MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-Analiżi tal-Presidenza Irlandiża, inkluż il-Ftehim QFP
1.7.2013 - (2012/2799(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Richard Ashworth f'isem il-Grupp ECR
B7‑0339/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Analiżi tal-Presidenza Irlandiża, inkluż il-Ftehim QFP
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 295, 311 u 312 tat-TFUE,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2011 u l-proposta emendata tal-Kummissjoni tas-6 ta' Lulju 2012 għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (COM(2011)0398 u COM(2012)0388),
– wara li kkunsidra l-ftehim politiku bejn il-Kunsill Ewropew tas-7–8 ta' Frar,
– wara li kkunsidra l-ftehim politiku li ntlaħaq fis-summit tat-tliet Presidenti fil-qafas tal-Artikolu 324 tat-TFUE fis-27 ta' Ġunju 2013,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, skont l-Artikolu 312(2) tat-TFUE, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’konformità ma' proċedura liġiżlattiva speċjali, se jadotta regolament li jistabbilixxi l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), filwaqt li jaġixxi b'mod unanimu, wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament;
B. billi, skont l-Artikolu 295 tat-TFUE, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkonsultaw lil xulxin u bi ftehim komuni jagħmlu arranġamenti għall-kooperazzjoni tagħhom, u billi għal dan il-għan, għandu jiġi adottat ftehim interistituzzjonali sabiex jittejjeb il-funzjonament tal-proċedura baġitarja annwali u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet dwar kwistjonijiet baġitarji;
C. billi, skont l-Artikolu 311 tat-TFUE, l-Unjoni trid tipprovdi lilha nnifisha bil-mezzi meħtieġa sabiex tilħaq l-objettivi tagħha u twettaq il-politiki tagħha, u għandha tkun iffinanzjata għalkollox minn riżorsi proprji; billi l-Kunsill mitlub jikkonsulta l-Parlament qabel jadotta deċiżjoni ġdida dwar ir-riforma tar-riżorsi proprji u, barra minn hekk, irid jikseb l-approvazzjoni tal-Parlament qabel jadotta regolament dwar il-miżuri sabiex jimplimenta s-sistema tar-riżorsi proprji;
1. Jilqa' l-ftehim ta' pakkett li ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, b'kooperazzjoni sħiħa tal-Kummissjoni Ewropea, dwar abbozz ta' Qafas Pluriennali għall-perjodu 2014-2020 u abbozz ta' Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u ġestjoni finanzjarja soda;
2. Huwa konxju ħafna li n-negozjati dwar l-QFP 2014-2020 saru f'kuntest ekonomiku diffiċli ħafna, li fih l-Istati Membru huma impenjati fi sforzi konsiderevoli u kontinwi biex jagħmlu aġġustamenti fiskali għall-baġits nazzjonali tagħhom u jemmen li l-ftehim jirrappreżenta rispons pragmatiku u realistiku għall-kudizzjonijiet ekonomiċi u fiskali, li jirrappreżentaw sfida fl-Istati Membri kollha;
3. Jagħraf li l-limiti massimi tal-QFP jifformaw aspett wieħed biss tal-ibbaġitjar futur u li l-infiq effiċjenti u effettiv huwa importanti daqsu – jekk mhux iktar; ifakkar, barra minn dan, li l-infiq kollu tal-UE għandu jkun immirat lejn dawk ir-reġjuni u l-Istati Membri li l-iktar għandhom bżonnu, skont il-prinċipju tal-ugwaljanza u solidarjetà bejn l-Istati Membri ġodda u dawk ta’ qabel;
4. Iqis, fid-dawl tal-ambjent makroekonomiku u l-isfidi li tqajmu minħabba ekonomija dinjija li qed tevolvi malajr, li baġit iżgħar jitlob flessibbiltà akbar kemm fl-intestaturi kif ukoll bejn snin finanzjarji u jemmen li l-ftehim li ntlaħaq jagħti garanziji suffiċjenti ta' arkitettura flessibbli baġitarja li se tippermetti lill-Unjoni tilħaq l-obbligi tagħha u tindirizza ċ-ċirkostanzi u l-prijoritajiet li qegħdin jinbidlu, b'mod xieraq, filwaqt li jirrispettaw il-limiti digà miftiehma;
5. Jilqa' l-fatt li s-sistema attwali ta' riżorsi proprji ma nbidlux wara l-ftehim unanimu tal-Kunsill skont prerogattivi tat-Trattat, u jiddikkjara r-rieda tiegħu li jintlaħaq ftehim malajr kemm jista' jkun dwar ir-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni dwar dan il-ftehim;
6. Jaċċetta li l-pakkett miftiehem bejn il-Parlament u l-Kunsill ifisser li l-QFP se jdum perjodu ta' seba' snin; itenni l-pożizzjoni tiegħu li jkun preferibbli li jkun hemm qafas li jdum mhux iktar minn ħames snin;
7. Jinsisti, għalhekk, li oqfsa futuri, li jibdew fl-2020, ikollhom tul ta' mhux iktar minn ħames snin, biex ikun hemm flessibilità akbar u aktar rispons kif ukoll allinjament akbar tal-perjodu QFP mal-mandati tal-istituzzjonijiet, u b'hekk jittejbu r-responsabilità u r-rendikont demokratiku, u jilqa' f'dan ir-rigward id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li se teżamina f'aktar dettall u se tallinja l-proposti tagħha maċ-ċikli politiċi tal-istituzzjonijiet;
8. Jinnota li n-negozjati bejn il-Kunsill u l-Parlament dwar il-proposti leġiżlattivi relatati mal-programmi multiannwali baqgħu, f'ħafna każijiet, għaddejjin skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, u jħeġġeġ liż-żewġ fergħat tal-awtorità leġiżlattiva jkomplu jaħdmu bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-programmi kollha ta' infiq ikunu lesti jibdew sal-1 ta' Jannar 2014, sabiex ikun hemm tranżizzjoni bla xkiel mill-qafas attwali għal dak ġdid;
9. Jimpenja ruħu li jieħu deċiżjoni legali formali dwar il-pakkett miftiehem hekk kif xi elementi tekniċi legali taħt diskussjoni fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja li jeħtieġu inkorporazzjoni aktar tard fir-Regolament QFP, ikunu lesti; itenni r-rieda tiegħu li jagħti l-kunsens formali tiegħu legali ladarba dawn l-elementi jkunu lesti u jenfasizza li l-ebda parti mill-pakkett miftiehem fis-27 ta' Ġunju 2013 se terġa' tinfetaħ;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, u lill-istituzzjonijiet u lill-korpi l-oħra kkonċernati.