Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0343/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0343/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-programm ta’ sorveljanza tan-National Security Agency tal-Istati Uniti, il-korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri u l-impatt fuq il-privatezza taċ-ċittadini tal-UE

1.7.2013 - (2013/2682(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Dimitrios Droutsas, Claude Moraes, Juan Fernando López Aguilar, Sylvie Guillaume f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0336/2013

Proċedura : 2013/2682(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0343/2013

B7‑0343/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-programm ta’ sorveljanza tan-National Security Agency tal-Istati Uniti, il-korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri u l-impatt fuq il-privatezza taċ-ċittadini tal-UE

(2013/2682(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim dwar l-għajnuna legali reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika[1],

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità (CETS Nru 185),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Safe Harbour bejn l-UE u l-Istati Uniti, b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu, u l-lista tal-parteċipanti fil-ftehim,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-dritt għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Settembru 2001 dwar l-eżistenza ta’ sistema globali għall-interċettazzjoni ta’ komunikazzjonijiet privati u kummerċjali (sistema ta’ interċettazzjoni Echelon)[2],

–   wara li kkunsidra l-Patriot Act u l-Foreign Intelligence Surveillance Act (FISA) tal-Istati Uniti u l-atti ta’ emenda sussegwenti,

–   wara li kkunsidra d-dibattitu mal-Kummissarju Reding tal-15 ta’ Frar 2012 dwar il-leġiżlazzjoni ta’ pajjiżi terzi u l-liġijiet tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data (PV 15/02/2012 – 19),

–   wara li kkunsidra r-reviżjoni attwali tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data (id-Direttiva 95/46/KE),

–   wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin dwar ftehim qafas bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-protezzjoni tad-data personali meta din tiġi trasferita u pproċessata għal finijiet ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija (‘il-Ftehim Ġeneriku’),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-cloud computing fl-Ewropa (COM(2012)0529),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi rapporti fl-istampa internazzjonali fil-bidu ta’ Ġunju 2013 żvelaw evidenza li, permezz ta’ programmi bħall-PRISM, l-awtoritajiet tal-Istati Uniti qegħdin jiksbu u jipproċessaw id-data personali taċ-ċittadini tal-UE fuq skala kbira meta dawn jużaw provdituri ta’ servizz online Amerikani;

B.  billi l-Kummissarju Reding kitbet ittra lill-Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti, Eric Holder, li fiha qajmet kwistjonijiet ta’ tħassib fil-livell Ewropew u talbet kjarifiki u spjegazzjonijiet dwar il-programm PRISM u programmi oħrajn simili li jinvolvu l-ġbir u t-tiftix tad-data, u l-liġijiet li skonthom jistgħu jiġu awtorizzati tali programmi;

C. billi tweġiba sħiħa mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti għad trid tasal, minkejja d-diskussjonijiet li saru fil-laqgħa tal-Ministri tal-Ġustizzja tal-UE u l-Istati Uniti f’Dublin fl-14 ta’ Ġunju 2013;

D. billi fi tmiem Ġunju 2013 l-istampa internazzjonali rrappurtat allegazzjonijiet li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti kienu mmonitorjaw b’mod sistematiku l-uffiċji tal-istituzzjonijiet tal-UE f’Washington DC u New York, kif ukoll il-bini tal-istituzzjonijiet tal-UE fi Brussell, permezz tal-ispjunar ta’ uffiċji, l-użu ta’ impjanti elettroniċi u antenni u l-infiltrazzjoni tan-netwerks tal-posta elettronika u tat-telefon;

E.  billi r-rapporti fl-istampa jirreferu wkoll għall-monitoraġġ tal-Istati Membri tal-UE;

F.  billi, kemm-il darba r-rapporti jirriżultaw fattwali, dan it-tip ta’ interċettazzjoni u ġbir ta’ data ma jistax ikun ġustifikat fl-ambitu ta’ miżuri kontra t-terroriżmu jew ta’ sigurtà nazzjonali;

G. billi l-awtoritajiet tal-Istati Uniti ntalbu jagħtu spjegazzjonijiet u kjarifiki formali;

H. billi s-sħubija trans-Atlantika bejn l-UE u l-Istati Uniti trid tkun ibbażata fuq fiduċja u rispett reċiproċi, kooperazzjoni leali u reċiproka, u rispett għad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt;

I.   billi, skont il-Ftehim Safe Harbour, l-Istati Membri u l-Kummissjoni huma fdati bid-dmir li jiggarantixxu s-sigurtà u l-integrità tad-data personali; billi, skont l-Artikolu 3, il-Kummissjoni għandha dmir, kemm-il darba d-dispożizzjonijiet tal-ftehim ma jkunux rispettati, li treġġa’ lura jew tissospendi l-ftehim;

J.   billi l-kumpaniji involuti fil-każ PRISM, kif rappurtat fl-istampa internazzjonali, huma kollha partijiet fil-Ftehim Safe Harbour;

K. billi l-Istati Uniti ffirmat u rratifikat il-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità, li daħlet fis-seħħ fl-2007, u billi l-klawsoli u l-prinċipji tagħha għalhekk saru parti mid-dritt domestiku tal-Istati Uniti;

L.  billi l-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità tipprevedi li l-miżuri kollha għall-ġbir ta’ evidenza f’forma elettronika ta’ kwalunkwe reat kriminali (l-Artikolu 14) jridu jipprovdu għall-protezzjoni adegwata tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-ECHR (l-Artikolu 8, Il-Privatezza), iridu jiżguraw konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità u jridu jkunu soġġetti għal salvagwardji li jinkludu, fost l-oħrajn, superviżjoni indipendenti ġudizzjarja jew oħra, raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni, u limitazzjoni għall-kamp ta’ applikazzjoni u t-tul ta’ tali proċeduri (l-Artikolu 15);

M. billi jkun sfortunat jekk l-isforzi biex tiġi konkluża Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u Investiment (TTIP), li turi l-impenn biex tissaħħaħ aktar is-sħubija bejn l-UE u l-Istati Uniti, jiġu affettwati mill-allegazzjonijiet reċenti;

N. billi l-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-Għajnuna Legali Reċiproka, kif ratifikat mill-Unjoni u l-Kungress, jistipula l-modalitajiet għall-ġbir u l-iskambju tal-informazzjoni kif ukoll għat-talba u l-għoti ta’ assistenza fil-ksib ta’ evidenza li tkun tinsab f’pajjiż wieħed bħala għajnuna biex jitwettqu investigazzjonijiet jew proċedimenti f’pajjiż ieħor;

O. billi fl-14 ta’ Ġunju 2013 il-Kummissarju Malmström ħabbret it-twaqqif ta’ grupp ta’ esperti miż-żewġ naħat tal-Atlantiku;

P.  billi l-istampa internazzjonali rrappurtat ukoll l-allegati kooperazzjoni u involviment tal-Istati Membri tal-UE fil-programm PRISM u fi programmi oħrajn simili, jew il-fatt tal-ksib ta’ aċċess min-naħa tagħhom għall-bażijiet tad-data maħluqin minn tali programmi;

Q. billi l-istampa internazzjonali rrappurtat ukoll l-allegata kooperazzjoni tal-Istati Membri fit-trażmissjoni ta’ tipi simili ta’ data personali mill-Istati Membri għall-Istati Uniti;

R.  billi bosta Stati Membri għandhom programmi ta’ sorveljanza jew qed jiddiskutu tali programmi;

S.  billi skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kwalunkwe programm simili jrid ikun b’mod ċar proporzjonat u neċessarju f'soċjetà demokratika;

T.  billi r-riforma tal-protezzjoni tad-data bħalissa qiegħda għaddejja fil-livell tal-UE, permezz tar-reviżjoni tad-Direttiva 95/46/KE u s-sostituzzjoni tagħha bir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data propost u d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u l-moviment liberu ta’ dik id-dejta;

U. billi l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jirrispettaw il-valuri fundamentali minquxin fl-Artikolu 2 tat-TUE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

1.  Jesprimi tħassib serju dwar il-programm PRISM u programmi oħrajn simili li jinvolvu l-ġbir ta’ data li, kemm-il darba tiġi kkonfermata l-informazzjoni disponibbli s’issa, jafu jikkostitwixxu ksur serju tad-dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-UE għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data;

