MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-programm ta’ sorveljanza tan-National Security Agency tal-Istati Uniti, korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri u l-impatt fuq il-privatezza taċ-ċittadini tal-UE
1.7.2013 - (2013/2682(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Sophia in ‘t Veld, Sarah Ludford, Renate Weber, Cecilia Wikström, Nathalie Griesbeck, Leonidas Donskis, Ramon Tremosa i Balcells, Marielle de Sarnez, Andrea Zanoni, Hannu Takkula, Michael Theurer, Gianni Vattimo f'isem il-Grupp ALDE <<<
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0336/2013
B7‑0342/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-programm ta’ sorveljanza tan-National Security Agency tal-Istati Uniti, korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri u l-impatt fuq il-privatezza taċ-ċittadini tal-UE
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Nru 108 tal-Kunsill tal-Ewropa tat-28 ta' Jannar 1981 għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward ta' l-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali u l-protokoll addizzjonali tagħha tat-8 ta' Novembru 2001, u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri, b'mod partikolari r-Rakkomandazzjoni Nru R (87) 15 dwar l-użu ta' data personali fis-settur tal-pulizija u r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010) 13 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar awtomatiku tad-data personali fil-kuntest tal-profiling,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha, u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), b'mod partikolari l-Artikolu 8 dwar id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u pubblika u l-Artikolu 13 dwar id-dritt għal rimedju effikaċi,
– wara li kkunsidra l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar id-dritt għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari d-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI dwar il-protezzjoni tad-data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, id-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data,
– wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni għal regolament u għal direttiva dwar ir-riforma tar-reġim tal-protezzjoni tad-data fl-UE,
– wara li kkunsidra l-Ftehim dwar Assistenza Legali Reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti li jippermetti l-iskambju ta’ data għall-prevenzjoni u l-investigazzjoni tal-attivitajiet kriminali, il-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità (CETS Nru 185), il-Ftehim Safe Harbour, u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu, u l-lista ta' parteċipanti fil-ftehim, in-negozjati dwar il-ftehim bejn l-Istati Uniti u l-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali skambjata għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi, u r-reviżjoni li għaddejja bħalissa tal-iskema Safe Harbour,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-dritt għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari dik tal-5 ta’ Settembru 2001 dwar l-eżistenza ta’ sistema globali għall-interċettazzjoni ta’ komunikazzjonijiet privati u kummerċjali (sistema ta’ interċettazzjoni Echelon)[1], wara li kkunsidra l-ftehimiet bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-PNR (Passenger Name Record) u t-TFTP (Terrorist Financing Tracking Programme),
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida għar-regolamentazzjoni ta' fajls kompjuterizzati ta' data personali maħruġa mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-1990,
