-mezz l-aktar importanti għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi;
23. Iqis li l-protezzjoniżmu u n-nuqqas ta' infurzar tar-regoli ta' kompetizzjoni jwasslu biss biex il-kriżi ssir aktar profonda u ttul; jenfasizza li l-politika tal-kompetizzjoni bbażata fuq il-prinċipji ta' swieq miftuħa u ta' kundizzjonijiet ugwali fis-setturi kollha hi għodda essenzjali li tippermetti l-UE li jkollha suq intern dinamiku, effiċjenti u innovattiv u li tkun kompetittiva fil-livell globali; jesprimi tħassib dwar l-eżenzjoni ta' wisq servizzi mill-iskrutinju tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni;
24. Jitlob l-appoġġ u t-tmexxija tal-Kummissjoni fit-tisħiħ tar-rwol tas-suq uniku fir-rigward tas-Semestru Ewropew u fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament u biex tiġi nkorporata fis-Semestru Ewropew reviżjoni li teżamina l-progress li sar favur it-tkomplija tas-suq uniku, inklużi miri kwantitattivi;
25. Itenni li hu essenzjali li tissaħħaħ id-Direttiva dwar is-Servizzi; jitlob lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri waqt li jippromovu aċċess għas-suq uniku għas-servizzi; jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi prattiki restrittivi fis-seħħ, bħal ma hu 'test tal-ħtiġijiet ekonomiċi';
26. Jitlob biex issir pressjoni sabiex is-suq uniku għall-prodotti jiffunzjona b'mod aktar effettiv; itenni li l-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku hu fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid l-isforzi tagħha sabiex tiżgura li l-Istati Membri jirrispettaw dan il-prinċipju, b'mod partikolari dwar il-prodotti tal-kostruzzjoni; jafferma mill-ġdid l-appoġġ b'saħħtu tiegħu għal kooperazzjoni mtejba bejn l-Istati Membri dwar is-sorveljanza effettiva tas-suq li tiżgura suq ġust u miftuħ u prodotti sikuri;
27. Jenfasizza l-importanza ta' momentum akbar biex jitlestew il-ftehimiet għall-proposti eżistenti dwar l-Att dwar is-Suq Uniku, inkluż rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki professjonali, u l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet; jenfasizza l-potenzjal kruċjali tal-akkwist pubbliku innovattiv fil-ġenerazzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi;
28. Jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri fit-twaqqif ta' Ċentri tas-Suq Uniku u Punti ta' Kuntatt Uniku mtejba;
29. Jenfasizza l-importanza li jkunu żviluppati indikaturi aħjar tal-prestazzjoni tas-suq uniku abbażi ta' esperjenzi u aspettattivi reali tan-negozji u l-konsumaturi biex titjieb il-funzjonalità u t-tagħrif tad-drittijiet tagħhom li huma jistgħu jutilizzaw;
30. Jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri fi problemi ewlenin li huma għandhom biex jidentifikaw il-leġiżlazzjoni tas-suq uniku, inkluż biex titjieb it-traspożizzjoni u defiċit ta' konformità u biex ikun hemm rimedju ġudizzjarju malajr u effiċjenti;
31. Jinnota li l-għodda tas-suq uniku, inkluż SOLVIT, għandha tiffunzjona aħjar f'termini ta' żmien biex jissolvew id-diffikultajiet; jenfasizza l-importanza ta' miri mtejba u indikaturi tal-prestazzjoni ewlenin f'dan ir-rigward; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tirrevedi l-qafas legali SOLVIT;
32. Minħabba li l-fiduċja u l-kunfidenza tal-konsumatur huma l-bażi ta' suq uniku li jiffunzjona sew, jitlob lill-Kummissjoni biex issegwi b'mod attiv, mal-Istati Membri, l-implimentazzjoni mħaffa tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur, id-Direttiva ta’ Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim u r-Regolament dwar is-Soluzzjoni Online għat-Tilwim, u li tirrevedi l-operat tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali;
33. Jitlob għal ftehim bikri dwar id-Direttivi dwar is-Sorveljanza tas-Suq u dwar is-Sikurezza tal-Prodotti għall-Konsumaturi, minħabba l-importanza tagħhom fil-ħolqien ta' suq uniku li jiffunzjona sew għall-prodotti;
34. Jistieden lill-Kummissjoni, qabel tippreżenta l-proposti tagħha, li tagħmel użu sħiħ mit-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Kondizzjonijiet tal-Konsumatur u minn forom oħra ta' riċerka li juru t-tħassib ewlieni tal-konsumaturi u ta' spiss jindikaw dikrepanzi sinifikanti tal-prezzijiet, b'hekk jenfasizzaw l-ineffiċjenzi tas-suq;
35. Jafferma l-proposti li għamel il-Parlament dwar il-Liġi Ewropea Komuni dwar il-Bejgħ favur approċċ ta' mudell aktar prattiku għall-kuntratti, li jkun ibbażat fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-konsumatur, bħad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur u d-direttivi eżistenti minimi dwar l-armonizzazzjoni, li joffru soluzzjoni ferm aktar loġika, prattika u effettiva għall-konsumaturi u n-negozji;
36. Jappoġġja r-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija għall-għajnuna mill-istat bl-objettivi ta' tnaqqis ta' piżijiet amministrattivi filwaqt li tibqa' l-kompatibbiltà mas-suq uniku;
37. Jenfasizza r-rwol fundamentali tad-drittijiet tal-proprjetà individwali fil-ġenerazzjoni tal-innovazzjoni, it-tkabbir u l-impjiegi; jitlob għal simplifikazzjoni ta' liċenzjar multiterritorjali sabiex ikun protett id-dritt tal-awtur u tissaħħaħ l-għażla tal-konsumatur;
38. Jemmen li l-ostakli li jaffettwaw il-kompetittività tal-industrija Ewropea jitolbu miżuri wisgħin u mmirati li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-setturi speċifiċi; għalhekk, jilqa' l-istrateġiji speċfiċi tas-settur fi ħdan id-DĠ Enterprise, inklużi dawk relatati mas-settur tal-azzar u tal-elettronika, u l-komunikazzjoni aktar ġenerali intitolata 'Industrija Ewropea aktar b'saħħitha għat-tkabbir u l-Irkupru ekonomiku' (COM(2012)0582); jistenna l-eżitu b'suċċess tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-Programm għall-Kompetittività tal-intrapriżi u l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (COSME), b'mod partikolari fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji relatati mad-dejn u l-ekwità;
Ekonomija diġitali
39. Jitlob li l-Kummissjoni tippromovi inizjattiva oħra tas-suq uniku li tiffoka fuq it-tkomplija tas-suq diġitali uniku u, b'mod partikolari, inizjattivi li jiġġeneraw aktar fiduċja tal-konsumatur, inklużi miżuri li jiffaċilitaw pagamenti online u jtejbu t-trażmissjoni diġitali u l-infrastruttura;
40. Jenfasizza r-rwol ta' mekkaniżmi ta' protezzjoni tad-dejta effiċjenti li jiżguraw il-fiduċja fis-suq uniku; jenfasizza l-importanza tal-ħolqien ta' approċċ operabbli, newtrali teknoloġikament, u ispirat mis-sens komun fil-konfront tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Dejta, sabiex jiżgura li l-UE tattira l-investiment, tippermetti t-tkabbir ekonomiku u l-irkupru, u tipprovdi opportunitajiet għall-konsumaturi u n-negozji, filwaqt li wkoll tipproteġi ċ-ċittadini b'mod proporzjonat u aċċessibbli;
41. Jesprimi tħassib rigward regolamentazzjoni stretta mingħajr ħtieġa tas-swieq tal-pagamenti bl-internet u bil-mowbajl f'dan l-istadju peress li metodi ta’ pagamenti bħal dawn għadhom fil-proċess tal-iżvilupp; iqis li kull inizjattiva regolatorja f'dan il-qasam tirriskja li tkun karatterizzata minn enfasi bla bżonn fuq l-istrumenti ta' pagament eżistenti u tista' tiskoraġġixxi l-innovazzjoni u toħloq distorsjoni tas-suq qabel tkun żviluppat;
42. Iqis iċ-ċibersigurtà bħala komponent fundamentali li tiżgura prosperità fuq terminu twil u jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar is-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni (COM(2013)0027); jemmen li s-suq intern għandu jkun post sikur biex isir in-negozju u li għandu jkun hemm l-inċentivi t-tajba għas-settur privat biex jikkondividi l-informazzjoni u l-aħjar prattiki; iqis, madankollu, li l-leġiżlazzjoni ma għandhiex iddgħajjef il-progress li diġà ntlaħaq mill-Istati Membri u li m'għandux ikun hemm piżijiet sproporzjonati fuq in-negozji meta għandhom ftit benefiċċji tanġibbli;
Swieq globali miftuħa
43. Jilqa' l-adozzjoni mill-Kummissjoni fit-12 ta' Marzu 2013 tal-qafas ta' mandat għal Ftehim ta' Sħubija Transatlantika dwar il-Kummerċ u l-Investiment mal-Istati Uniti, u jħeġġeġ lill-Kunsill japprovah mingħajr dewmien sabiex jistgħu jibdew mingħajr dewmien negozjati formali fuq ftehim komprensiv li jindirizza l-firxa wiesgħa ta' ostakli għall-prodotti u s-servizzi tal-UE; jirrimarka li l-Kummissjoni għandha obbligu li ssegwi b'mod assertiv l-interessi offensivi tal-UE matul in-negozjati bl-għan li tikkonkludi ftehim f'qafas ta' żmien ambizzjuż iżda realistiku;
44. Jitlob lill-UE tgħaqqad il-forzi tagħha fid-WTO ma' pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw biex tiżgura l-applikazzjoni u l-infurzar ta' regoli u standards ta' kummerċ multilaterali mill-membri kollha tagħha f'konformità sħiħa mal-impenji ta' adeżjoni tagħhom, u biex tippromovi dimensjoni parlamentari aktar b'saħħitha f'negozjati multilaterali li tiżgura responsabbiltà demokratika akbar; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa li tintuża s-sistema xierqa ta' riżoluzzjoni tat-tilwim tad-WTO, sabiex ikun żgurat li l-interessi tal-UE jkunu salvagwardati kif xieraq;
45. Jitlob lill-Kummissjoni tiddedika riżorsi biżżejjed għall-promozzjoni ta' kummerċ miftuħ u ġust permezz tan-negozjati bilaterali li għaddejjin ma' sħab kummerċjali strateġiċi ewlenin bħall-Kananda, l-Indja u l-pajjiżi tal-ASEAN, b'mod parallel ma' negozjati plurilaterali u multilaterali fil-qafas tad-WTO, sabiex jitwasslu benefiċċji tanġibbli ekonomiċi u soċjali permezz tal-kummerċ u l-investiment għaċ-ċittadini u l-intrapriżi tal-UE, inklużi intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, bħala parti minn diplomazija kummerċjali effiċjenti u koerenti f'isem l-UE kollha;
46. Jilqa' b'mod partikolari l-isforzi plurilaterali ta' diversi membri tad-WTO, inkluż l-UE u l-Istati Membri tagħha, fir-rigward ta' ftehim dwar is-servizzi u r-reviżjoni tal-Ftehim dwar l-Informazzjoni Teknoloġika; hu tal-fehma li ftehimiet plurilaterali għandhom jippermettu lil kwalunkwe membru tad-WTO li jipparteċipa sabiex finalment jiżgura kundizzjonijiet ugwali multilaterali;
47. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi mandati ta' negozjati fl-2013 għal ftehim ta' investiment maċ-Ċina, li jrid jinkludi l-kwistjoni tal-aċċess għas-suq; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa b'mod attiv il-politika tal-investiment tal-UE bl-għan li tinnegozja klawsoli ta' protezzjoni tal-investiment, inkluż dispożizzjonijiet ta' riżoluzzjoni tat-tilwim stat ma' stat jew investitur ma' stat ma' sħab kummerċjali strateġiċi bħall-pajjiżi BRICS, biex tiżgura kundizzjonijiet ta' aċċess għas-suq li jiffavorixxu l-investituri tal-UE barra mill-UE u għall-investituri barranin fl-UE;
48. Jirrimarka li hemm ħtieġa li jitwessgħu r-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi eżistenti bejn l-UE u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Mediterran sabiex jitħeġġeġ żvilupp ekonomiku reċiproku u stabbiltà reġjonali, u b'hekk jiġi żgurat progress lejn id-demokrazija u rispett għad-drittijet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; jilqa', f'dan ir-rigward, it-tnedija ta' taħditiet mar-Renju tal-Marokk;
49. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw lilhom infushom b'mod attiv fid-WTO, il-G8, il-G20 u kull forum ieħor multilaterali rilevanti fil-ġlieda kontra l-protezzjoniżmu u l-prattiki ta' kummerċ inġust bħall-iffalsifikar;
L-impjiegi u l-politika reġjonali
50. Jopponi bil-qawwa kull inizjattiva leġiżlattiva tal-UE dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema, u l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tar-ristrutturar, li tirriskja li żżid il-piż fuq in-negozji b'rekwiżiti mhux raġonevoli u bl-introduzzjoni ta' aktar riġidità fis-swieq tax-xogħol fi żmien ta' kriżi mingħajr ma tindirizza l-prijorità fundamentali ta' kull ħaddiem li jispiċċa bla xogħol, li tfisser li jrid ifittex impjieg ieħor; jemmen li l-adattament għat-tibdil jitlob approċċ integrat li jkopri oqsma ta' politika multipli;
51. Jistieden lill-Kummissjoni, fil-qafas tal-kontrolli ta' adegwatezza, tidentifika oqsma li fihom hemm piżijiet eċċessivi, inkonsistenzi u miżuri li m'għadhomx validi u huma ineffettivi – partikolarment fil-qasam tal-leġiżlazzjoni tal-impjiegi – li jfixklu l-opportunitajiet għal tkabbir futur u l-ħolqien tal-impjiegi;
52. Jenfasizza li, minħabba n-nuqqas tas-sħab soċjali li jilħqu ftehim dwar id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, partikolarment dwar il-kwistjoni tal-ħin on-call u tal-opt-out, id-Direttiva dwar il-Ħin tax-xogħol ma tiffunzjonax fil-forma attwali tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tfittex soluzzjoni prammatika li tagħti lin-negozji u l-ħaddiema aktar flessibbiltà, u ġġib lura ċ-ċertezza legali u t-trasparenza;
53. Fil-kuntest tal-perjodu ta' pprogrammar 2014-2020 għall-politika ta' koeżjoni tal-UE, jemmen li l-Fond Soċjali Ewropew irid ikun użat biex jikkontribwixxi ħalli jiġi indirizzat il-faqar billi jiġu megħjuna persuni żvantaġġati jidħlu fis-suq tax-xogħol;
54. Jinnota l-adozzjoni antiċipata tal-kuntratti ta' sħubija bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali rilevanti, li għandha tappoġġa l-għan tal-Istrateġija Ewropea 2020 ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, filwaqt li tikkonċentra fuq il-bini tal-kapaċità ekonomika fir-reġjuni l-aktar fqar tal-UE;
55. Jinsab imħasseb dwar l-estensjoni tan-natura vinkolanti ta' dawn il-kuntratti proposti u jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali rilevanti jingħataw flessibbiltà massima fit-tfassil tal-ftehim ta' sħubija, b'hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jfasslu l-għodda tal-politika ta' koeżjoni għall-għanijiet speċifiċi tagħhom u għal reġjuni u territorji bi ħtiġijiet u problemi partikolari;
56. Jemmen li, filwaqt li tiġi aċċettata l-ħtieġa għal ftehim bilaterali ta' sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex ikun provdut qafas ġenerali, kull tibdila marġinali futura għall-orjentament ta' dawn il-ftehimiet ta' sħubija m'għandux ikun suġġett għall-adozzjoni mill-Kummissjoni, imma pjuttost għal proċess inqas twil u aktar flessibbli ta' adozzjoni;
57. Jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, partikolarment rappreżentanti eletti, għandhom ikunu involuti b'mod sħiħ fit-tħejjija tal-ftehimiet ta' sħubija u programmar, kif ukoll fil-fażijiet kollha ta' implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni;
58. Jopponi l-estensjoni tal-Fond Ewropew ta' aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) li jkopri l-perjodu bejn l-2014 u l-2020; jinnota li l-funzjonament tal-fond wera li hu ferm problematiku, burokratiku u ineffiċjenti biex iġib lura l-persuna għal impjieg sostenibbli; jenfasizza li l-EGF joffri ftit valur għall-flus, ma jżidx valur suffiċjenti għall-politiki tal-Istati Membri, hu diżinċentiv għall-isforzi tal-Istati Membri lejn ir-riformi, u jfittex li jsolvu problemi fuq terminu twil mingħajr soluzzjonijiet fuq terminu qasir; juri tħassib dwar l-użu tal-EGF biex jissussidja kumpaniji kbar li jirrilokaw fl-UE;
Il-qasam Ewropew tar-Riċerka
59. Isejjaħ għal ftehim f'waqtu dwar Orizzont 2020 li jippermetti tranżizzjoni bla xkiel mis-Seba’ Programm Qafas għar-Riċerka u li jiżgura l-kontinwità tal-politika prinċipali ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE, li sofriet fil-programmi tal-passat bħala riżultat ta' ftehimiet tal-aħħar minuta konklużi bejn il-Kunsill u l-Parlament;
60. Iqis l-ispazju bħala suq b'potenzjal kbir ta' tkabbir, u huwa tal-fehma li għandu jittieħed vantaġġ kontinwu mhux biss minn swieq niċċa iżda wkoll minn opportunitajiet speċifiċi li jippermettu li s-settur jikber ulterjorment u b'mod iktar veloċi; jemmen li investiment kontinwu fir-riċerka u l-innovazzjoni se jipprovdu pjattaforma għall-UE biex tkun minn ta' quddiem fi kwistjonijiet globali bħas-sikurezza tal-ikel u tal-enerġija, kif ukoll jiffaċilitaw tkabbir kontinwu fis-settur tat-telekomunikazzjoni;
61. Jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni biex it-tranżizzjoni lejn ekonomija kompetittiva u bbażata fuq l-għarfien tkun iktar mgħaġġla; iqis li l-Kummissjoni, fejn ikun possibbli, għandha tipprova żżomm konċentrazzjoni ikbar ta' riżorsi baġitarji fl-oqsma tax-xjenza, ir-riċerka u l-innovazzjoni b'emfasi tal-fondi fuq oqsma fejn l-UE jista' jkollha vantaġġ sinifikanti fit-tul; jinnota f'dan ir-rigward il-konklużjonijiet tar-Rapport Sapir, li kienu jenfasizzaw b'mod ċar il-bżonn ta' Ewropa li tittrasforma lilha nnifisha f'ekonomija bbażata fuq l-innovazzjoni, jekk ikunu jistgħu jingħelbu r-rati baxxi ta' tkabbir kurrenti;
62. Jappoġġa l-objettivi tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) u jenfasizza l-importanza li nitgħallmu l-lezzjonijiet mill-ewwel tliet Komunitajiet ta' Konoxxenza u Innovazzjoni (KICs); jinsab imħasseb dwar il-baġit miżjud b'mod ambizzjuż għall-EIT taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, u jemmen li twettiq gradwali jippermetti li l-ewwel isiru evalwazzjonijiet sħaħ biex jiġi żgurat li l-KICs qed jipprovdu riżultati tanġibbli, bħar-rabta bejn il-bażijiet ta' riċerka u l-innovazzjoni, u l-istimolar tal-kollaborazzjoni bejn in-negozji u l-universitajiet;
Servizzi finanzjarji
63. Jinnota li l-kriżi finanzjarja issa ilha għaddejja iktar minn ħames snin, u l-Unjoni Ewropea kienet l-aħħar reġjun ekonomiku sinifikanti li ħareġ minnha; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni biex tiffoka fuq miżuri li jżidu l-kompetittivtà tal-Unjoni Ewropea u ma tfassalx politiki li jirriskjaw li jħeġġu attività ta' ħolqien ta' għana tirriloka f'ġurisdizzjonijiet oħra;
64. Jinnota r-riskju ta' arbitraġġ regolatorju fil-leġiferazzjoni tal-industrija tas-servizzi finanzjarji, u jitlob li tkun prijorità l-applikazzjoni preċiża ta' dawk il-miżuri li jkunu ġew miftehma fil-livell globali qabel dawk li jkunu qed jitkomplew b'rieda tal-Kummissjoni;
65. Jinnota li r-regolament finanzjarju għandu effett serju u mhux ippjanat fuq l-utenti aħħarija tan-negozju, il-fondi tal-pensjonijiet u elementi oħra tal-ekonomija reali; jitlob li jkun hemm iktar viġilanza biex jiġi żgurat li r-regolament finanzjarju ikun immirat b'tali mod li jimminimizza l-konsegwenzi fi flus ta' dawk li jiddependu mill-industrija tas-servizzi finanzjarji biex in-negozji tagħhom ikunu jistgħu jitmexxew b'mod effiċjenti u kompetittiv;
66. Jirrikonoxxi l-bżonn li jittejjeb il-funzjonament tal-UEM, speċjalment fir-rigward taż-żieda fir-responsabilità demokratika u fil-ksur tar-rabta bejn sovrani u banek, u b'hekk jiġi evitat li l-kontribwenti Ewropej ikollhom iħallsu għall-konsegwenzi ta' kriżijiet futuri fis-settur finanzjarju; jitlob li jkun hemm implimentazzjoni veloċi ta' superviżjoni ta' kwalità ogħla tal-istituzzjonijiet ta' kreditu kollha fl-Istati Membri kollha tal-UE u jirrikonoxxi l-kontribuzzjoni li jista' jagħti l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku biex jintlaħaq dan l-objettiv; jenfasizza wkoll il-bżonn li jkun hemm ġabra ta' regoli b'saħħitha għall-istituzzjonijiet ta' kreditu kollha fl-UE taħt l-awtorità tal-EBA (Awtorità Bankarja Ewropea);
67. Jinnota d-deċiżjoni ta' xi wħud mill-Istati Membri li jimplimentaw b'mod konġunt taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji taħt il-kooperazzjoni msaħħa; jenfasizza madankollu li l-implimentazzjoni ta' attività bħal din m'għandhiex tipperikola s-sovranità fiskali ta' Stati Membri oħra tal-UE fir-rigward tat-tassazzjoni diretta, u lanqas m'għandha xxekkel id-dħul fiskali proprju tagħhom;
68. Jinnota l-progress magħmul biex tittejjeb l-effiċjenza tas-suq; jenfasizza l-importanza tal-aċċess għas-suq u l-kompetizzjoni biex jittejbu s-servizz lill-investituri u l-għażla tal-konsumaturi; jinnota l-progress magħmul fil-qasam ta' wara n-negozjar u jqis li t-tlestija f'waqtha ta' din il-ħidma hija ta' importanza enormi biex jiġi faċilitat saldu transkonfinali effiċjenti ta' titoli
69. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu b'mod attiv il-ġlieda kontra l-frodi fiskali, l-evażjoni fiskali, l-ippjanar aggressiv tat-taxxi u l-użu tar-rifuġji fiskali, permezz ta' użu tal-għarfien espert tal-OECD fit-trawwim ta' governanza fiskali tajba fil-fora internazzjonali kollha rilevanti;
70. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissimplifikaw l-aċċess għal, u jipprovdu b'mod faċli li tinqara, informazzjoni li ċ-ċittadini u n-negozj jeħtieġu biex jimlew b'mod adegwat id-dikjarazzjonijiet fiskali tagħhom, billi s-sensibilizzazzjoni dwar l-obbligi fiskali rispettivi tgħin għall-ġbir tat-taxxi, u b'hekk tiġġenera dħul meħtieġ u leġittimu għall-baġits tal-Istati Membri kollha tal-UE;
71. Jinnota li s-sitwazzjoni f'Ċipru f'Marzu 2013 enfasizzat il-bżonn għal qafas ta' rkupru u riżoluzzjoni ta' banek, li jenfasizza li l-ebda bank ma jista' jitqies bħala li jkun kbir wisq biex ifalli, u li, f'każ ta' falliment ta' bank, jiżgura li l-istituzzjoni tista' tiġi żarmata b'mod ordnat mingħajr ma jinħolqu effetti negattivi għas-sistema finanzjarja b'mod ġenerali;
72. Iqis li l-ammont ta' leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji li ħarġet f'dawn l-aħħar snin m'hemmx preċedenti għalih, u f'xi każijiet jista' joħloq riskju li tiġi pperikolata l-effikaċja tas-suq uniku; jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji li jistudja l-effett kumulattiv u l-koerenza tal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji li għaddiet f'dawn l-aħħar snin, u jitlob għal perjodu ta' riflessjoni u konsolidazzjoni biex l-UE tkun tista' żżomm dawk l-elementi li jaħdmu bl-aħjar mod u timmodifika dawk li huma l-inqas effettivi;
L-enerġija
73. Fil-kuntest tat-tlestija tas-suq uniku għall-enerġija, jenfasizza l-bżonn li l-konsumaturi jiġu pprovduti bi prezzijiet tal-enerġija trasparenti u paragunabbli;
74. Fid-dawl tal-istrateġiji proposti reċentement għall-enerġija u l-istrateġiji dwar il-klima għall-2030 u l-2050, jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tiħux pożizzjoni iktar pożittiva dwar il-kontribut sinifikanti li l-enerġija nukleari jista' jkollha sabiex jinkisbu l-objettivi ta' enerġija bi produzzjoni baxxa tal-karbonju fit-tul; jitlob lill-Kummissjoni taħdem lejn aċċettazzjoni pubblika mtejba tal-enerġija nukleari;
75. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis b'reqqa r-riżultati tal-konsultazzjoni tagħha dwar fjuwils fossili mhux konvenzjonali meta tkun qed tiddeċiedi jekk hemmx bżonn għal leġiżlazzjoni separata f'dan il-qasam, peress li l-acquis kurrenti, jekk jiġi implimentat korrettament, jitqies b'mod wiesa' li jiżgura li jkun hemm salvagwardji ta' saħħa, klima u ambjent, u li jkun hemm ċarezza legali massima kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għall-operaturi, filwaqt li jiġi żgurat li jittieħdu l-benefiċċji ekonomiċi u tal-enerġija potenzjali;
76. Jinsab imħasseb li l-ilħiq tal-objettivi tal-effiċjenza tal-enerġija tal-UE se jsir dejjem iktar diffiċli meta l-Istati Membri jiġu ristretti b'mod sever u soġġetti għal proċedimenti ta' ksur mill-Kummissjoni, meta jitqies li l-iżvilupp u l-provvista ta' inċentivi tal-VAT għall-prodotti ta' tifdil tal-enerġija jistgħu jikkontribwixxu għal miri ambizzjużi tal-effiċjenza tal-enerġija fl-UE;
It-trasport
77. Jenfasizza l-bżonn ta' tlestija ta' suq uniku ħieles u liberalizzat għall-mezzi kollha tat-trasport, inkluża l-liberalizzazzjoni ulterjuri tas-suq tat-trasport bl-art, sabiex il-moviment liberu tal-prodotti u s-servizzi jiġi garantit b'regoli ċari u faċilment infurzabbli, għal kompetizzjoni libera u ġusta u tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq is-SMEs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal rapport dwar is-sitwazzjoni tas-suq tat-trasport bl-art tal-UE sa tmiem l-2013, u biex tlesti l-analiżi kollha meħtieġa qabel tressaq proposti leġiżlattivi;
78. Jenfasizza għal darb'oħra li l-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew għandha titqies bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin, peress li l-iżvilupp ta' Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR) ġdida u l-inizjattiva Sema Nadif huma essenzjali biex jiġi żgurat tifdil ekonomiku u ambjentali konsiderevoli permezz ta' iktar effiċjenza tat-trasport tal-ajru u biex tiġi evitata konġestjoni żejda bi flussi ta' traffiku tal-ajru dejjem ikbar u teknoloġiji antiki; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-dewmien fil-ħolqien tal-blokkijiet ta' spazju tal-ajru funzjonali (FABs) madwar l-Ewropa u jenfasizza l-bżonn ta' azzjoni politika biex tingħata spinta lill-FABs; jitlob għal tħeġġiġ ta' żieda fl-użu tal-ajruporti reġjonali, flimkien mal-ħolqien ta' kapaċità addizzjonali tal-ajruporti, bħar-runways, sabiex l-UE tibqa' kompetittiva globalment;
79. Jinnota l-bżonn ta' spinta lill-ħolqien ta' skedar multimodali onlajn pan-Ewropew integrat, u sistemi elettroniċi ta' xiri ta' biljetti, prenotazzjonijiet u ħlas biex tiġi promossa l-multimodalità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposti li jħeġġu lill-industrija tiżviluppa sistemi ta' biljetti multimodali bejn is-settur tal-kowċis, ferrovjarju u dak tal-ajru;
Il-politika ambjentali
80. Jilqa' l-passi li ttieħdu diġà mill-Kummissjoni lejn iktar iffokar fuq l-implimentazzjoni ta' politiki ambjentali u klimatiċi eżistenti, minflok li jiżdiedu l-piż amministrattiv u l-ispejjeż amministrattivi;
81. Jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni għal rieżami u simplifikazzjoni tal-politika u l-leġiżlazzjoni b'rabta mal-iskart; jenfasizza li kwalunkwe rieżami tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u tad-Direttivi dwar in-Nitrati u l-Miżbliet għandu jiffoka fuq miri prattiċi u li jistgħu jintlaħqu b'mod realistiku mill-Istati Membri;
82. Jenfasizza tħassib fir-rigward tal-proposti tal-Kummissjoni biex l-UE iżżod l-ambizzjoni tagħha u b'mod unilaterali tistabbilixxi l-mira għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karbonju għall-2020 għal iktar minn 20%; huwa tal-fehma li l-istrateġija ta' tnaqqis tal-emissjonijiet għandha tirrifletti kwalunkwe ftehim milħuq fil-livell globali permezz tal-UNFCCC, u li l-miżuri proposti għandhom ikunu proporzjonati, iqisu l-konsegwenzi tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u jqisu bis-sħiħ l-impatti potenzjalment negattivi fuq l-ispejjeż tal-enerġija u fuq l-industrija;
83. Huwa tal-fehma li kwalunkwe attività leġiżlattiva futura fir-rigward tal-emissjonijiet mill-avjazzjoni għandha twis kif xieraq, u bis-sħiħ, kwalunkwe ftehim milħuq fil-livell globali permezz tal-ICAO, u tirrispetta l-prinċipji tal-proporzjonalità u tat-territorjalità;
84. Jinnota li għalkemm il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Reistenza Antimikrobika għall-2011 jikkostitwixxi pass 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa miżuri bl-għan li jitnaqqas l-użu ta' CIAs (Antimikrobiċi Kritikament Importanti għall-mediċina għall-umani) tat-tielet u r-raba' ġenerazzjoni; jenfasizza li kwalunkwe proposta ta' dan it-tip għandha tkun ibbażata fuq linji gwida ċari, abbażi tal-provi dwar l-użu prudenti tal-antimikrobiċi fil-mediċini għall-annimali;
85. Jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi leġiżlazzjoni dwar l-użu ta' tekniki ta' ikklonjar tal-annimali għall-produzzjoni tal-ikel; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fit-tfassil tal-proposta, tqis it-tħassib reċenti dwar it-tikkettar u l-applikazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni b'rabta mal-katina tal-ikel tal-UE, filwaqt li jiġu applikati l-iktar żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi reċenti f'dan il-qasam u jiġi żgurat li dawn il-miżuri ma joħolqux spajjeż eċċessivi għall-produtturi u l-konsumaturi tal-UE;
86. Huwa tal-fehma li l-istrateġija proposta tal-UE dwar interferenti endokrinali għandha tiffoka fuq azzjonijiet b'valur miżjud Ewropew sinifikanti; wara l-konklużjonijiet taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka u tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-identifikazzjoni xjentifika tas-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali għandha tkun ibbażata fuq it-turija kemm ta' attività endokrinali kif ukoll tal-effett negattiv dovut għal tali attività, u li kwalunkwe miżura proposta għandha tkun proporzjonata, ibbażata fuq il-provi, tipprovdi kjarifika mtejba u konsistenza tal-approċċ fi proċeduri ta' ġestjoni tar-riskju u tħeġġeġ impenn usa' min-naħa tal-partijiet interessati;
L-agrikoltura u s-sajd
87. itenni li dawn l-proposti li qed jiġu nnegozjati bħalissa dwar il-ġejjieni tal-politika agrikola komuni ma jindirizzawx l-isfidi ewlenin li l-agrikoltura Ewropea tiffaċċja u se jfixklu l-iżvilupp tas-settur tal-biedja kompetittiv u effiċjenti li hu vitali jekk l-Unjoni Ewropea trid tindirizza sew l-isfida tas-sikurezza tal-ikel fi sfond ta' popolazzjoni globali li qed tiżdied u ta' żieda fid-domanda għall-ikel; jinnota ulterjorment li l-Kummissjoni xorta ma rnexxielhiex tipproponi qafas li se jippermetti tqassim ġust tal-pagamenti diretti madwar l-Istati Membri tal-UE;
88. Jirrikonoxxi li n-negozjati dwar, u l-implimentazzjoni sussegwenti ta', ir-riforma tal-PAK se jkunu l-element ewlieni tal-attivitajiet fl-2014; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni biex tiżgura b'mod effettiv l-implimentazzjoni tal-ftehimiet finali tar-riforma tal-PAK li jimminimizzaw il-piż fuq il-bdiewa u fuq il-korpi amministrattivi tal-Istati Membri filwaqt li jiżguraw li r-regoli l-ġodda jiġu implimentati b'mod effettiv, bir-reqqa u b'mod trasparenti;
89. Jinnota li l-PAK kurrenti jiskadi fl-2013 u l-PAK il-ġdid mhux se jkun fis-seħħ qabel l-1 ta' Jannar 2014; jitlob għalhekk li jkun hemm proposti f'waqthom min-naħa tal-Kummissjoni biex b'mod partikolari tiġi żgurata l-kontinwità tal-programmi ta' żvilupp rurali tul l-2014;
90. Jitlob lill-Kummissjoni biex taħdem mill-qrib mal-Istati Membri fuq l-implimentazzjoni ta' objettivi ewlenin tal-Politika Komuni tas-Sajd riformata (PKS), speċjalment fir-rigward tal-appoġġ lis-sajd fuq skala żgħira, it-tisħiħ tal-aspett reġjonali tal-PKS, l-implimentazzjoni tal-projbizzjoni tar-rimi tal-ħut, l-ilħiq ta' miri ta' rendiment massimu sostenibbli u l-ġbir tad-data kollha meħtieġa għal ġestjoni mtejba tar-riżorsi Ewropej;
91. Jinsab imħasseb dwar l-istaġnar fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' ġestjoni pluriennali għal ċerti speċijiet ta' ħut Ewropej; jitlob lill-Kummissjoni tieħu rwol iktar attiv fl-għajnuna biex jiġi żgurat ftehim bejn il-Kunsill u l-Parlament dwar din il-kwistjoni;
Spazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja
92. Jappoġġa lill-Kummissjoni fil-ħidma tagħha dwar id-drittijiet tal-vittmi, u jitlob lill-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri jiżguraw implimentazzjoni sħiħa u adegwata mill-Istati Membri kollha tad-direttiva li tistabbilixxi standards minimi dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità sas-16 ta' Novembru 2015;
93. Jappoġġa lill-Kummissjoni fil-ħidma tagħha dwar id-drittijiet tat-tfal u l-assistenza soċjali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli taħdem b'kollaborazzjoni mal-Istati Membri biex ittejjeb il-kwalià tal-għajxien u s-sigurtà tat-tfal fi ħdan l-Unjoni Ewropea, partikolarment is-sigurtà onlajn tagħhom;
94. Jirrikonoxxi l-ħidma li saret s'issa minn Myria Vassiliadou, il-koordinatur tal-UE kontra t-traffikar; huwa mħasseb madankollu li dak ir-rwol mhux qed ikun effettiv peress li n-numru ta' persuni traffikati madwar l-Unjoni Ewropea qed jiżdied minflok jonqos; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel l-aqwa użu possibbli tal-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012 – 2016 biex tegħleb il-problema tat-traffikar tal-bnedmin; jitlob lill-Kummissjoni tintensifika l-azzjoni tagħha biex tiġġieled it-traffikar tal-bnedmin;
95. Filwaqt li l-kooperazzjoni intergovernattiva u l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku fil-qasam tal-ġustizzja jistgħu jkunu ta' benefiċċju, jemmen li biex jinħoloq Spazju Ewropew ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja effettiv, l-Unjoni Ewropea għandha tfassal sistema varjata u li tkun tqis il-karattru legali u politku individwali ta' kull Stat Membru, u li għalhekk għandha tinħoloq għodda unikament fejn tkun meħtieġa; jinsisti li dan m'għandux iwassal għal interferenza eċċessiva f'oqsma bħat-taħriġ ġudizzjarju, it-twaqqif ta' penali kriminali, il-provvista ta' għajnuna legali u l-kumpens għall-vittmi tal-kriminalità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid il-bilanċ bejn kooperazzjoni intergovernattiva u s-sovranità statali f'dan il-qasam;
96. Jirrikonoxxi li l-Unjoni Ewropea jista' jkollha rwol b'saħħtu u essenzjali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tibqa' taħdem biex issib soluzzjonijiet li jkunu essenzjali għas-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej u biex tinvestiga u ġġib quddiem il-ġustizzja l-kriminalità transkonfinali u li, billi tagħmel dan, id-drittijiet, id-data u l-libertà taċ-ċittadini tal-UE jiġu rispettati bis-sħiħ;
97. Jinsisti li l-aġenziji kollha tl-ĠAI għandhom ikunu kost-effettivi, effiċjenti u responsabbli quddiem il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u l-gvernijiet nazzjonali, u joħolqu valur miżjud għal Ewropa sikura u sigura;
98. Jinnota li sabiex jiġu miġġielda l-kriminalità u l-korruzzjoni u jiġu kontrollati l-fruntiera esterni tal-UE, għandhom jiġu rispettati l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, billi jiġi żgurat bilanċ bejn is-sigurtà u l-mobilità;
99. Jenfasizza li filwaqt li noħolqu Ewropa sikura u sigura, għandna niżguraw li jiġu protetti d-data u d-drittijiet taċ-ċittadini, iżda wkoll li d-dritt għall-privatezza jkun ibbilanċjat mid-dritt għas-sigurtà;
100. Jenfasizza l-importanza li jingħelbu l-kriminalità organizzata, il-ħasil tal-flus u l-frodi u l-korruzzjoni kontra l-interessi finanzjarji tal-UE fil-livell transkonfinali, u jħeġġeġ lill-UE tiffoka fuq il-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni transkonfinali u l-qsim tal-informazzjoni biex tingħeleb din il-kwistjoni; jinnota li sabiex jinkiseb dan, għandu jkun hemm fiduċja reċiproka fis-sistemi ġudizzjarji u tal-pulizija fl-Istati Membri kollha;
101. Jappoġġa l-isforzi min-naħa tal-Kummissjoni biex tittejjeb il-governanza tax-Schengen; huwa madankollu tal-fehma li l-kwistjoni tal-kontroll fil-fruntieri hija marbuta mill-qrib maż-żamma tal-liġi, l-ordni u s-sigurtà nazzjonali, kwistjonijiet li skont l-Artikolu 4 TUE jibqgħu taħt ir-responsabilità waħdiena ta' kull Stat Membru; jinsisti għalhekk li d-deċiżjoni aħħarija dwar jekk isirux kontrolli fil-fruntieri interni tal-UE tibqa' waħda tal-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni biex tqis dan il-prinċipju meta tfassal abbozzi ta' leġiżlazzjoni dwar il-governanza tax-Schengen;
102. Jifhem il-bżonn għal koordinazzjoni effettiva fil-livell nazzjonali ta' kwistjonijiet relatati mal-viża tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni madankollu biex tiddiskuti u tinnegozja kwistjonijiet relatati mal-politika tal-viża, b'mod partikolari talbiet għal reċiproċità, b'mod miftuħ u trasparenti, u ma tibqax thedded li tistabbilixxi mill-ġdid rekwiżiti ta' viża;
L-ugwaljanza
103. Jafferma li l-Grupp ECR jappoġġa bis-saħħa l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi u jtenni l-importanza tal-promozzjoni tad-drittijiet indaqs għall-irġiel u n-nisa u l-bniet u s-subien;
104. Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tagħti l-eżempju, u jafferma li l-Unjoni Ewropea m'għandhiex tibqa' timponi miri diffiċli fuq l-Istati Membri meta l-istituzzjonijiet tagħha stess ma jistgħux jilħqu dawk il-miri; jirrimarka li l-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Parlament u l-aġenziji Ewropej għandhom nuqqas kbir ta' nisa fl-ogħla pożizzjonijiet fi ħdanhom; jitlob biex din il-problema tissolva qabel ma l-Kummissjoni timponi miri fuq l-Istati Membri;
105. Jinsab ferm imħasseb li l-Kummissjoni ma semgħetx it-tħassib tal-Istati Membri fir-rigward tad-direttiva proposta dwar il-miri u l-kwoti ta' nisa bħala diretturi mhux eżekuttivi fuq il-bords tal-kumpaniji;
106. Jinnota bi tħassib li l-vjolenza domestika qed tiżdied fis-Sena Ewropea kontra l-Vjolenza Domestika, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tissokta bil-ħidma tagħha biex tingħeleb din il-problema permezz tal-adozzjoni tal-istrateġija mhux leġiżlattiva ppjanata;
107. Jinsab imħasseb li l-prassi dannuża tal-mutilazzjoni ġenitali femminili qed tiżdied fl-Ewropa, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri jeqirdu dan l-abbuż tal-bniet u t-tfajliet;
108. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu nota tat-tħassib attwali tal-Istati Membri fir-rigward tad-direttiva dwar is-saħħa u s-sigurtà tax-xogħol għal ħaddiema tqal; jenfasizza li din il-proposta għal direttiva m'għandhiex l-appoġġ jew l-approvazzjoni tal-Kunsill; huwa tal-fehma li din il-proposta għandha tiġi miċħuda;
109. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissospendi l-proposti kollha għal direttiva dwar salarju indaqs għan-nisa u l-irġiel, u jitlob minflok lill-Kummissjoni biex taħdem mal-Istati Membri biex tinvestiga mezzi effettivi u mhux leġiżlattivi biex tiffaċċja salarji mhux indaqs, li hija problema li għandha tiġi indirizzata fil-livell tal-Istati Membri;
110. Jittama li l-Kummissjoni se tappoġġa proposta biex il-Kumitat tal-Parlament għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jissemma l-"Kumitat għall-Ugwaljanzi", u b'hekk l-isem ikun jiffoka fuq varjetà usa' ta' żvantaġġi jew gruppi ta' minoranzi;
Il-kultura
111. Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa l-iżvilupp tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kultura abbażi tar-regola ta' "inqas għal inqas, iktar għal iktar"; iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżomm bilanċ bejn id-dimensjoni tan-nofsinhar u dik tal-lvant tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-attivitajiet kollha fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kultura;
112. Jitlob lill-Kummissjoni żżid l-attivitajiet tagħha mmirati lejn l-iżvilupp ta' Sħubija tal-Lvant, speċjalment fil-qasam tal-mobilità u tal-kooperazzjoni edukattiva;
113. Jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga l-problemi sottostanti ta' rikonoxximent inkomplut ta' korsijiet li jsiru jew ta' punti ECTS akkumulati f'universitajiet lokali għal studenti li jikkompletaw perjodi ta' studju f'universitajiet oħra taħt il-programm Erasmus;
114. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe leġiżlazzjoni proposta fil-qasam tal-kultura tkun konformi kif xieraq mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; jenfasizza mbagħad li l-azzjoni tal-Kummissjoni f'dan il-qasam għandha tkun limitata għal oqsma li tassew jistgħu jżidu l-valur;
115. Jitlob biex l-attività tal-Kummissjoni fil-qasam tal-isport tkun tiffoka b'mod partikolari fuq iż-żieda tal-valur lill-iżvilupp ta' sport popolari mmexxi mill-komunità;
L-Affarijiet Barranin u l-Iżvilupp
116. Jinnota li 'l fuq minn nofs l-għajnuna uffiċjali globali lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u lill-pajjiżi emerġenti ġejja mill-UE u mill-Istati Membri tagħha, u dan jagħmilha l-ikbar donatur tal-għajnuna fid-dinja[3] ;
117. Jemmen li l-politika tal-UE għall-iżvilupp għandha tkun ibbażata fuq il-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-għana u l-iskambji tal-kummerċ ħieles fis-swieq globali;
118. Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi approċċ olistiku għall-politika għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja, bl-objettivi fit-tul li għandhom jitkejlu f'termini ta' stabilizzazzjoni politika, paċi u riżultati ekonomiċi tanġibbli;
119. Jilqa' r-riżultat tar-Raba' Forum fuq Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna f'Busan, fil-Korea t'Isfel, li sar f'Novembru u f'Diċembru 2011, b'mod partikolari l-enfasi tiegħu fuq ir-riżultati, it-trasparenza u l-fraġilità; jitlob lill-Kummissjoni ċċaqlaq l-enfasi tagħha lil hinn minn politika ta' żvilupp orjentata lejn l-input - li hija prevalenti - lejn politika ta' żvilupp orjentata lejn ir-riżultati, b'ċifri annwali preċiżi dwar il-kisbiet fil-qasam tal-iżvilupp, li juru kemm intefqu mill-flus tal-kontribwenti tal-UE, u biex tiżgura li l-isforzi tal-UE għall-iżvilupp għandhom impatt dejjiemi fuq il-qirda tal-faqar;
120. Jinsab konvint li l-iktar strateġija ta' żvilupp effikaċi hija l-garanzija ta' aċċess għas-swieq globali għall-pajjiżi emerġenti u pajjiżi li qed jiżviluppaw; jemmen għalhekk li jeħtieġ li jitnaqqsu ultejrorment l-ostakli għall-kummerċ u s-sussidji li jgħawġu l-kummerċ, sabiex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġu megħjuna jżidu l-parti tagħhom ta' kummerċ globali;
121. Jenfasizza l-importanza ta' iktar kooperazzjoni ma' donaturi ġodda tal-għajnuna bħaċ-Ċina, il-Brażil u l-Indja, li huma provdituri dejjem iktar importanti ta' appoġġ u għajnuna lil pajjiżi ifqar, u huwa protagonisti ewlenin fi sħubija ġdida ta' żvilupp globali;
122. Jitlob lill-Kummissjoni tindirizza b'mod prammatiku l-kwistjoni tad-drittijiet tal-awtur fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u biex tfassal approċċ koerenti flimkien ma' imsieħba internazzjonali oħra għall-iżvilupp, sabiex jingħata bidu għal proċess ta' għoti tas-setgħa lill-komunitajiet lokali u lill-individwi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jirrimarka li dan huwa proċess li jikkostitwixxi wieħed mill-pilastri ewlenin tal-iżvilupp u wieħed li jista' jgħolli nazzjonijiet sħaħ mill-faqar u jintensifika l-attivitajiet ekonomiċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
123. Jirrimarka li, sabiex tiżdied l-effikaċja tal-għajnuna, huwa wkoll kruċjali li tiġi garantita koerenza politika ikbar, fejn l-oqsma politiċi kollha tal-UE - speċjalment dawk b'impatt sinifikanti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw - jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-għana fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jirrimarka li huwa wkol meħtieġ li tiżdied il-koordinazzjoni fost l-Istati Membri;
°
° °
124. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.
- [2] Riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-Għaxar l-aktar atti leġiżlattivi li huma ta' piż fuq l-SMEs: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/files/top10report-final_en.pdf
- [3] EUR 55.1 biljun ta' għajnuna għall-iżvilupp fl-2012 skont iċ-ċifri tal-OECD, għalkemm l-għajnuna bħala sehem mill-ING tal-UE waqgħet minn 0.45 % fl-2012 għal 0.43%, sew taħt il-mira ta' 0.7 % għall-2015. It-tnaqqis fin-nefqa, ekwivalenti għal tnaqqis ta' 4 % f'termini reali, isegwi tnaqqis ta' 2 % fl-2011.