MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu
2.7.2013 - (2013/2697(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Cristian Dan Preda, Bernd Posselt, Tokia Saïfi, Mário David, Roberta Angelilli f'isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0362/2013
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-5 ta' Ġunju 2013 mir-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton u l-Kummissarju Štefan Füle dwar is-sentenzi tal-proċess tal-NGOs Eġizzjani,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton tat-2 ta’ Ġunju 2013 dwar il-liġi l-ġdida dwar l-NGOs fl-Eġittu, tal-20 ta' Ġunju 2012 dwar is-sitwazzjoni politika fl-Eġittu, tat-13 ta' Settembru 2012 u l-istabbiliment ta’ Task Force UE-Eġittu ġdid, tal-5 ta' Diċembru 2012 għal sejħa għal djalogu politiku nazzjonali u tal-25 ta' Diċembru 2012 dwar ir-referendum dwar l-abbozz ta’ Kostituzzjoni fl-Eġittu, u d-dikjarazzjoni mill-kelliema tar-Rappreżentant Għoli tal-25 ta' Jannar 2013 dwar il-qtil f’Port Said, l-Eġittu,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-Eġittu tas-27 ta' Frar 2012, tal-25 ta' Ġunju 2012, tal-31 ta' Jannar 2013 u tat-8 ta' Frar 2013,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Eġittu tal-2001 (li daħal fis-seħħ fl-2004), li ssaħħaħ bil-Pjan ta’ Azzjoni u l-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) li sar qbil dwaru fl-2007, u r-rapport ta’ progress tal-Kummissjoni tal-20 ta' Marzu 2013 dwar l-implimentazzjoni tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-8 ta' Frar 2013 dwar ir-Rebbiegħa Għarbija,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li tiegħu l-Eġittu huwa firmatarju,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura,
A. billi, fit-30 ta' Ġunju 2013, miljuni ta’ Eġizzjani ħadu sehem f’dimostrazzjonijiet fil-pajjiż kollu fejn talbu li l-President Morsi jirriżenja; billi tal-inqas 16-il persuna nqatlu u mijiet indarbu waqt il-kunflitt;
B. billi, f’dikjarazzjoni fl-1 ta' Lulju 2013, il-Ministru għad-Difiża u l-kap tal-forzi armati tal-pajjiż, il-Ġeneral Abdel Fattah al-Sisi, qalu li l-armata kienet qed tagħti lill-gvern u lill-oppożizzjoni 48 siegħa biex tissodisfa t-talba tal-poplu, inkella hi nnifisha tintervjeni biex tirristawra l-ordni u ‘tħabbar pjan direzzjonali ta’ miżuri infurzati taħt superviżjoni militari’;
C. billi, fl-4 ta' Ġunju 2013, qorti Eġizzjana kkundannat – bil-biċċa in absentia – 43 ħaddiem tas-soċjetà ċivili minn organizzazzjonijiet nongovernattivi internazzjonali (NGOs), inklużi Freedom House, l-Istitut Repubblikan Internazzjonali, l-Istitut Demokratiku Nazzjonali, iċ-Ċentru Internazzjonali għall-Ġurnalisti u l-Fondazzjoni Konrad Adenauer, għal sena sa ħames snin ħabs wara li ttellgħu l-qorti f’Diċembru 2011; billi l-qorti ordnat ukoll li l-uffiċċji jingħalqu u li jiġu konfiskati l-beni fl-Eġittu li huma l-proprjetà ta’ NGOs;
D. billi l-abbozz ta’ liġi dwar l-NGOs għandu jkun konformi mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem u jirreaġixxi għall-aspirazzjonijiet tal-poplu Eġizzjan;
E. billi l-abbozz ta’ liġi dwar l-NGOs internazzjonali jimponi kontrolli u restrizzjonijiet tal-gvern sinifikanti għall-attivitajiet u l-finanzjament ta’ gruppi ċiviċi, u billi dan imur kontra t-tranżizzjoni demokratika u d-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni minquxa fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li tiegħu l-Eġittu huwa firmatarju;
F. billi s-soċjetà ċivili għandha rwol kruċjali fit-tranżizzjoni demokratika b’mod globali u għandha titħalla taħdem liberament; billi d-dritt tal-assoċjazzjoni hija marbuta ma’ u dipendenti fuq id-dritt għall-aċċess għall-finanzjament;
G. billi hemm tħassib dejjem jikber dwar il-fatt li jinħolqu restrizzjonijiet fuq il-libertà tat-twemmin u r-reliġjonu, fir-rigward tal-attivitajiet ta’ ġurnalisti u bloggers, u fuq il-libertà tat-twemmin u l-espressjoni;
H. billi l-UE ilha taħdem b’mod attiv mas-soċjetà ċivili Eġizzjana u żviluppat bosta proġetti sinifikanti li jippromwovu l-paċi, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem universali;
I. billi rapport speċjali reċenti mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar ‘Kooperazzjoni tal-UE mal-Eġittu fil-qasam tal-governanza’ jgħid li sar ftit progress fil-pajjiż permezz ta’ interventi tal-UE f’appoġġ għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem tul dawn l-aħħar snin, u li l-ebda inizjattiva ewlenija ma ttieħdet wara r-rivoluzzjoni biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li l-miżuri li ttieħdu kellhom impatt żgħir;
J. billi l-Eġittu huwa sieħeb ewlieni tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran tan-Nofsinhar; billi żviluppi politiċi, ekonomiċi u soċjali fl-Eġittu għandhom implikazzjonijiet sinifikanti għar-reġjun kollu u lil hinn minnu;
1. Jistieden lill-partijiet kollha biex jagħmlu l-almu tagħhom biex isir djalogu paċifiku mibni fuq it-tolleranza, l-inklużjoni u n-nonvjolenza, u biex jagħmlu kull sforz possibbli biex jaħdmu favur ir-rikonċiljazzjoni sabiex b’mod kontinwu jippromwovu t-tranżizzjoni demokratika tal-pajjiż;
2. Jitlob lill-Gvern Eġizzjan biex jirrispetta u jissodisfa l-obbligi internazzjonali tiegħu, jiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem universali u l-libertajiet fundamentali, u biex jipproteġi d-dritt tal-libertà tal-assoċjazzjoni u l-espressjoni, inkluż għall-NGOs internazzjonali;
3. Jappoġġa bis-saħħa s-soċjetà ċivili indipendenti fl-Eġittu bħala parti mill-impenji taħt il-Politika Ewropea tal-Viċinat;
4. Jitlob li l-abbozz ta’ liġi dwar assoċjazzjonijiet biex iħares u jiproteġi d-dritt għal-libertà tal-assoċjazzjoni u l-espressjoni, jilleġitimizza r-rwol tas-soċjetà ċivili fil-pajjiż u jwieġeb għall-aspirazzjonijiet tal-poplu Eġizzjan għad-demokrazija minquxa speċifikament f’kostituzzjoni ġdida tal-Eġittu; jitlob għal sforzi dedikati biex tiġi żgurata t-tgawdija sħiħa tagħhom;
5. Jistieden lill-Gvern Eġizzjan biex jirrispetta u jiggarantixxi r-rwol tas-soċjetà ċivili tul il-proċess tat-tranżizzjoni demokratika;
6. Jistieden lill-Gvern Eġizzjan juri l-impenn tiegħu f’riforma demokratika billi jissostitwixxi l-abbozz ta’ liġi attwali b’wieħed li jippromwovi d-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni u espressjoni, b'konformità ma' standards internazzjonali u l-obbligi li ddaħħlu fis-seħħ mill-Eġittu;
7. Jenfasizza l-ħidma importanti u ta’ kwalità għolja mwettqa minn dawn l-organizzazzjonijiet nongovernattivi internazzjonali sabiex jiġu promossi l-paċi, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;
8. Itenni s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Eġizzjan f’dan il-perjodu importanti ta’ tranżizzjoni u jenfasizza li l-proċess ta’ tibdil demokratiku jeħtieġ sforzi u impenn kontinwi; jerġa’ jenfasizza l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-kontinwazzjoni ta’ tranżizzjoni demokratika fl-Eġittu;
9. Iħeġġeġ lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni jiżviluppaw il-prinċipju ta' "aktar għal aktar", b’fokus partikolari fuq is-soċjetà ċivili, id-drittijiet tan-nisa u d-drittijiet tal-minoranzi, b'mod aktar koerenti u prattiku, inkluż permezz ta' kundizzjonijiet u parametri ċari għar-riformi demokratiċi u b’rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet, bħala bażi fundamentali tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u fir-relazzjonijiet tal-UE mal-Eġittu;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu.