MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu
2.7.2013 - (2013/2697(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Willy Meyer, Marie-Christine Vergiat, Jacky Hénin, Paul Murphy, Marisa Matias f'isem il-Grupp GUE/NGL
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu, partikolarment dawk tas-16 ta' Frar 2012[1] u tal-15 ta' Marzu 2012[2], u tal-14 ta' Marzu 2013[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u dwar l-Unjoni għall-Mediterran[4],
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni UE-Eġittu għall-2007 u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2004,
– wara li kkunsidra l-pakkett PEV, żviluppat fl-2004, u b'mod partikolari r-rapport ta' progress tal-Kummissjoni tal-20 ta' Marzu 2013 dwar l-implimentazzjoni tiegħu,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tiegħu, Martin Schulz, dwar il-kundanna ta' 43 ħaddiema NGO fl-Eġittu fil-5 ta' Ġunju 2013,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Catherine Asthon tal-1 ta' Frar 2012 dwar ir-ripressjoni kontinwa fuq is-soċjetà ċivili fl-Eġittu; wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem għar-RGħ/VP dwar il-liġi l-ġdida dwar l-NGOs fl-Eġittu tat-2 ta' Ġunju 2013; wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tar-RGħ/VP u tal-Kummissarju Ewropew għall-Politika tat-Tkabbir u tal-Viċinat tal-UE, Štefan Füle, dwar il-verdetti tal-proċessi tal-NGOs Eġizzjani fil-5 ta' Ġunju 2013,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2012, tal-25 ta' Ġunju 2012, tad-19 ta' Novembru 2012 u tal-10 ta' Diċembru 2012 dwar l-Eġittu, tal-31 ta' Jannar 2013 dwar l-appoġġ tal-UE għat-tibdil sostenibbli f'soċjetajiet fi tranżizzjoni, u tat-8 ta' Frar 2013 dwar ir-Rebbiegħa Għarbija,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy, wara l-laqgħat tiegħu mal-President Eġizzjan, Mohamed Morsi, fit-13 ta' Settembru 2012 u fit-13 ta' Jannar 2013,
– wara li kkunsidra l-laqgħat tat-Task Force tal-UE tat-13 u l-14 ta' Novembru 2012, u tal-konklużjonijiet tagħha,
– wara li kkunsidra l-memorandum tal-Kummissjoni 'Ir-rispons tal-UE għar-Rebbiegħa Għarbija: l-istat attwali wara sentejn', tat-8 ta' Frar 2013,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-RĠĦ/VP lill-Parlament, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar 'Twettiq ta’ Politika Ewropea tal-Viċinat ġdida', tal-15 ta' Mejju 2012,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem għall-Eġittu tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Ban Ki-moon, tal-5 ta' Ġunju 2013, wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, tat-8 ta' Mejju 2013, wara li kkunsidra n-noti ta' tagħrif għall-istampa tal-kelliem tagħha dwar l-Eġittu tas-7 ta' Ġunju 2013,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni urġenti tan-Netwerk Ewro-Mediterranju tad-Drittijiet tal-Bniedem (EMHRN) u l-Osservatorju għall-Protezzjoni tad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, programm konġunt tal-Federazzjoni Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (FIDH) u tal-Organizzjazzjoni Dinjija kontra t-Tortura (OMCT), dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu, u b'mod