2.  Jesprimi tħassib serju u gravi dwar l-allegazzjonijiet li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti jispjunaw l-uffiċji tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-posta elettronika u t-telefonati tal-impjegati tagħhom; jemmen – kemm-il darba l-allegazzjonijiet jirriżultaw korretti – li dawn it-tipi ta’ azzjoni huma kompletament inaċċettabli u ta’ ħsara għar-relazzjoni trans-Atlantika; jesprimi tħassim dwar jekk dan jammontax għal ksur serju tad-dritt internazzjonali, u speċifikament tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex, mingħajr dewmien bla bżonn, jagħtu lill-UE informazzjoni kompluta dwar il-programm PRISM u programmi oħrajn simili li jinvolvu l-ġbir tad-data, kif mitlub mill-Kummissarju Reding fl-ittra tagħha tal-10 ta’ Ġunju 2013 lill-Avukat Ġenerali Eric Holder;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti, mingħajr ebda dewmien, jagħtu lill-istituzzjonijiet tal-UE kjarifika u spjegazzjonijiet kompluti dwar l-allegazzjonijiet ta’ attivitajiet ta’ spjunar mill-awtoritajiet tagħhom b’rabta mal-uffiċji tal-istituzzjonijiet tal-UE f’Washington DC, New York u Brussell;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti jivverifikaw il-legalità tal-programm PRISM u programmi simili oħra li jinvolvu l-ġbir ta’ data, u jekk humiex konformi – u jista’ jiġi ppruvat li huma konformi – mal-obbligi legali stabbiliti fil-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità, b’mod partikolari r-rekwiżit tal-proporzjonalità u salvagwardji xierqa bħal superviżjoni indipendenti u limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni u t-tul;

6.  Jitlob li l-grupp ta’ esperti miż-żewġ naħat tal-Atlantiku, kif imħabbar mill-Kummissarju Malmström u li fih se jieħu sehem il-Parlament, jingħata livell xieraq ta’ garanzija ta’ sigurtà u aċċess għad-dokumenti rilevanti kollha, sabiex ikun jista’ jwettaq xogħlu tajjeb u fi żmien stabbilit; jitlob ukoll li dan il-grupp ta’ esperti jfassal konklużjonijiet u sett ta’ rakkomandazzjonijiet;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex jerġgħu jibdew mingħajr dewmien in-negozjati fir-rigward tal-ftehim qafas dwar il-protezzjoni tad-data personali meta din tiġi trasferita u pproċessata għal finijiet ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq rieżami sħiħ tal-Ftehim Safe Habour fid-dawl tal-informazzjoni reċenti, skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim;

9.  Jesprimi tħassib serju dwar ir-rivelazzjonjiet relatati mal-allegati programmi ta’ sorveljanza mmexxija mill-Istati Membri, jew bl-għajnuna tan-National Security Agency tal-Istati Uniti jew b’mod unilaterali;

10. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-liġijiet u l-prattiki rispettivi tagħhom huma f’konformità sħiħa mal-prinċipji tan-neċessità u l-proporzjonalità, mal-ġurisprudenza tal-QEDB u ma’ ġurisprudenza relatata u, jekk ma jkunux, jirreveduhom f’dan is-sens;

11. Jistieden lill-Kunsill biex, bħala kwistjoni ta’ urġenza, iħaffef fil-ħidma tiegħu dwar il-Pakkett dwar il-Protezzjoni tad-Data kollu kemm hu, u b’mod speċifiku dwar id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, sabiex il-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-data Ewropea tiġi aġġornata mill-aktar fis possibbli, skont il-ħtieġa tal-lum li jiġu protetti d-data personali u l-privatezza individwali;

12. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura, fin-negozjati attwali dwar il-Pakkett dwar il-Protezzjoni tad-Data, li l-istandards tal-protezzjoni tad-data tal-UE ma jiddgħajfux b’riżultat tat-TTIP mal-Istati Uniti;

13. Jisħaq fuq il-fatt li l-kumpaniji kollha li jipprovdu servizzi fl-UE jeħtiġilhom ikunu konformi mal-liġi tal-UE mingħajr eċċezzjoni li huma responsabbli għal kwalunkwe vjolazzjoni;

14. Jenfasizza li l-kumpaniji li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ pajjiżi terzi għandhom jipprovdu lill-utenti li jinsabu fl-UE twissija ċara u li tingħaraf dwar il-possibbiltà li d-data personali tiġi pproċessata minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-intelligence fuq ordnijiet sigrieti jew inġunzjonijiet;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu biex iwettaq inkesta fil-fond dwar il-PRISM u programmi simili oħra li jinvolvu l-ġbir ta’ data, inkluż l-allegat spijar fuq l-uffiċji tal-UE, u jirrapporta lura lill-plenarja mill-aktar fis possibbli;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President tal-Istati Uniti, lis-Senat u l-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti, lis-Segretarji Amerikani għas-Sigurtà u l-Ġustizzja Interna u lill-Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti.