MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-ftehim politiku rigward il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020
1.7.2013 - (2012/2799(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Joseph Daul, Alain Lamassoure, Jean-Luc Dehaene f'isem il-Grupp PPE
Hannes Swoboda, Ivailo Kalfin f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0334/2013
B7‑0340/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ftehim politiku rigward il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 310, 311, 312 u 323 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012 għall-fini li jinkiseb eżitu pożittiv għall-proċedura ta' approvazzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-snin 2014-2020[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2013 dwar il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta' Frar dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali[2],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew adottati fit-8 ta' Frar 2013,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew adottati fit-28 ta' Ġunju 2013,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
1. Jilqa' pożittivament il-ftehim politiku milħuq fis-27 ta' Ġunju 2013 fl-ogħla livell politiku bejn il-Parlament, il-Presidenza tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020, wara negozjati twal u ibsin; jirrikonoxxi l-isforzi notevoli tal-Presidenza Irlandiża biex jintlaħaq tali ftehim;
2. Jisħaq fuq il-fatt li – bis-saħħa tal-perseveranza tal-Parlament fin-negozjati – għall-ewwel darba ġew adottati għadd ta' dispożizzjonijiet li se jkunu strumentali biex jagħmlu lill-qafas finanzjarju l-ġdid operattiv, konsistenti, trasparenti u aktar adegwat għall-esiġenzi taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza, b'mod partikolari, l-arranġamenti l-ġodda relatati mar-reviżjoni tal-QFP, mal-flessibilità, mar-riżorsi proprji u mal-unità u t-trasparenza tal-baġit, li kienu, għall-Parlament, prijoritajiet fundamentali fin-negozjati;
3. Huwa dispost li jressaq għall-vot ir-Regolament QFP u l-Ftehim Interistituzzjonali l-ġdid fil-bidu tal-ħarifa, malli jkunu rispettati l-kundizzjonijiet tekniċi u ġuridiċi neċessarji għall-finalizzazzjoni tat-testi rilevanti, biex b'hekk il-Ftehim Interistituzzjonali jirrifletti l-ftehim ġenerali milħuq bejn il-Kunsill u l-Parlament;
4. Itenni, madankollu, il-pożizzjoni tiegħu, espressa fir-riżoluzzjoni msemmija tat-13 ta' Marzu 2013 dwar il-QFP, li l-approvazzjoni tar-Regolament QFP ma tistax tingħata sakemm tkun hemm garanzija assoluta li l-talbiet pendenti għall-ħlas għall-2013 ikunu koperti totalment; jistenna li l-Kunsill, għalhekk, jieħu deċiżjoni formali dwar l-Abbozz ta' Baġit Emendatorju 2/2013, għall-ammont ta' EUR 7.3 biljun, mhux iktar tard mill-Kunsill Ecofin li se jsir fid-9 ta' Lulju 2013; jinsisti li l-Kunsill iżomm l-impenn politiku tiegħu li jadotta mill-aktar fis, u sa mhux aktar tard mill-bidu tal-ħarifa, baġit emendatorju ulterjuri biex jiġi evitat kwalunkwe nuqqas tal-approprjazzjonijiet ta' pagament li jaf iwassal għal defiċit strutturali fil-baġit tal-UE fi tmiem l-2013;
5. Jenfasizza, barra minn hekk, li r-Regolament dwar il-QFP ma jistax jiġi adottat leġittimament sakemm ma jintlaħaqx ftehim politiku dwar il-bażijiet ġuridiċi rilevanti, speċjalment dwar il-punti li huma riflessi wkoll fir-Regolament QFP; jesprimi r-rieda tiegħu li jikkonkludi mill-aktar fis possibbli n-negozjati rigward il-bażijiet ġuridiċi għall-programmi pluriennali kollha u jerġa' jikkonferma l-prinċipju skont liema "ma jintlaħaq qbil dwar xejn sakemm jintlaħaq qbil dwar kollox"; jinsisti fuq ir-rispett totali għas-setgħat leġiżlattivi tal-Parlament, mogħtija mit-Trattat ta' Lisbona, u jistieden lill-Kunsill jinnegozja b'mod adegwat l-aspetti kollha tal-bażijiet ġuridiċi hekk imsejħa "relatati mal-QFP"; jilqa' favorevolment il-ftehimiet politiċi milħuqa s'issa dwar diversi programm pluriennali ġodda tal-Unjoni Ewropea;
6. Jirrikonoxxi l-konsolidament fiskali li l-Istati Membri qegħdin iħabbtu wiċċhom miegħu; iqis, madankollu, li l-livell ġenerali tal-QFP li jmiss, deċiż mill-Kunsill Ewropew, mhuwiex biżżejjed meta mqabbel mal-objettivi politiċi tal-UE u l-bżonn li tiġi garantita l-implimentazzjoni ta' suċċess tal-istrateġija Ewropa 2020; jinsab imħasseb bil-fatt li dan il-livell ta' riżorsi aktarx mhuwiex biżżejjed biex jgħammar lill-Unjoni Ewropea bil-mezzi neċessarji biex tirkupra mill-kriżi attwali b'mod ikkoordinat u biex toħroġ minnha aktar b'saħħtiha; jiddispjaċih bil-fatt li l-Istati Membri għadhom jissottovalutaw ir-rwol u l-kontribut tal-baġit tal-UE biex jissaħħu l-governanza ekonomika u l-koordinament fiskali fl-Unjoni Ewropea kollha; jibża', madankollu, li limiti massimi tal-QFP tant baxxi sejrin inaqqsu b'mod konsiderevoli kwalunkwe marġini ta' manuvra għall-Parlament fil-proċeduri baġitarji annwali;
7. Jisħaq fuq l-importanza ta' rieżami obbligatorju u ta' reviżjoni sussegwenti tal-QFP li jmiss sa tmiem l-2016, bil-għan li l-Kummissjoni u l-Parlament li jmiss jitħallew jerġgħu jivvalutaw il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni Ewropea, jadattaw il-QFP għall-isfidi u għall-esiġenzi l-ġodda u jqisu totalment il-projezzjonijiet makroekonomiċi l-aktar reċenti; jinsisti fuq il-fatt li r-rieżami obbligatorju li jsir mill-Kummissjoni lin-naħat kemm tad-dħul kif ukoll tan-nefqa tal-baġit tal-UE jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva għal reviżjoni tar-Regolament dwar il-QFP, konformement mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni annessa ma' tali regolament; biħsiebu jippreżenta din ir-reviżjoni obbligatorja tal-QFP bħala rekwiżit kruċjali waqt l-investitura tal-President tal-Kummissjoni l-ġdid;
8. Itenni l-importanza kruċjali li tissaħħaħ il-flessibilità fil-QFP 2014-2020 bil-għan li jiġu sfruttati bis-sħiħ il-limiti massimi tal-QFP rispettivi għall-impenji (EUR 960 biljun) u għall-pagamenti (EUR 908,4 biljun), kif impost mill-Kunsill Ewropew; jilqa' b'sodisfazzjon, għalhekk, l-approvazzjoni tal-Kunsill taż-żewġ proposti ewlenin imressqa mill-Parlament, jiġifieri l-ħolqien ta' Marġini Globali għall-Pagamenti u ta' Marġini Globali għall-Impenji, li jippermettu r-riport awtomatiku tal-approprjazzjonijiet mhux użati minn sena finanzjarja għall-oħra; iqis bħala deplorevoli, madankollu, il-limiti imposti mill-Kunsill (f'termini ta' żmien jew ta' ammonti) li jistgħu jimpedixxu l-użu sħiħ ta' dawn l-istrumenti; iqis li t-titjib ta' dawn il-mekkaniżmi għandu jagħmel parti integrali tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP li għandha tkun proposta mill-Kummssjoni;
9. Jenfasizza li r-regoli ta' flessibilità l-ġodda dwar l-impenji għandhom iwasslu, matul il-QFP 2014-2020, għal approprjazzjonijiet addizzjonali għal programmi marbuta mat-tkabbir u mal-impjiegi, u partikolarment l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, bil-għan li jiġi żgurat finanzjament kontinwu u jiġi ottimizzat l-użu effiċjenti tal-limiti massimi maqbula;
10. Jilqa' pożittivament il-ħlas bil-quddiem fl-2014/15 tal-approprjazzjonijiet għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u jinsisti se jkunu meħtieġa mill-2016 appropjazzjonijiet supplementari bil-għan li jiġu garantiti s-sostenibilità u l-effikaċja ta' dan il-programm;
11. Jisħaq fuq il-fatt li, bħala riżultat tal-insistenza tal-Parlament, il-finanzjament għal Orizzont 2020, Erasmus u COSME se jitħallas ukoll bil-quddiem fl-2014/15 ħalli jitnaqqas id-distakk fil-finanzjament bejn l-approprjazzjonijiet rilevanti fil-baġits tal-2013 u tal-2014;
12. Jilqa' pożittivament il-fatt li sar provvediment għal żieda addizzjonali li tammonta sa EUR 1 biljun għall-iskema ta' distribuzzjoni tal-ikel għal dawk l-Istati Membri li jixtiequ jirrikorru għaliha biex jgħinu lill-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni; jistenna li l-Kunsill u l-Parlament jaqblu mill-aktar fis possibbli dwar il-modalitajiet konkreti għall-implimentazzjoni ta' dan l-impenn fil-kuntest tan-negozjati attwali dwar il-bażi ġuridika għall-iskema inkwistjoni;
13. Jiddeplora l-fatt li l-Kunsill ma kien kapaċi jagħmel l-ebda progress fir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji abbażi tal-proposti leġiżlattivi mressqa mill-Kummissjoni; jenfasizza li l-baġit tal-UE għandu jkunu ffinanzjat minn riżorsi proprji awtentiċi, kif preskritt fit-Trattati, u jafferma l-impenn tiegħu favur riforma li tnaqqas sa massimu ta' 40 % l-proporzjon ta' kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) lill-baġit tal-UE; jistenna, għaldaqstant, li d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar ir-Riżorsi Proprji maqbula bejn it-tliet istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea tippermetti li jinkiseb progress konkret, speċjalment fid-dawl tar-rieżami/reviżjoni intermedji tal-QFP; jappella, għalhekk, biex jitlaqqa' l-grupp ta' livell għoli dwar ir-riżorsi proprji mill-aktar fis, fdat b'mandat li jeżamina l-aspetti kollha tar-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji; jistenna, bħala sinjal politiku pożittiv, li t-tnedija ta' dan il-grupp ta' livell għoli tippreċedi l-adozzjoni formali tar-Regolament dwar il-QFP;
14. Jilqa' b'sodisfazzjon l-eżitu tan-negozjati dwar l-unità u t-trasparenza tal-baġit tal-UE; iqis li kwalunkwe possibilità ta' "baġit taż-żona tal-euro" li tista' tkun prevista għall-ġejjieni għandha tkun integrata jew annessa mal-baġit tal-UE;
15. Iqis bħala deplorevoli ferm il-proċedura li wasslet għal dan il-ftehim rigward il-QFP 2014-2020, li fir-realtà kellha l-effett li ċċaħħad lill-Parlament mis-setgħat baġitarji veri tiegħu kif preskritti mit-TFUE; iqis li l-bosta laqgħat li saru matul dawn l-aħħar ftit snin bejn id-delegazzjoni tiegħu u l-presidenzi suċċessivi tal-Kunsill parallelament mal-laqgħat tal-Kunsill "Affarijiet Ġenerali" rilevanti, kif ukoll il-parteċipazzjoni tiegħu fil-laqgħat informali tal-Kunsill li jittrattaw il-QFP, ma qdew l-ebda skop, billi ma ħallew l-ebda impatt fuq l-ispirtu, il-kalendarju jew il-kontenut tan-negozjati jew fuq il-pożizzjoni tal-Kunsill, inkluż il-bżonn ta' distinzjoni tal-aspetti leġiżlattivi minn dawk baġitarji tal-ftehim rigward il-QFP;
16. Jistieden, għalhekk, lill-Kumitat għall-Baġits tiegħu, f'kooperazzjoni mal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tiegħu, ifassal il-konklużjonijiet neċessarji u jressaq proposti ġodda dwar il-modalitajiet ta' tali negozjati, bil-għan li tiġi garantita n-natura demokratika u trasparenti tal-proċedura baġitarja kollha kemm hi;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-istituzzjonijiet u lill-korpi l-oħra kkonċernati.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2012)0360.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2013)0078.