Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0332/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0332/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-Analiżi tal-Presidenza Irlandiża, inkluż il-Ftehim QFP

1.7.2013 - (2012/2799(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Rebecca Harms, Daniel Cohn-Bendit, Helga Trüpel, Isabelle Durant, François Alfonsi f'isem il-Grupp Verts/ALE


Proċedura : 2012/2799(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0332/2013
Testi mressqa :
B7-0332/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0332/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Analiżi tal-Presidenza Irlandiża, inkluż il-Ftehim QFP

(2012/2799(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 295, 310, 311, 312 u 323 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2011 dwar Baġit għall-Ewropa 2020 (COM(2011)0500),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2011 għal Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar kooperazzjoni f'materji marbuta mal-baġit fir-rigward ta' ġestjoni finanzjarja soda (COM(2011)0403),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2011 u l-proposta emendata tal-Kummissjoni tas-6 ta' Lulju 2012 għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020 (COM(2011)0398 u COM(2012)0388),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2007 dwar il-futur tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 intitolata "Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva"[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali u r-riżorsi proprji[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012 għall-fini li jinkiseb eżitu pożittiv għall-proċedura ta' approvazzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-snin 2014-2020[3],

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew adottati fit-8 ta' Frar 2013,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-snin 2014-2020 kif propost mill-Presidenza Irlandiża fis-summit li sar fis-27 ta' Ġunju 2013,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, skont l-Artikolu 312(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali, għandu jadotta regolament li jistabbilixxi l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), filwaqt li jaġixxi b'mod unanimu, wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament; billi, skont l-Artikolu 312(2) tat-TFUE, il-Kunsill Ewropew jista', b'mod unanimu, jadotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kunsill jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata meta jadotta r-regolament li jistabbilixxi l-QFP;

B.  billi, skont l-Artikolu 310(1) tat-TFUE, l-entrati fil-kontijiet tad-dħul u tal-ħruġ kollha tal-Unjoni għandhom jidhru fil-baġit;

C. billi, skont l-Artikolu 295 tat-TFUE, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkonsultaw lil xulxin u bi ftehim komuni jagħmlu arranġamenti għall-kooperazzjoni tagħhom, u billi għal dan il-għan, għandu jiġi adottat ftehim interistituzzjonali sabiex jittejbu l-funzjonament tal-proċedura baġitarja annwali u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet dwar kwistjonijiet baġitarji;

D. billi, skont l-Artikolu 311 tat-TFUE, l-Unjoni trid tipprovdi għaliha nnifisha l-mezzi meħtieġa sabiex tilħaq l-għanijiet tagħha u twettaq b' suċċess il-politika tagħha, u għandha tkun iffinanzjata kompletament minn riżorsi proprji; billi l-Kunsill mitlub jikkonsulta lill-Parlament qabel jadotta deċiżjoni ġdida dwar ir-riforma tar-riżorsi proprji u, barra minn hekk, il-Kunsill irid jikseb l-approvazzjoni tal-Parlament qabel jadotta regolament dwar il-miżuri sabiex jimplimenta s-sistema tar-riżorsi proprji;

E.  billi din se tkun l-ewwel darba li regolament dwar il-QFP jiġi adottat skont id-dispożizzjonijiet il-ġodda tat-Trattat ta' Lisbona, u għaldaqstant jinvolvi arranġamenti ġodda għall-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet bl-għan tar-rikonċiljazzjoni ta' proċess effiċjenti għat-teħid ta' deċiżjonijiet mar-rispett għall-prerogattivi tat-Trattat;

F.  billi t-Trattat ta' Lisbona jikkonferixxi prerogattivi ġodda u sinifikanti lill-Unjoni Ewropea f'oqsma bħall-azzjoni esterna (l-Artikolu 27(3) tat-TUE), l-isport (l-Artikolu 165 tat-TFUE), l-ispazju (l-Artikolu 189 tat-TFUE), it-tibdil fil-klima (l-Artikolu 191 tat-TFUE), l-enerġija (l-Artikolu 194 tat-TFUE), it-turiżmu (l-Artikolu 195 tat-TFUE) u l-protezzjoni ċivili (l-Artikolu 196 tat-TFUE);

G. billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011, adottata b'maġġoranza kbira, il-Parlament stabbilixxa l-prijoritajiet politiċi ġenerali tiegħu għall-QFP li jmiss, kemm f'termini leġiżlattivi, kif ukoll f'termini baġitarji;

H. billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2011, adottata b'maġġoranza kbira, il-Parlament esprima l-prijoritajiet ġenerali tiegħu f'termini baġitarji għall-QFP li jmiss, kemm min-naħa ta' nfiq u kemm min-naħa ta' dħul;

I.   billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012, adottata b'maġġoranza kbira, il-Parlament ġedded il-prijoritajiet ġenerali tiegħu bl-għan li jinkiseb eżitu pożittiv tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 f'termini baġitarji, kemm min-naħa ta' nfiq u kemm min-naħa ta' dħul;

J.   billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2013, adottata b'maġġoranza kbira, il-Parlament esprima l-prekundizzjonijiet u l-kundizzjonijiet tiegħu sabiex jagħti l-approvazzjoni tiegħu lill-QFP;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

Eżitu

1.  Jirrifjuta l-ftehim politiku finali dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-snin 2014-2020 kif propost mill-Presidenza Irlandiża u miftiehem mill-President tal-Parlament Ewropew fil-laqgħa li saret fis-27 ta' Ġunju 2013 skont l-Artikolu 324 tat-TFUE; jinsab konvint bis-sħiħ li l-ftehim politiku ma jippermettix lill-Unjoni tissodisfa l-obbligi tagħha kemm fil-livell politiku kif ukoll f'dak baġitarju;

2.  Iqis li l-pakkett globali kemm dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) kif ukoll dwar il-Ftehim Interistituzzjonali (FII) għadu 'l bogħod mill-pożizzjoni ta' negozjar inizjali tal-PE u jonqos milli jissodisfa t-talbiet ewlenin tal-PE stabbiliti fir-riżoluzzjoni tiegħu adottata minn maġġoranza kbira fit-13 ta' Marzu 2013, bħal żieda sostanzjali fil-politiki orjentati lejn il-futur, reviżjoni obbligatorja u komprensiva, flessibbiltà ġenerali massima u ftehim dwar ir-riżorsi proprji;

3.  Jitlob li jitkomplew in-negozjati dwar il-QFP; għalhekk, ifakkar li jekk ma jkun adottat ebda QFP sal-aħħar tal-2013, il-limiti massimi u dispożizzjonijiet oħra li jikkorrispondu għas-sena 2013 jiġu estiżi sa meta jiġi adottat QFP ġdid; jgħarraf li, f'dan il-każ, il-Parlament ikun lest li jilħaq ftehim malajr mal-Kunsill u mal-Kummissjoni biex l-istruttura interna tal-QFP tiġi adattata biex tirrifletti l-prijoritajiet politiċi l-ġodda kif ukoll li jadotta l-bażi leġiżlattiva kollha;

Proċess ta' negozjar

4.  Ifakkar li n-negozjati tmexxew mit-tliet gruppi l-kbar, speċjalment matul it-trilogi, bl-esklużjoni de facto tal-erba' gruppi l-oħra tal-Parlament Ewropew;

5.  Jisħaq li t-tim tan-negozjati baqa' jirrifjuta li jinnegozja sew il-limiti massimi tal-QFP għal kull intestatura u għal kull sena, filwaqt li r-riżoluzzjoni li għaddiet b'maġġoranza kbira tal-Parlament fit-13 ta' Marzu 2013 tiddikjara li l-limiti massimi tal-QFP kif miftiehma mill-Kunsill Ewropew ġew irrifjutati u l-ftehim jiġi rifjutat;

6.  Huwa fermament determinat li jeżerċita bis-sħiħ il-prerogattivi leġiżlattivi tiegħu kif stabbiliti fit-Trattat ta' Lisbona; jiddikjara għal darba oħra li n-negozjati dwar l-elementi li jaqgħu taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja ma jistgħux jitwaqqfu milli jsiru mill-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-QFP, li għandhom jitqiesu sempliċement bħala rakkomandazzjonijiet politiċi lill-Kunsill; iwissi lill-Kunsill dwar kull tentattiv li jnaqqas is-setgħa leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew, speċjalment rigward ir-riformi tal-Politika ta' Koeżjoni u tal-Politika Agrikola Komuni (PAK);

7.  Iqis li l-proċess li permezz tiegħu ntlaħaq il-ftehim politiku finali bejn it-tliet istituzzjonijiet tal-UE, speċjalment rigward ir-rappreżentant tal-Parlament Ewropew, huwa inaċċettabbli u jikkostitwixxi ksur tal-fiduċja billi sar wara bibien magħluqa u b'mod mhux trasparenti;

Prekundizzjonijiet

8.  Itenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-akkumulazzjoni u l-finanzjament mill-ġdid attwali tat-talbiet pendenti għall-ħlas fil-baġit tal-UE, u jesprimi l-oppożizzjoni ferma tiegħu għal qafas finanzjarju li jista' jdaħħal lill-baġit tal-UE f'defiċit strutturali, kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat (l-Artikoli 310 u 323 tat-TFUE);

9.  Huwa, għalhekk, determinat li jevita kwalunkwe ċaqliq ulterjuri tal-pagamenti mill-2013 għall-QFP li jmiss; ifakkar fid-dikjarazzjoni mehmuża mal-Baġit tal-2013 tal-UE li titlob lill-Kummissjoni tippreżenta, fi stadju bikri fis-sena 2013, abbozz ta' baġit emendatorju bl-uniku skop li jkopri t-talbiet kollha għall-ħlas għall-2012 li kienu għadhom ma tħallsux; jenfasizza li mhux se jikkonkludi dawn in-negozjati qabel l-adozzjoni finali mill-Kunsill u l-Parlament ta' dan il-baġit emendatorju;

 

Kunsiderazzjonijiet speċifiċi

Ammont globali

10. Jirrifjuta fermament l-ammont globali tal-limiti massimi tal-QFP, kemm fir-rigward tal-impenji kif ukoll fir-rigward tal-pagamenti, kif miftiehem fil-ftehim politiku billi dan jibqa' jżid l-awsterità fil-livell tal-UE mal-awsterità li diġà qed tiġi implimentata fil-livell tal-Istati Membri, filwaqt li jinħtieġ minnufih pjan ta' żvilupp sostenibbli u ekoloġiku bħala reazzjoni għall-kriżijiet;

11. Jinsab konvint bis-sħiħ li l-livell ta' approprjazzjonijiet ta' impenn (EUR 960 biljun) stabbilit fil-ftehim politiku dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li huwa kopja tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, huwa baxx wisq biex jippermetti lill-Unjoni tissodisfa l-obbligi tagħha stabbiliti fit-Trattat, biex tiffinanzja sew il-kompiti u l-kompetenzi l-ġodda tagħha ttrasferiti mit-Trattat ta' Lisbona u li tissodisfa l-miri tal-Istrateġija UE 2020;

12. Jenfasizza, għalhekk, li dan il-livell ta' impenji jirrappreżenta biss 1 % tal-ING tal-UE, li naqas minn 1,12 % tal-ING tal-UE fil-perspettivi finanzjarji attwali; ifakkar li l-limitu massimu tar-riżorsi proprji jippermetti lill-Unjoni jkollha baġit f'impenji li jirrappreżenta sa 1,29 % tal-ING tal-UE;

13. Ifakkar li l-ammont globali f'approprjazzjonijiet ta' impenn għall-QFP 2014-2020 jirrappreżenta tnaqqis ta' EUR 85 biljun meta mqabbel mal-proposta inizjali tal-Kummissjoni li diġà kienet tirrappreżenta friża tal-livell tal-2013 għal seba' snin;

14. Jisħaq li, skont il-ftehim politiku dwar il-QFP, għall-ewwel darba l-baġit tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-Unjoni se jonqos bi 8 % meta mqabbel mal-livell tal-2013, filwaqt li l-kompetenzi, l-objettivi u l-miri tagħha baqgħu jiżdiedu b'mod kostanti fis-snin li għaddew;

15. Jinsab assolutament konvint li l-livell ta' approprjazzjonijiet ta' pagament (EUR 908,4 biljun) stabbilit fil-ftehim politiku dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li huwa kopja tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, huwa baxx wisq biex jippermetti lill-Unjoni tissodisfa l-obbligi tagħha stabbiliti fl-Artikolu 323 tat-TFUE; jirrimarka, konsegwentement, li l-livell tar-RAL sa tmiem l-2020 se jkun saħansitra ikbar milli fi tmiem il-QFP attwali;

16. Jenfasizza li l-ammont globali f'approprjazzjonijiet ta' pagament għall-QFP 2014-2020 jirrappreżenta tnaqqis ta' EUR 91 biljun meta mqabbel mal-proposta inizjali tal-Kummissjoni li diġà kienet tirrappreżenta friża tal-livell tal-2013 għal seba' snin;

17. Jenfasizza, għalhekk, li dan il-livell ta' pagamenti jirrappreżenta biss 0,95 % tal-ING tal-UE, li naqas minn 1,06 % tal-ING tal-UE fil-perspettivi finanzjarji attwali; ifakkar li l-limitu massimu tar-riżorsi proprji jippermetti lill-Unjoni jkollha baġit f'pagamenti li jirrappreżenta sa 1,23 % tal-ING tal-UE;

18. Jisħaq li l-livell tar-RAL sa tmiem l-2012, li huwa stmat li huwa ta' EUR 217-il biljun, se jibqa' jikber skont il-ftehim politiku dwar il-QFP; iwissi lill-PE li jekk jaċċetta l-ftehim politiku dwar il-QFP, ikun qed japprova t-tkomplija tat-tendenza li qed tikber tar-RAL u jkun qed jassumi r-responsabbiltà għal probelmi futuri ta' pagament;

Riżorsi proprji

19. Iqis li l-ftehim politiku dwar il-QFP rigward ir-riżorsi proprji huwa inaċċettabbli; jindika li l-ftehim dwar ir-riżorsi proprji huwa bbażat fuq dikjarazzjoni bil-miktub mhux vinkolanti li ma ssemmi ebda pjan direzzjonali politiku u ebda objettiv jew mira;

20. Ifakkar, għalhekk, fil-pożizzjoni ta' negozjar tiegħu espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu vvotata fit-13 ta' Ġunju 2012 u mtennija fir-rapport interim tiegħu adottat fit-23 ta' Ottubru 2012 li ma kienx lest jagħti l-approvazzjoni tiegħu lir-Regolament dwar il-QFP li jmiss mingħajr riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji;

21. Jitlob li l-baġit tal-UE jiġi ffinanzjat għalkollox minn sistema ta' riżorsi proprji kif iddikjarat fl-Artikolu 311 tat-TFUE biex jitwaqqfu r-rifużjonijiet u l-mekkaniżmi ta' korrezzjoni u biex titneħħa gradwalment il-kontribuzzjoni bbażata fuq l-ING; jinsisti fuq il-fatt li titnaqqas il-kontribuzzjoni bbażata fuq l-ING billi jiżdied id-dħul li jiġi minn riżorsi proprji ġenwini, biex b'hekk jiġu ffaċilitati l-proċeduri baġitarji annwali fil-livell tal-UE kif ukoll il-konsolidament fiskali fil-livell nazzjonali;

22. Jilqa' għal darba oħra l-proposti leġiżlattivi mressqa mill-Kummissjoni Ewropea dwar ir-riżorsi proprji, speċjalment it-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji, li għandhom ikunu l-bażi għal riforma vera tas-sistema tar-riżorsi proprji; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti addizzjonali dwar ir-riżorsi proprji mill-aktar fis possibbli filwaqt li jitqies l-eżitu tal-elezzjonijiet Ewropej;

Reviżjoni postelettorali

23. Iqis li r-reviżjoni kif stabbilita fil-ftehim politiku għandha natura mhux vinkolanti billi l-Kummissjoni Ewropea mhijiex obbligata tippreżenta reviżjoni tar-Regolament dwar il-QFP wara l-elezzjonijiet Ewropej; jisħaq, għalhekk, li f'każ li l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida tiddeċiedi li tressaq reviżjoni tal-QFP, il-klawsola ta' unanimità tagħmel kważi impossibbli l-possibbiltà ta' reazzjoni għal sitwazzjonijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u ambjentali ġodda;

24. Jemmen fermament li, sabiex tkun żgurata leġittimità demokratika sħiħa, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea li jmiss – li se jiġu kostitwiti wara l-elezzjonijiet Ewropej tal-2014 – għandhom ikunu f'pożizzjoni li jwettqu reviżjoni tal-QFP 2014-2020; jenfasizza, għalhekk, il-pożizzjoni tiegħu favur reviżjoni obbligatorja u komprensiva tal-QFP jew, possibilment, klawsola "sunset"; iqis li r-reviżjoni għandha tkun legalment vinkolanti, minquxa fir-Regolament dwar il-QFP u deċiża permezz ta' maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill, bl-użu sħiħ tal-klawsola "passerelle" tal-Artikolu 312(2) tat-TFUE;

 

Flessibbiltà

25. Jinsab konvint li l-ftehim politiku dwar il-QFP ma jkoprix il-flessibbiltà ġenerali massima kif talab il-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu vvotata fit-13 ta’ Marzu 2013 kif ukoll fir-riżoluzzjoni tiegħu vvotata fit-23 ta’ Ottubru 2012 li tiddikjara li “sabiex il-QFP ikun vjabbli u effikaċi, perjodu ta’ 7 snin jeħtieġ livell massimu ta’ flessibbiltà”.

26. Jindika li l-flessibbiltà dwar il-pagamenti proposta fil-ftehim politiku dwar il-QFP mhijiex flessibbiltà ġenerali massima peress li tistabbilixxi, mill-2018 ’il quddiem, l-introduzzjoni ta’ limiti massimi fir-rigward tar-riport awtomatiku ta’ pagamenti mhux użati mis-sena N-1; huwa tal-fehma li tali introduzzjoni ta’ limiti massimi toħloq riskju potenzjali li l-pagamentii mhux użati ma jkunux jistgħu jiġu riportati għas-sena baġitarja li jmiss u b’hekk tiġi pperikolata l-mobilizzazzjoni sħiħa tal-limiti massimi tal-QFP fir-rigward tal-pagamenti;

27. Iqis li l-istabbiliment ta’ kwalunkwe limitu massimu dwar ir-riport awtomatiku ta’ pagamenti mhux użati jillimita fih innifsu l-prinċipju tal-flessibbiltà ġenerali massima kif ukoll joħloq inċentiv minn ċerti Stati Membri sabiex jissottofinanzjaw il-baġit tal-UE fir-rigward tal-pagamenti bil-għan li jevitaw l-użu sħiħ tal-limiti massimi fuq il-pagamenti;

28. Jindika li l-flessibbiltà dwar l-impenji proposta fil-ftehim politiku dwar il-QFP mhijiex flessibbiltà ġenerali massima, peress li tistabbilixxi limitu ta’ żmien billi, mill-2017 ’il quddiem, ma tawtorizzax ir-riport awtomatiku ta’ impenji mhux użati lejn is-sena baġitarja ta’ wara;

29. Iqis li l-istabbiliment ta’ limitu fuq in-natura awtomatika tar-riport ta’ impenji mhux użati huwa fih innifsu limitu għall-prinċipju tal-flessibbiltà ġenerali massima kif ukoll joħloq ċertezza li l-limiti massimi tal-QFP fir-rigward tal-impenji qatt mhuma se jiġu mobilizzati bis-sħiħ;

30. Jirrimarka li l-mobilizzazzjoni tal-marġini ta’ kontinġenza, li kien previst bħala strument tal-aħħar istanza biex, permezz tal-Maġġoranza Kwalifikata tal-Voti (QMV), il-limiti massimi tal-QFP jinqabżu sa 0,03  % tal-ING tal-UE, se tiddgħajjef minħabba l-ftehim politiku dwar il-QFP, peress li se jiġi introdott il-prinċipju tal-ikkumpensar sħiħ obbligatorju għas-snin finanzjarji fil-preżent u fil-futur; għaldaqstant, jinsab konvint li l-PE se jnaqqas il-flessibbiltà ġenerali fir-rigward tal-QFP billi jaċċetta li jirriduċi l-użu u l-iskop tal-marġini ta’ kontinġenza;

31. Jenfasizza li l-istrumenti speċjali, li jmorru lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP, huma strumenti speċifiċi li jiffaċilitaw il-proċedura baġitarja annwali u li ma jirrappreżentawx impenn vinkolanti kif previst għal avvenimenti mhux mistennija; għaldaqstant, jinsab konvint li minħabba din il-partikolarità l-pakkett tal-istrumenti speċjali m’għandux jitnaqqas meta mqabbel mal-proposta inizjali tal-Kummissjoni iżda l-flessibbiltà tagħhom għandha tiġi estiża bil-għan li l-approprjazzjonijiet mhux użati jkunu jistgħu jiġu trasferiti lejn il-bqija tal-QFP;

Ħlas bil-quddiem tal-programmi

32. Jenfasizza li l-ħlas bil-quddiem ma jfissirx li jsir iżjed infiq iżda li l-infiq isir fi stadju aktar bikri; jinsisti, għalhekk, li kwalunkwe ħlas bil-quddiem, apparti l-impatt politiku importanti tiegħu, m’għandux jitqies bħala żieda ġenerali f’dan il-baġit iżda pjuttost bħala mod kif wieħed jonfoq qabel ma jkun mistenni;

33. Iqis li l-flessibbiltà fl-impenji tippermetti lill-Unjoni li tirrikostitwixxi l-linji baġítarji li jafu jkunu tħallsu bil-quddiem għal raġunjiet politiċi; madankollu, jindika li minħabba l-marġini limitat disponibbli fil-qafas tal-limiti massimi tal-QFP fir-rigward tal-impenji hemm riskju li ma jiġi riportat xejn qabel l-2015, sakemm l-awtoritajiet baġitarji ma jiddeċidux li jkomplu jnaqqsu iżjed il-baġit tal-UE sabiex jippermettu r-riport tal-impenji mhux użati;

34. Jisħaq li, billi jirrifjuta li jimmodifika l-profil tal-limiti massimiu tal-QFP għal kull sena u għal kull intestatura, il-Kunsill qed iġiegħel lill-Kummissjoni tħallas b’lura ċerti fondi bil-għan li tiffinanzja l-ħlas bil-quddiem, u b’hekk jitlob li l-Kummissjoni tidentifika pubblikament il-linji baġitarji li se jitħallsu b’lura bil-għan li jiġi kkumpensat il-ħlas bil-quddiem ta’ linji baġitarji oħrajn;

35. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħlas bil-quddiem tal-fond għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) għall-baġits tal-2014 u l-2015; madankollu, jindika r-riskju li l-baġit għall-YEI (EUR 6 biljun li minnhom EUR 3 biljun ġejjin mill-FSE) jiġi kkunsmat sal-2015; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi regolament ġdid dwar il-YEI li jkollu l-għan li jżid il-pakkett finanzjarju għall-YEI sabiex isir effiċjenti u permanenti;

36. Jirrimarka li l-ammont ta’ EUR 6 biljun matul l-ewwel sentejn tal-QFP qajla se jkunu biżżejjed biex tiġi indirizzata r-rata dejjem togħla tal-qgħad fost iż-żgħażagħ madwar l-Unjoni;

37. Japprezza l-possibbiltà li l-baġit għall-Orizzont 2020 jitħallas bil-quddiem; madankollu, iqis bħala irrilevanti l-ammont imħallas bil-quddiem (EUR 200 miljun għall-2014 u l-2015 minn EUR 70,2 biljun) li mhux se jimpedixxi li l-baġit tal-Unjoni għar-R&Ż jiċkien fl-2014 u l-2015 meta mqabbel mal-2014 filwaqt li l-kapijiet ta’ stat u ta’ gvern qablu, fit-8 ta’ Frar 2013, li jiżguraw li l-baġit għall-Orizzont 2020 jippreżenta tkabbir reali meta mqabbel mal-livell tal-2013; barra minn hekk, jindika li dan mhux se jħares il-programm mit-tnaqqis imwettaq mill-kapijiet ta’ stat u ta’ gvern u stabbilit fit-tqassim indikattiv tal-QFP imwettaq mill-Kummissjoni Ewropea (-12  %);

38. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħlas bil-quddiem tal-baġit għall-Erasmus; madankollu, iqis li l-ħlas bil-quddiem huwa bidla kożmetika (EUR 150 miljun għall-2014 u l-2015 minn total ta’ EUR 13 biljun) meta mqabbel mal-pakkett globali tal-programm; madankollu, jindika li dan mhux se jħares il-programm mit-tnaqqis imwettaq mill-kapijiet ta’ stat u ta’ gvern u stabbilit fit-tqassim indikattiv tal-QFP imwettaq mill-Kummissjoni Ewropea (-14  %);

39. Japprezza l-ħlas bil-quddiem tal-programm COSME; madankollu, iqis li l-ħlas bil-quddiem huwa bidla simbolika (EUR 50 miljun għall-2014 u l-2015 minn total ta’ EUR 2 biljun) meta mqabbel mal-pakkett globali tal-programm; madankollu, jindika li dan mhux se jħares il-programm mit-tnaqqis imwettaq mill-kapijiet ta’ stat u ta’ gvern u stabbilit fit-tqassim indikattiv tal-QFP imwettaq mill-Kummissjoni Ewropea (-15  %);

Fond għall-persuni l-aktar fil-bżonn

40. Japprezza ż-żieda b’EUR 1 biljun għall-fond għall-persuni l-aktar fil-bżonn u li b’hekk il-pakkett finanzjarju jżomm il-livell tal-2013; madankollu, jisħaq li ż-żieda se ssir fuq bażi volontarja u dan jagħmilha waħda ipotetika u konsegwentement se jnaqqas il-fondi għal proġetti oħra ffinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew; barra minn hekk, jenfasizza li l-intensità tal-għajnuna għall-persuni l-aktar fil-bżonn se titnaqqas minħabba li l-fond se jkun aċċessibbli għall-Istati Membri kollha mill-2014 ’il quddiem;

Tul ta’ żmien

41. Itenni l-pożizzjonitiegħu li perjodu ta’ 5 snin jallinja aħjar it-tul ta’ żmien tal-QFP ma’ dak tal-mandat tal-istituzzjonijiet, u b’hekk tittejjeb ir-responsabbiltà demokratika; għaldaqstant, iqis li l-Parlament Ewropew li wasal biex itemm il-mandat tiegħu m’għandux jorbot lill-Parlament u lill-Kummissjoni li jmiss b’QFP ta’ seba’ snin, sakemm ma jkunx hemm klawsola ta’ reviżjoni postelettorali permezz tal-QMV;

42. Jinsab konvint li nuqqas ta’ ftehim dwar il-QFP se jippermetti li ċ-ċittadini tal-UE jkomplu d-dibattitu politiku matul l-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin u li l-perspettiva finanzjarja li jmiss sa tmiem id-deċennju tkun allinjata aħjar maċ-ċiklu politiku;

 

Limiti massimi tal-MFF

Strateġija UE 2020

43. Jinsab konvint li l-valur miżjud tal-limiti massimi tal-MFF huwa li jiffinanzjaw proġett politiku li joffri prevedebbiltà u ċertezza lill-istituzzjonijiet u lill-partijiet interessati; iqis li l-UE 2020 ġiet adottata mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE bħala l-istrateġija tal-UE għall-bqija tad-deċennju u b’hekk torbot lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jiffinanzjaw kif imiss l-aġenda politika maqbula komunement; għaldaqstant, jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ ambizzjoni tal-Istrateġija UE 2020 iżda jqis l-objettivi tagħha bħala l-minimu essenzjali; madankollu, iqis li t-tnaqqis tal-limiti massimi tal-QFP b’EUR 85 biljun meta mqabbel mal-proposta tal-Kummissjoni, jiġifieri l-iffriżar fil-livell tal-2013, jikkontradixxi bis-sħiħ l-aġenda tal-UE 2020;

44. Ifakkar fl-objettiv soċjali tal-Istrateġija UE 2020, jiġifieri li 75 % ta’ dawk li għandhom bejn 20 u 64 sena ikunu impjegati sal-2020; jinkwieta li l-fondi disponibbli fil-qafas tal-limiti massimi tal-QFP ma jkunux biżżejjed biex jegħlbu l-kriżi u biex inaqqsu b’mod suffiċjenti r-rata tal-qgħad sal-2020;

45. Ifakkar fl-objettiv tal-Istrateġija UE 2020 li tal-anqas 3 % tal-PDG tal-UE jiġu investiti fir-R&Ż; jinsab konvint bis-sħiħ li t-tnaqqis drastiku li sar fir-R&Ż u fil-programmi relatati mal-SMEs imur kontra l-objettivi miftiehma;

46. Iqis li l-baġit tal-UE għandu jaqdi rwol ċentrali fil-finanzjament tal-miri tal-UE 2020 relatati mal-klima u l-enerġija (l-hekk imsejjaħ objettiv 20-20-20); jiddispjaċih li l-miri tal-UE 2020 relatati mal-klima u l-enerġija mhumiex ambizzjużi biżżejjed u mhumiex neċessarjament vinkolanti; għaldaqstant, jemmen li l-effett ta’ lieva tal-QFP għandu jkun immirat lejn miżuri addizzjonali marbutin mal-integrazzjoni tad-dimensjoni klimatika;

47. Jaqbel li l-azzjoni fir-rigward tal-klima tiġi integrata fl-istrumenti xierqa, u li permezz ta’ din l-integrazzjoni f’politiki differenti, tal-anqas 20 % tal-QFP li jmiss għandu jikkonsisti minn nefqa relatata mal-klima; madankollu, jiddispjaċih li l-integrazzjoni għall-azzjoni fir-rigward tal-klima mhijiex aktar qawwija;

48. Jemmen fermament li l-miri fir-rigward tal-edukazzjoni stabbiliti fl-Istrateġija UE 2020 huma essenzjali biex jiġu żgurati opportunitajiet ġusti u indaqs għaċ-ċittadini kollha tal-UE; jirrifjuta bis-sħiħ it-tnaqqis li sar fi programmi relatati mal-kultura u l-edukazzjoni fil-QFP; jemmen li dan se jdgħajjef lill-UE;

49. Jinsab konvint bis-sħiħ li kull solidarjetà fi ħdan l-UE għandha tkun immirata l-ewwel lejn l-ifqar nies; iqis li l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali għandha tissaħħaħ f’termini baġitarji fil-politiki settorjali rilevanti kollha bil-għan li jiġi żgurat li jinkisbu l-miri tal-UE 2020 fir-rigward tal-faqar;

Intestatura 1a

50. Jindika li l-intestatura 1a, li tiffoka fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-SMEs, iż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u l-infrastrutturi kbar, hija dik li l-aktar kellha tnaqqis (-24 % meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni) minħabba l-ftehim politiku dwar il-QFP;

51. Iqis li din l-intestatura hija ta’ prijorità ewlenija għal baġit progressista u modern; jinsab konvint bis-sħiħ li hemm riskju għoli li l-Istrateġija UE 2020 tfalli bħalma ġralha l-Istrateġija ta’ Lisbona, kemm-il darba l-limiti massimi tal-QFP għall-intestatura 1a ma jiżdidux b’mod sostanzjali;

52. Jirrimarka li l-proġetti fuq skala kbira, li huma karatterizzati minn infiq akbar milli ppjanat, speċjalment ITER u COPERNICUS, ġew integrati fl-intestatura 1a, b’żieda ta’ riskji potenzjali għall-programmi l-oħrajn fl-intestatura 1a f'każ ta' nfiq akbar milli ppjanat; itenni l-appoġġ tiegħu għall-proposta tal-Kummissjoni biex il-proġetti fuq skala kbira jitqiegħdu lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP sabiex jiġi evitat kull riskju f’każ ta’ nfiq akbar milli ppjanat;

 

Intestatura 1b

53. Jindika li l-intestatura 1b, li tiffinanzja l-Politika ta’ Koeżjoni u l-YEI, tnaqqset b’4 % meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni, filwaqt li diġà kienet tippreżenta tnaqqis sinifikanti minħabba r-riforma tal-fondi strutturali;

54. Jisħaq li 50 % tal-YEI se jkunu ffinanzjati mill-Fond Soċjali ewropew (FSE) u 50 % minn linja baġitarja separata; mill-ġdid jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħlas bil-quddiem għall-YEI, iżda jtenni t-tħassib tiegħu dwar il-finanzjament u l-possibiltà li l-linja baġitarja tinxef għalkollox sa tmiem l-2015;

55. Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-ħlas b’lura ta’ ċerti programmi fi ħdan l-intestatura 1b; jitlob li l-Kummissjoni tiċċara liema programmi se jesperjenzaw ħlas b'lura biex jiġi kkumpensat il-ħlas bil-quddiem;

Intestatura 2

56. Jindika li l-intestatura 2, li tiffinanzja primarjament il-PAK, il-Politika Komuni tas-Sajd u l-programm LIFE+, tnaqqset b’4 % meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni, filwaqt li diġà kienet tippreżenta tnaqqis sinifikanti minħabba r-riforma tal-PAK;

57. Itenni t-tħassib tiegħu dwar l-isforzi tal-Kunsill biex jillimita s-setgħa leġiżlattiva tal-PE billi jirrifjuta li jinnegozja dwar kapitoli diġà koperti mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-8 ta’ Frar 2013, speċjalment rigward il-flessibbiltà fost il-pilastri differenti u l-introduzzjoni ta’ limiti massimi għall-pagamenti diretti;

Intestatura 3

58. Jenfasizza li l-intestatura 3, li tiffoka fuq is-sigurtà, l-affarijiet interni u ċ-ċittadinanza, tnaqqset bi 17 % meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni, u li dan jagħmilha kważi impossibbli li jiġu ffinanzjati kif imiss ċerti programmi bħalma huma l-programm “Ewropa Kreattiva” u l-Fond għall-Migrazzjoni u l-Asil; itenni l-pożizzjoni ferma tiegħu favur il-finanzjament xieraq tal-programmi relatati maċ-ċittadinanza li taw xhieda tal-valur miżjud Ewropew tagħhom;

Intestatura 4

59. Jindika li l-intestatura 4, li tiffinanzja l-azzjoni esterna tal-Unjoni, tnaqqset b’mod drastiku b’16 % meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni, u li dan jagħmilha kważi impossibbli li jintlaħaq l-objettiv li l-Unjoni ssir attur globali;

60. Jirrimarka li t-tnaqqis drastiku fl-intestatura 4, kif ukoll fil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), ipperikola l-objettiv tal-Għan ta’ Żvilupp tal-Millennju li jintefqu 0,7 % tal-PDG tal-UE sal-2015; itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-politika Ewropea għall-iżvilupp għandha valur miżjud Ewropew importanti biex l-Unjoni ssir l-ewwel attur internazzjonali fil-qasam tal-għajnuna għall-iżvilupp; għaldaqstant, jemmen li t-tnaqqis drastiku fl-intestatura 4 jikkontradixxi bis-sħiħ l-impenji internazzjonali tal-UE;

Intestatura 5

61. Jindika li l-intestatura 5, li tiffinanzja l-amministrazzjonijiet tal-UE, tnaqqset bi 2 % meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni; iqis li fi żmien ta’ diffikultà ekonomika madwar l-UE, l-istituzzjonijiet għandhom jaġixxu b’responsabbiltà u għandhom juru ċerta komprensjoni fir-rigward taċ-ċittadini tal-UE; għaldaqstant, iqis li jista’ jsir iffrankar addizzjonali fl-intestatura 5 mingħajr ma tiġi pperikolata l-kwalità tas-servizz pubbliku tal-UE, filwaqt li titnaqqas l-impronta ekoloġika u li tiġi rrispettata ġustizzja soċjali u sostenibbli fost il-membri tal-persunal tal-UE;

Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ)

62. Jindika li l-FEŻ, li jiffinanzja l-programmi tal-iżvilupp fl-ifqar pajjiżi tad-dinja, tnaqqas bi 11 % meta mqabbel mal-proposta tal-Kummissjoni; itenni t-tħassib tiegħu dwar ir-riskju li l-objettiv tal-Għan ta’ Żvilupp tal-Millennju li jintefqu 0,5 % tal-PDG tal-UE sal-2015 ma jintlaħaqx jekk jiġi aċċettat tali tnaqqis;

63. Jitlob lill-Kummissjoni tniżżel il-FEŻ fil-baġit fil-qafas tal-limiti massimi tal-QFP, filwaqt li taġġusta l-limiti massimi kif xieraq, mill-aktar fis u sa mhux aktar tard mill-2021;

°

 

°         °

64. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, u lill-istituzzjonijiet u lill-korpi l-oħra kkonċernati.