– wara li kkunsidra l-Patriot Act tal-Istati Uniti u l-Foreign Intelligence Surveillance Act (FISA), inkluża s-Sezzjoni 702 tal-FIS Amendment Act (FISAA) tal-2008,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
Il-Programm PRISM tal-Istati Uniti u s-sorveljanza min-naħa tan-National Security Agency tal-Istati Membri tal-UE u tal-UE
A. billi nhar is-6 ta’ Ġunju 2013, il-mezzi tax-xandir għamlu rapportaġġi dwar il-PRISM, programm klandestin ta' sorveljanza elettronika mħaddem min-National Security Agency (NSA) tal-Istati Uniti sa mill-2007; billi l-PRISM hu żvilupp ta’ programm ta’ ttappjar tal-linji mingħajr ħtieġa ta’ mandat żvelat mill-mezzi tax-xandir fl-2005 u legalizzat fl-2007 permezz tal-Protect America Act u tal-FISAA li awtorizzaw is-sorveljanza tal-massa – inkluż b’rabta maċ-ċittadini tal-UE - tal-emails, chats, vidjo, ritratti, trasferimenti tal-fajls, data tan-netwerking soċjali u data oħra[2]; billi, skont l-awtoritajiet tal-Istati Uniti, għaddejjin żewġ programmi, wieħed fuq il-metadata tal-komunikazzjonijiet telefoniċi u l-ieħor dwar l-internet u l-emails, li ma jistgħux intenzjonalment jolqtu liċ-ċittadini tal-Istati Uniti jew lin-nazzjonali barranin li jirrisjedu legalment fl-Istati Uniti[3], u b'konsegwenza ta' hekk għandhom miri oħrajn, inklużi ċ-ċittadini tal-UE;
B. billi kumpaniji privati li jidħlu fil-ġurisdizzjoni tal-Gvern tal-Istati Uniti, bħalma huma Microsoft, Yahoo, Google, Facebook, PalTalk, YouTube, Skype, AOL, Apple u Verizon, kien qed jgħaddu b’mod sigriet lill-NSA d-data personali marbuta mal-komunikazzjonijiet elettroniċi; billi persunal li qabel kien jaħdem ma’ xi wħud minn dawn il-kumpaniji privati issa qed jaħdem għall-NSA;
C. billi l-istituzzjonijiet tal-UE ġew assoġġettati għas-sorveljanza u l-attivitajiet ta' spijunaġġ tal-Istati Uniti, inkluż bit-tqegħid ta' bugs fir-rappreżentanza diplomatiċi tal-UE għall-Istati Uniti f'Washington u għan-NU fi New York, u bl-infiltrazzjoni tan-netwerk tal-kompjuters (emails u dokumenti interni), biċ-ċiberattakki mill-kumpless tan-NATO użat mill-esperti tal-NSA kontra l-UE fi Brussell, l-aktar il-Kunsill tal-UE u l-Kunsill Ewropew[4]; billi l-President tal-Parlament sejjaħ għal kjarifiki f’dan is-sens[5]; billi l-awtoritajiet tal-Istati Uniti kellhom bil-bersall tagħhom ukoll il-missjonijiet ta’ Franza, l-Italja u l-Greċja għan-NU[6];
D. billi l-Kummissjoni kitbet lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti nhar l-10 ta’ Ġunju 2013, u qanqlet it-tħassib Ewropew u ressqet mistoqsijiet iddettaljati dwar l-ambitu tal-programm u tal-liġijiet li jawtorizzawh[7], u billi l-kwestjoni ġiet diskussa fil-laqgħa bejn l-UE u l-Istati Uniti f’Dublin nhar l-14 ta’ Ġunju 2013, fejn kien deċiż li jsir ‘grupp trans-Atlantiku ta’ esperti’ ħalli jiddiskuti l-kwestjonijiet tal-PRISM u tal-privatezza;
E. billi l-isħubija trans-Atlantika hija tal-akbar importanza kemm għall-UE kemm għall-Istati Uniti u billi dawn ir-relazzjonijiet għandhom ikunu msejsa fuq kooperazzjoni leali, fidila u ugwali bejn il-pajjiżi li jirrispettaw il-jeddijiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;
F. billi l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti tafferma li s-sorveljanza demokratika u ġudizzjarja ġiet iggarantita b’konformità mal-kostituzzjoni tal-Istati Uniti, billi l-korpi kompetenti tal-Kungress huma infurmati dwar ir-sorvlejanza u billi hemm Qorti tal-FISA li jikkompeti lilha li tawtorizza s-sorveljanza tal-komunikazzjonijiet elettroniċi;
G. billi grupp bipartisan ta’ 26 Senatur tal-Istati Uniti kiteb lid-Direttur tal-NSA jilmenta li ‘dispożizzjoni tal-Patriot Act tal-Istati Uniti ġiet segretament reinterpretata ħalli tippermetti lill-gvern jiġbor reġistri privati dwar numri kbar’ ta’ ċittadini u li l-amministrazzjoni qed toqgħod fuq ‘korp ta’ liġi sigrieta’ biex tiġbor data privata fi kwantità kbira dwar iċ-ċittadini minflok ma tuża ordnijiet tal-qrati regolari jew awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza[8];
H. billi l-ordinament ġuridiku tal-Istati Uniti ma jiżgurax il-protezzjoni tan-non-ċittadini tal-Istati Uniti, bħalma huma ċ-ċittadini tal-UE; billi, ngħidu aħna, il-protezzjoni mogħtija mir-Raba’ Emenda tapplika biss għaċ-ċittadini tal-Istati Uniti u mhux għaċ-ċittadini tal-UE jew għal ċittadini oħrajn mhux tal-Istati Uniti;
Kooperazzjoni tal-Istati Membri tal-UE mal-Istati Uniti fis-sorveljanza
I. billi, skont l-informazzjoni li hemm fil-mezzi tax-xandir, Stati Membri oħrajn bħalma huma l-Olanda u r-Renju Unit kienu qed jiskambjaw informazzjoni miġbura bil-PRISM minn kumpaniji privati sa mill-anqas mill-2010;
Programmi tal-Istati Membri u sorveljanza ta’ Stati Membri oħrajn, tal-UE u ta’ pajjiżi terzi
J. billi l-awtoritajiet tar-Renju Unit, l-aktar il-GCHQ (Government Communications Headquarters) u l-MI6, allegatament spijunaw fuq politiċi u uffiċjali barranin li ħadu sehem fiż-żewġ laqgħat tas-samit tal-G20 fl-2009, li marru għalih il-President tal-Kummissjoni, il-Presidenza tal-Kunsill u għadd ta’ Prim Ministri tal-Istati Membri[9], billi mmonitorjawlhom il-kompjuter, interċettaw u mmappjaw it-telefonati tad-delegati bejniethom u mal-gvernijiet rispettivi tagħhom, biex jiżguraw eżitu pożittiv għall-Gvern tar-Renu Unit u għas-samit, inkluż bl-għajnuna tal-persunal tal-NSA ssekondat mal-GCHQ f’Menwith Hill, ir-Renju Unit;
K. billi l-GCHQ allegatament iħaddem il-programm ‘Tempora’, li jittappja direttament fil-cables transatlantiċi ta’ taħt l-ilma li jġorru l-komunikazzjonijiet elettroniċi; billi mases ta’ data jiddaħħlu b’mod indiskriminat, jinħażnu għal perijodi ta’ 30 jum, jiġu pproċessati u analizzati u kondiviżi mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti;
L. billi l-Kummissarju Reding kitbet lill-awtoritajiet tar-Renju Unit biex tesprimi tħassib dwar rapporti fil-midja dwar il-programm Tempora u biex titlob kjarifiki dwar l-ambitu u l-operat tal-programm[10]; billi l-awtoriajiet tar-Renju Unit iddifendew l-attivitajiet ta’ sorveljanza ta’ GCHQ, u sostnew li l-aġenzija topera taħt linji gwida stretti u legali; billi Stati Membri l-oħrajn esprimew it-tħassib u l-kritika tagħhom u staqsew jekk iċ-ċittadini tagħhom ġewx fil-bersall u jekk il-programm kien soġġett għal xi sorveljanza ġudizzjarja[11];
M. billi huwa rrappurtat li Stati Membri oħra jaċċedu komunikazzjonijiet elettroniċi transnazzjonali bla mandat ġudizzjajru regolari, imma abbażi ta’ qrati speċjali, jikkondividu d-data ma’ pajjiżi oħra (l-Isvezja), u jistgħu jtejbu l-kapaċitajiet ta’ sorveljanza tagħhom (il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi); billi fi Stati Membri oħra ġew espressi preokkupazzjonijiet bi rbit mal-poteri ta’ interċezzjoni tas-servizzi sigrieti (il-Polonja)[12];
N. billi r-rapporti mill-Parlament u mill-Kunsill tal-Ewropa dwar l-arresti straordinarji u l-programm ta’ ħabsijiet sigriet tas-CIA wera li kien hemm parteċipazzjoni attiva u passiva min-naħa tal-Istati Membri tal-UE mal-Istati Uniti permezz ta’ kollaborazzjoni bejn is-servizzi sigrieti; billi f’għadd ta’ pajjiż is-servizzi sigrieti u l-aġenti sigrieti dan l-aħħar ġew akkużati li intużaw minn dawk fil-poter biex jispjunaw fuq l-oppożizzjoni u fuq il-ġurnalisti[13] jew li mexxew operazzjonijiet devjati[14];