partikolari dwar ir-restrizzjonijiet allarmanti għas-soċjetà ċivili u dwar il-kriminalizzazzjoni tax-xogħol tas-soċjetà ċivili, tal-5 ta' Ġunju 2013,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-40 organizzazzjoni tas-soċjetà Eġizzjana tat-30 ta' Mejju 2013,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Eġizzjana u b'mod partikolari l-Artikolu 51 tagħha, li jiddikkjara li l-assoċjazzjonijiet jiġu ffurmati permezz ta' notifika,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Eġittu jagħmel parti minnu,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fit-30 ta' Ġunju 2013, miljuni ta' protestanti fil-pajjiż kollu sejħu biex Mohamed Morsi jirriżenja fl-akbar dimostrazzjoni mir-revoluzzjoni tal-2011 li neħħiet lil Hosni Mubarak mill-poter; billi, minkejja l-fatt li d-demostrazzjonijiet fil-parti l-kbira kienu paċifiċi, tal-inqas seba' persuni inqatlu u mijiet sfaw feruti fil-pajjiż kollu;
B. billi tal-inqas 16-il persuna inqatlu matul il-kors tal-protesti; billi d-dimostranti kontra l-gvern daħlu fil-kwartieri ġenerali nazzjonali tal-Muslim Brotherhood fil-Kajr u sitt ministri rriżenjaw tul il-kors tal-protesti massivi kontra l-gvern tal-Muslim Brotherhood, li hi indikazzjoni tal-fraġilità interna tal-gvern ta' Morsi;
C. billi l-armata Eġizzjana ħabbret li se tagħti lill-partiti rivali fil-pajjiż 84 siegħa biex isolvu l-kriżi jew inkella se tintervjeni jekk il-President Morsi u l-avversarji tiegħu ma jagħtux każ 'ir-rieda tal-poplu', u dan jindika l-prospett ta' kolp militari fl-Eġittu;
D. billi l-Front ta' Salvazzjoni Nazzjonali (NSF) li qiegħed fl-oppożizzjoni ħareg l-hekk imsejjaħ 'Dikjarazzjoni Nru 1 tar-Revoluzzjoni' fejn sejjaħ lid-dimostanti fl-Eġittu kollu biex 'iżommu manifestazzjonijiet paċifiċi fil-pjazez u t-toroq u l-villaġġi kollha sakemm l-aħħar persuna ta' dan ir-reġim dittatorjali jċedi'; billi l-Ministru tad-Difiża wissa li l-armata Eġizzjana tista' tintervjeni jekk is-sitwazzjoni tibqa' mhux governabbli;
E. billi l-NSF hi fost il-gruppi progressivi, liberali u sekulari tal-oppożizzjoni li appoġġat petizzjoni organizzata mill-moviment (ribell) Tamarod, fejn sejħet għal elezzjonijiet ġodda; billi l-oppożizzjoni ddikjarat li aktar minn 22 miljun persuna ffirma l-petizzjoni; billi Morsi ġie elett bi 13-il miljun vot;
F. billi d-dimostranti għadhom qed jitolbu l-istess għanijiet relatati mal-libertà, id-dinjità tal-bniedem u l-ġustizzja soċjali bħal dawk tar-rivoluzzjoni tal-25 ta' Jannar; billi huma qed jitolbu żieda fil-pagi biex ilaħħqu maż-żieda fil-prezzijiet, djar, il-kura tas-saħħa, il-ħolqien tal-impjiegi, l-irtirar tal-kostituzzjoni distorta, il-formazzjoni ta' gvern ta' salvazzjoni nazzjonali, u elezzjonijiet presidenzjali bikrija;
G. billi issa ilu sentejn li Hosni Mubarak irriżenja wara dimostrazzjonijiet massivi fil-Pjazza Tahrir u l-irvellijiet fl-Eġittu kollu li sejħu għal riformi fundamentali fis-sistema politika, ekonomika u soċjali tal-pajjiż, għat-tmiem tal-korruzzjoni, u għal libertà sħiħa, demokrazija vera, rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kundizzjonijiet ta' għajxien aħjar u għal stat sekulari;
H. billi f'Novembru 2012 il-President tal-Eġittu li għadu kif ġie elett, Mohamed Morsi, b'mod unilaterali ddegrieta setgħat akbar għalih innifsu, filwaqt li lid-deċiżjonijiet tiegħu tahom l-immunità mir-reviżjoni ġudizzjarja u pprojbixxa lill-qrati milli jxolju l-assemblea kostitwenti u lill-kamra superjuri tal-parlament; billi bħala riżultat tad-digriet, madwar 200 000 persuna għamlu dimostrazzjoni fil-Pjazza Tahrir u sejħu għar-riżenja tiegħu; billi l-assemblea kostitwenti għaġġlet biex lestiet l-abbozz tal-kostituzzjoni u Morsi stabilixxa d-data tal-15 ta' Diċembru 2012 bħala d-data għal referendum;
I. billi f'Diċembru 2012 aktar minn 100 000 dimostrant imxew lejn il-palazz presidenzjali, u talbu li r-referendum ikun ikkanċellat u li tinkiteb kostituzzjoni ġdida; billi fir-referendum b'żewġ rawnds il-poplu tal-Eġittu approva l-kostituzzjoni, b'63.8 % favur, imma kienu biss 32.9 % tal-votanti li pparteċipaw;
J. billi fl-2012 seħħew fl-Eġittu aktar minn 3 400 protesta dwar kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali, ħafna minnhom strajks jew sit-ins; billi dan l-ammont hu kważi ħames darbiet akbar minn kwalunkwe ieħor fis-seklu 21; billi aktar minn żewġ terzi ta' dawn il-protesti seħħew wara l-inawgurazzjoni ta' Morsi bħala president fit-30 ta' Ġunju;
K. billi żdiedu l-attakki fiżiċi u legali fuq attivisti tat-trade unions mill-elezzjoni tal-President Morsi; billi f'Settembru 2012 ħames mexxejja tal-unions fil-Kumpanija tal-Kontejners tal-Port ta' Alexandra kienu kkundannati tliet snin ħabs għaliex mexxew strajk ta' 600 ħaddiem f'Ottubru 2011;
L. billi f'Jannar 2013 mijiet ta' eluf għamlu protesti kontra Morsi fil-Pjazza Tahrir u fil-pajjiż kollu; billi matul il-kommemorazzjoni tas-sentejn mir-rivoluzzjoni tal-25 ta' Jannar 2011, intużat mingħajr ħtieġa forza letali mill-forzi tas-sigurtà matul tmiem il-ġimgħa ta' skontri mad-demostranti li wasslu għal 45 persuna mejta u 1000 feruti;
M. billi fis-7 ta' Mejju 2013 Morsi għamel bidliet fil-kabinett, u qiegħed aktar ministri mill-Muslim Brotherhood; billi dawn il-bidliet jistgħu jkunu marbuta mal-għan li jiġu finalizzati negozjati li ilhom wieqfa mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) sabiex jingħata self ta' USD 4.8 biljun;
N. billi l-Eġittu sab ruħu magħluq fi kriżi politika u ekonomika għal diversi xhur; billi għad hemm mewġiet ta' protesti kontra Morsi li repetutament spiċċaw fi skontri fatali u rvellijiet; billi l-President Morsi u l-Muslim Brotherhood effettivament qed jieħdu l-istess rwol tal-imkeċċi Hosni Mubarak u qed jonqsu milli jwettqu riformi, filwaqt li qed ifittxu li joħolqu sistema aktar reliġjuża u konservattiva;
O. billi d-dimostranti komplew bil-protesti tagħhom kontra Morsi għal diversi xhur; billi l-poplu niżel fit-toroq biex jipprotesta minħabba li s-sitwazzjoni fil-pajjiż taħt il-gvern tal-Muslim Brotherhood ma saretx aħjar, imma ħżienet; billi matul il-mandat ta' Morsi bħala President tal-Eġittu l-inflazjoni u l-qgħad żdiedu; billi r-ripressjoni tal-gvern fuq id-dimostranti tfakkar fir-ripressjoni mwettqa minn Mubarak; billi d-dimostranti qed jikkundannaw it-tortura, il-fastidju, id-detenzjoni, is-swat u l-istupru fost il-popolazzjoni Eġizzjana, u jridu lil dawk responsabbli jitressqu quddiem il-qorti; billi qed jikbru l-frustrazzjonijiet minħabba l-pass kajman tar-riformi u minħabba l-abbuż li qed iseħħ mill-pulizija u minn forzi tas-sigurtà oħra li qed jaġixxu mingħajr impunità; billi l-impunità wasslet biex jiżdied il-fastidju sesswali u l-attaki fuq nisa fil-viċinanzi tal-Pjazza Tahrir;
P. billi l-kostituzzjoni l-ġdida mfassla mill-partit ta' Morsi, il-Muslim Brotherhood, fetħet il-bieb għal stat reliġjuż, u naqset milli tiggarantixxi l-libertà tal-espressjoni, waqt li tillegalizza l-konfiska ta' gazzetti u l-ħabs għall-ġurnalisti; billi l-kostituzzjoni żżomm milli jkun hemm edukazzjoni libera, tippermetti d-diskriminazzjoni reliġjuża, tnaqqar id-drittijiet tan-nisa u tat-tfal, u tonqos milli tagħmel dispożizzjoni għad-dritt għas-saħħa u l-abitazzjoni, u d-drittijiet tal-ħaddiema; billi din il-kostituzzjoni tpoġġi lill-President Morsi 'l fuq mil-liġi u tippermetti proċessi militari ta' persuni ċivili;
Q. billi l-Kunsill tax-Shura (l-kamra superjuri tal-parlament) hi fil-proċess li tfassal liġi li tirrestrinġi l-istrajks u d-dimostrazzjonijiet, u billi din il-liġi hi bbażata fuq il-Liġi 14 tal-1923, liġi ferm restrittiva, li ġejja mir-ripressjoni kolonjali Brittanika li rriżultat mill-irvellijiet tal-1919 kontra l-okkupazzjoni tal-Ingliżi;
R. billi l-NGOs qed ikunu dejjem iżjed suġġetti għal ripressjoni leġiżlattiva fl-Eġittu, li tqiegħed il-funzjonament tagħhom, inkluż ir-reġistrazzjoni, il-fondi u t-tiftix tal-fatti, ferm diffiċli; billi l-Bank Ċentrali tal-Eġittu talab li jissorvelja t-trasferimenti kollha tal-bank tal-NGOs, u billi 10 uffiċċji ta' NGOs iffinanzjati internazzjonalment sarilhom rejd, kienu investigati u sussegwentement ipprojbiti mill-Kunsill Suprem tal-Forzi Armati (SCAF) u 43 ħaddiem kienu proċessati u misjuba ħatja mill-Qorti Kriminali tal-Kajr tat-Tramuntana fl-4 ta' Ġunju 2013 u kkundannati bejn sena u ħames snin ħabs fuq il-bażi tal-Liġi 84/2002, li għada ta' żmien Mubarak;
S. billi l-Eġittu għadu qed jinnegozja self mill-FMI ta' USD 4.8 biljun, li jimplika awsterità ekonomika; billi dawn ir-riformi ta' awsterità relatati mal-kontroll tad-defiċit iwasslu għal kundizzjonijiet aktar ħżiena ta' xogħol, dawk soċjali u tal-għajxien għall-popolazzjoni tal-Eġittu;
1. Itenni l-appoġġ tiegħu għat-talbiet tal-poplu Eġizzjan għal-libertà, id-dinjità tal-bniedem, il-ġustizzja soċjali, il-libertà sħiħa, il-vera demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kundizzjonijiet aħjar tal-għajxien u għal stat sekulari, partikolarment għat-talbiet tagħhom għal żieda fil-paga biex ilaħħqu maż-żieda fil-prezzijiet, għad-djar, is-saħħa, il-ħolqien tal-impjiegi, l-irtirar tal-kostituzzjoni distorta, il-formazzjoni ta' gvern ta' salvazzjoni nazzjonali, u elezzjonijiet presidenzjali bikrija;
2. Jappoġġa t-talbiet tas-soċjetà ċivili Eġizzjana li qed tipprotesta fit-tmiem ta' din il-ġimgħa biex issejjaħ għal elezzjonijiet ġodda ħalli jkun iffurmat gvern li jista' jibda proċess kostitwenti biex terġa tinkiteb kostituzzjoni ġdida;
3. Għandu fehma soda li l-mexxejja u l-ġenerali tal-armata Eġizzjana mhux se joffru possibbiltà li jintlaqgħu t-talbiet ġusti tad-dimostranti, minħabba li t-tmexxija tal-armata għandha setgħat ekonomiċi ferm b'saħħithom fl-Eġittu u għalhekk tirrapreżenta interessi politiċi u ekonomiċi differenti minn dawk tal-ħaddiema, tal-poplu fqir u taż-żgħażagħ li qed jitolbu ġustizzja soċjali u titjib fl-istandards tal-għajxien tagħhom;
4. Jinsab ferm imħasseb dwar iż-żieda fir-ripressjoni u fl-attakki kontra trade unions u attivisti tat-trade unions, u jitlob li dawk il-ħaddiema mkeċċija minħabba li kienu involuti f'attività tat-trade union jerġgħu jingħataw posthom lura;
5. Jiddefendi d-drittijiet tal-ħaddiema li jagħmlu parti minn trade union u li jieħdu sehem f'attività ta' trade union mingħajr biża' ta' ripressjoni;
6. Jitlob li jitwaqqaf kumitat ta' inkjesta indipendenti u imparzjali biex jinvestiga każi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem li saru matul il-presidenza ta' Morsi kif ukoll matul ir-reġim ta' Mubarak, inklużi każijiet ta' eżekuzzjoni extraġudizzjarja u ta' arrest arbitrarju, u għal dawk responsabbli – inkluż il-Kunsill Suprem tal-Forzi Armati – biex jiġu identifikati u, fejn xieraq, jitressqu quddiem il-ġustizzja, b'kumpens għall-vittmi u l-familji tagħhom;
7. Hu ferm kontra l-kundizzjonijiet marbuta mas-self tal-FMI, għaliex dawn jikkontribwixxu biex jeħżienu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-ħaddiema u tal-membri l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà Eġizzjana;
8. Jinsisti li l-futur tal-Eġittu għandu jkun kompletament f'idejn il-poplu Eġizzjan, mingħajr ebda indħil estern; hu kontra kwalunkwe indħil estern u imperjalista; jinsab konvint li la intervent mill-militar Eġizzjan u lanqas ritorn għall-elementi qodma tar-reġim ta' Mubarak ma jirrapreżentaw pass biex jiġu indirizzati l-aspirazzjonijiet ġusti tal-parti l-kbira tal-popolazzjoni Eġizjana;
9. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jiżguraw li kwalunkwe leġiżlazzjoni li tbiddel il-liġi dwar l-NGO tkun f'konformità mal-liġi internazzjonali, li tirrispetta d-drittijiet tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni, u li tkun ibbażata fuq konsultazzjonijiet trasparenti ma' organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u ma' NGOs oħra;
10. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani itemmu l-impunità u jieħdu passi drastiċi biex itemmu l-istupru, il-fastidju sesswali u kull tip ta' diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru;
11. Itenni li r-relazzjonijiet ekonomiċi, politiċi, soċjali, kulturali u kull tip ta' relazzjoni bejn l-UE u kwalunkwe pajjiż tal-PEV trid tkun ibbażata fuq l-ugwaljanza tat-trattament, in-nuqqas ta' indħil, is-solidarjetà, id-djalogu u r-rispett lejn asimmetriji u karatteristiċi speċifiċi ta' kull pajjiż;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran, lill-Unjoni Afrikana u lill-Gvern u l-Parlament tal-Eġittu.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2012)0064.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2012)0092.
- [3] Testi adottati, P7_TA(2013)0095.
- [4] Testi adottati, P7_TA(2011)0576.