Id-dritt bejn l-UE u l-Istati Uniti u d-dritt tal-UE applikabbli għall-Istati Membri u l-kooperazzjoni mal-Istati Uniti
O. billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom dover li jħarsu l-jedd fundamentali taċ-ċittadini tagħhom għall-privatezza u l-ħarsien tad-data, fuq il-bażi tal-KEDB, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-konvenzjoni internazzjonali, il-kostituzzjonijiet, id-dritt tal-UE u d-dritt nazzjonali u s-sovranità u l-ġurisdizzjoni tal-UE u tal-Istati Membri tagħha;
P. billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijeit tal-Bniedem żviluppat ġurisprudenza stretta, bi kriterji stretti li jridu jiġu rispettati f’dak li għandu x’jaqsam mal-attivitajiet ta’ sorveljanza tal-istat b’rabta mal-individwi, skont liema ġurisprudenza kull interferenza mal-jedd fundamentali għall-privatezza taċ-ċittadini jrid ikun proporzjonat u neċessarju f’soċjetà demokratika, jista’ jkun permess biss bil-liġi u jrid ikun soġġett għal sorveljanza demokratika u ġudizzjarja xierqa, u fin-nuqqas tali attivitajiet 'jistgħu jimminaw jew saħansitra jeqirdu d-demokrazija filwaqt li taparsi qed jiddefenduha';
Q. billi, skont il-Ftehim Safe Harbour, l-Istati Membri u l-Kummissjoni huma fdati bid-dmir li jiggarantixxu s-sigurtà u l-integrità tad-data personali; billi, skont l-Artikolu 3 tal-ftehim, il-Kummissjoni għandha dmir, kemm-il darba d-dispożizzjonijiet tal-ftehim ma jkunux rispettati, li treġġa’ lura jew tissospendi l-ftehim; billi l-kumpaniji msemmijin fl-istampa internazzjonali huma lkoll parti għall-Ftehim Safe Harbour;
R. billi l-Istati Uniti ffirmaw u rratifikaw il-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità u l-konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-Istati Uniti fl-2007, il-prinċipji tagħha għalhekk saru parti mid-dritt domestiku tal-Istati Uniti; billi l-konvenzjoni tipprevedi li l-miżuri kollha għall-ġbir ta’ evidenza f’forma elettronika ta’ kwalunkwe reat kriminali (l-Artikolu 14) jridu jipprovdu għall-protezzjoni adegwata tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-ECHR (l-Artikolu 8, Il-Privatezza), iridu jiżguraw konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità u jridu jkunu soġġetti għal salvagwardji li jinkludu, fost l-oħrajn, superviżjoni indipendenti ġudizzjarja jew oħra, raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni, u limitazzjoni għall-kamp ta’ applikazzjoni u t-tul ta’ tali proċeduri (l-Artikolu 15);
S. billi l-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-Għajnuna Legali Reċiproka, kif ratifikat mill-Unjoni u l-Kungress, jippreskrivi l-modalitajiet għall-ġbir u l-iskambju tal-informazzjoni kif ukoll għat-talba u l-għoti ta’ assistenza fil-ksib ta’ evidenza li tkun tinsab f’pajjiż wieħed bħala għajnuna biex jitwettqu investigazzjonijiet jew proċedimenti f’pajjiż ieħor;
T. billi abbozz ta’ Regolament għall-Protezzjoni tad-Data li kien sar għall-konsultazzjoni interservizz kien fih dispożizzjoni li bis-saħħa tagħha l-kxif ta' data personali lill-awtoritajiet ta' pajjiż terz kien sar soġġett għall-kundizzjoni li jkun hemm bażi ġuridika bħalma hu ftehim ta' assistenza legali reċiproka jew ftehim u awtorizzazzjoni internazzjonali mill-awtorità kompetenti tal-protezzjoni tad-data[15]; billi din id-dispożizzjoni ma tinsabx fil-proposta finali tal-Kummissjoni;
1. Jitlob li jitwaqqaf kumitat tal-Parlament Ewropew li jagħmel inkjesti fil-programmi ta' sorveljanza, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 185 tar-Regoli tiegħu ta' Proċedura;
2. Jitlob li l-President tal-Istati Uniti jkun mistieden jindirizza l-kwestjoni fil-plenarja;
Il-programm PRISM tal-Istati Uniti u s-sorveljanza min-naħa tan-National Security Agency tal-Istati Membri tal-UE u tal-UE
3. Ifisser it-tħassib gravi tiegħu dwar il-programm PRISM imħaddem segretament mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti b’kollaborazzjoni mal-kumpaniji privati, billi dan jidher li jikkostitwixxi, jekk kemm-il darba l-informazzjoni disponibbli bħalissa tiġi kkonfermata, vjolazzjoni tal-jedd fundamentali taċ-ċittadini tal-UE għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data;
4. Jitlob lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti jagħtu lill-imseħbin tal-UE, kemm f’livell ta’ UE kemm f’dak ta’ Stat Membru, tagħrif sħiħ dwar il-programm u dwar is-sorveljanza tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri, u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jagħmlu l-istess; jitlob lill-kumpaniji privati jagħtu tagħrif dwar il-kollaborazzjoni tagħhom mal-aġenziji tas-sigurtà tal-Istati Uniti;
5. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex jissospendu u jirrevedu kwalunkwe liġi u programm ta’ sorveljanza li jiksru d-dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-UE għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data, is-sovranità u l-ġurisdizzjoni tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, u l-Konvenzjoni dwar il-Kriminalità Ċibernetika; jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti jdaħħlu liġijiet li jiżguraw li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jgawdu mill-anqas l-istess jeddijiet bħalma jgawdu ċ-ċittadini tal-UE b’rabta mal-privatezza, il-protezzjoni tad-data u r-rimedji effettivi;
6. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħhom fid-diskussjonijiet u n-negozjati mal-Istati Uniti, sew fil-livell politiku kif ukoll f’dak tal-esperti, ħalli jilħqu l-objettivi msemmija hawn fuq, inkluża billi tirrifjuta li tiffirma l-ftehim dwar reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) u dwar programm għar-rintraċċar tal-finanzjament tat-terroriżmu (TFTP);
Kooperazzjoni tal-Istati Membri tal-UE mal-Istati Uniti fis-sorveljanza
7. Ifisser t-tħassib tiegħu dwar l-informazzjoni marbuta mal-allegata kooperazzjoni sigrieta tal-Istati Membri mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti fil-qafas tal-PRISM u tal-attivitajiet l-oħrajn ta’ sorveljanza;
8. Jistieden lill-Istati Membru jagħtu tagħrif f’dan is-sens lil Istati Membri oħrajn u lill-istituzzjonijiet tal-UE u jiffriżaw kull kooperazzjoni bħal din mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti b'rabta mas-sorveljanza tal-massa taċ-ċittadini, flimkien ma' kull mossa oħra li tkun tammonta għal vjolazzjoni tal-ko’perazzjoni leali bejn l-Istati Membri u bejn dawn u l-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll bħala vjolazzjoni tal-jedd fundamentali taċ-ċittadini għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data;
Programmi tal-Istati Membri u sorveljanza ta’ Stati Membri oħrajn, tal-UE u ta’ pajjiżi terzi
9. Ifisser it-tħassib gravi tiegħu fir-rigward tar-rivelazzjonijiet marbutin mal-allegati attivitajiet ta’ sorveljanza u spijunaġġ magħmulin mill-awtoritajiet tar-Renju Unit kontra l-mexxejja tal-Istati Membri l-oħrajn u kontra l-istituzzjonijiet tal-UE, l-aktar għal raġunijiet mhux marbutin mas-sigurtà nazzjonali, bħalma kienet l-okkażjoni tas-samits tal-G20; ifisser it-tħassib gravi tiegħu dwar il-programm Tempora u l-vjolazzjoni tal-jedd fundamentali tal-privatezza taċ-ċittadini tar-Renju Unit u tal-UE;
10. Jistieden lill-awtoritajiet tar-Renju Unit jagħtu liċ-ċittadini tagħhom stess, liċ-ċittadini tal-UE, tal-Istati Membri l-oħrajn u tal-istituzzjonijiet tal-UE l-informazzjoni dwar l-attivitajiet u l-programmi msemmijin aktar ’il fuq u li jissospenduhom minnufih;
11. Jistieden lill-Istati Membri kollha jeżaminaw il-kompatibilità tal-liġijiet, l-attivitajiet u l-programmi tagħhom marbutin mas-sorveljanza f’rapport mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mal-istandards internazzjonali u Ewropej f'dan il-qasam, ħalli jiggarantixxu l-sorveljanza demokratika u ġudizzjarja u tiżguraw li l-jeddijiet fundamentali taċ-ċittadini u l-valuri Ewropej minquxin fl-Artikolu 2 tat-TUE jkunu osservati;
12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiddiskutu l-kwestjonijiet imqanqlin f'din ir-riżoluzzjoni fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill tal-ĠAI; jistedinhom jagħmlu reviżjoni tal-politiki tal-UE dwar l-istrateġiji tal-kontroterroriżmu u tas-sigurtà interna, kif mitlub mill-Parlament fir-rapport tiegħu u fid-dawl tar-rivelazzjonijiet reċenti;
13. Jistieden lill-Unità taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol tinvestiga l-ispijunaġġ li għandu bħala bersall l-UE u li jitħaddem mill-Istati Uniti u minn potenzi barranin oħrajn;
14. Jitlob li ċ-Ċentru tal-UE għall-Analiżi tal-Informazzjoni (INTCEN) ikun inkorporat fil-qafas istituzzjonali xieraq, soġġett għas-salvagwardji u l-iskrutinju;
15. Iqis li hu ta’ dispjaċir li l-Kummissjoni waqqgħet dak li kien l-Artikolu 42 (il-klawsola anti-FISA) tal-abbozz tar-Regolament tal-Protezzjoni tad-Data, u jitlob li jkun hemm kjarifika pubblika u dettaljata tar-raġunijiet għal din id-deċiżjoni; jistieden lill-Kunsill jirreinsirrixi dispożizzjoni simili u jintrabat li jagħmel l-istess huwa stess; jistieden lill-Kunsill jaċċellera ħidmietu fuq id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data;
16. Jenfasizza li, fi stati miftuħa u bbażati fuq l-istat tad-dritt, iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jsiru jafu dwar vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet fundamentali tagħhom u li jikkundannaw dawk il-vjolazzjonijiet, inklużi dawk li huma kontra il-gvern tagħhom stess; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ proċeduri li jippermettu li whistleblowers jikxfu vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet fundamentali, kif ukoll fuq il-ħtieġa li dawn il-persuni jingħataw il-protezzjoni neċessarja, inkluż fil-livell internazzjonali; jesprimi s-sostenn kontinwu tiegħu għall-ġurnaliżmu investigattiv u għall-liberta tal-midja;
17. Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jirrevedu l-prattika tagħhom li jicħdu liċ-ċittadini tagħhom mill-jedd tal-aċċess għad-dokumenti, kif iggarantit mit-Trattati, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mir-Regolament 1049/2001, fuq il-bażi li dan jista' jikkawża dannu għar-relazzjonijiet internazzjonali, u b'hekk jagħti lill-pajjiżi barranin veto de facto fuq id-dokumenti tal-UE, kif ġara fl-Istati Uniti fit-tieni rapport tal-Korp Konġunt ta' Superviżjoni tal-Europol (JSB) dwar l-implementazzjoni tal-ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar it-TFTP;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, l-awtoritajiet tal-Istati Uniti u n-Nazzjonijiet Uniti.
- [1] ĠU C 72 E, 21.3.2002, p. 221.
- [2] Ara l-pubblikazzjoni tas-CEPS ‘Open Season for Data Fishing on the Web The Challenges of the US PRISM Programme for the EU’,
http://www.ceps.eu/book/open-season-data-fishing-web-challenges-us-prism-programme-eu - [3] Ara l-istqarrijiet tal-President Obama ta’ nhar is-7 ta’ Ġunju 2013,
http://www.whitehouse.gov/the-press-office/2013/06/07/statement-president
u ta’ James Clapper, Direttorat tan-National Intelligence; programm ta’ data-mining tal-NSA jismu “Boundless Informant” jippermetti lill-NSA tipproċessa d-data u tippostjaha skont il-pajjiż tal-oriġini. - [4] http://www.spiegel.de/international/europe/nsa-spied-on-european-union-offices-a-908590.html
- [5] http://www.europarl.europa.eu/the-president/en/press/press_release_speeches/press_release/2013/2013-june/html/schulz-on-alleged-bugging-of-eu-office-by-the-us-authorities
- [6] http://www.guardian.co.uk/world/2013/jun/30/nsa-leaks-us-bugging-european-allies
- [7] Jekk iċ-ċittadini tal-UE humiex il-miri, jekk jinvolvix data fi kwantità kbira jew hux limitat għal każijiet speċifiċi u individwali, u lejn kriterji jiġu applikati, x'inhu l-ambitu preċiż tiegħu, liema definizzjonijiet jintużaw u jekk hux possibbli li jkun impunjat. It-test tal-ittra jinsab hawn: http://www.europarl.europa.eu/meetdocs/2009_2014/documents/libe/dv/p6_ltr_holder_/p6_ltr_Holder_en.pdf
- [8] Ittra ta’ 26 Senatur tal-Istati Uniti lill-Onorevoli James R. Clapper, 27 ta’ Ġunju, 2013; ara http://www.guardian.co.uk/world/interactive/2013/jun/28/senators-letter-james-clapper
- [9] Sitt rappreżentanti ta' Stati Membri tal-UE ħadu sehem fil-G20 f’Londra.
- [10] Il-Kummissarju staqsiet jekk Tempora hix ristretta għas-sigurtà nazzjonali, jekk l-isnooping hux limitat għal każijiet individwali jew isirx fi kwantità kbira, jekk id-data tiġix kondiviża ma' pajjiżi terzi bħall-Istati Uniti, u jekk iċ-ċittadini tar-Renju Unit u tal-UE għandhomx rimedji legali f'dak li għandu x'jaqsam mad-data tagħhom.
- [11] Ara ngħidu aħna l-istqarrijiet tal-Ministru Ġermaniż tal-Ġustizzja.
- [12] Ara http://euobserver.com/justice/120656
- [13] Ngħidu aħna, fil-Bulgarija.
- [14] Ara l-inkjesti li għaddejjin bħalissa fil-Lussemburgu.
- [15] Ara l-Artiikolu 42 tal-proposta tal-Kummissjoni li ġiet żvelata lill-pubbliku: http://statewatch.org/news/2011/dec/eu-com-draft-dp-reg-inter-service-consultation.pdf