Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0364/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0364/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu

2.7.2013 - (2013/2697(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Véronique De Keyser, Libor Rouček, Pino Arlacchi, Emine Bozkurt, Saïd El Khadraoui, Ana Gomes, Richard Howitt, María Muñiz De Urquiza, Raimon Obiols, Pier Antonio Panzeri, Boris Zala, Joanna Senyszyn f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0362/2013

Proċedura : 2013/2697(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0364/2013
Testi mressqa :
B7-0364/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0364/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu

(2013/2697(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoniijiet preċedenti tiegħu, partikolarment dik tal-14 ta' Marzu 2013 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu[1],

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew, Martin Schulz, dwar il-kundanna ta' 43 operatur tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) fl-Eġittu fis-6 ta' Ġunju 2013, u d-dikjarazzjoni konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-UE, Catherine Ashton, u l-Kummissarju Štefan Füle dwar il-verdetti tal-proċessi tal-NGOs Eġizzjani fil-5 ta' Ġunju 2013,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-portavuċi tar-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, dwar il-liġi l-ġdida dwar l-NGOs fl-Eġittu tat-2 ta' Ġunju 2013,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabblixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra, tal-2001, li daħal fis-seħħ fl-2004,

–   wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tat-18 ta' Ġunju 2013 bit-titolu "Kooperazzjoni tal-UE mal-Eġittu fil-Qasam tal-Governanza",

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li tiegħu l-Eġittu huwa firmatarju,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura,

A. billi l-Eġittu jinsab f'perjodu kritiku ta' tranżizzjoni lejn id-demokrazija; billi l-pajjiż qiegħed iħabbat wiċċu ma' sfidi fundamentali fl-oqsma tal-Istat tad-dritt, tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u tal-ġustizzja soċjali; billi t-tensjonijiet politiċi dejjem ogħla qegħdin japprofondixxu l-polarizzazzjoni interna fi ħdan is-soċjetà Eġizzjana, u dan qiegħed iwassal għal dimostrazzjonijiet u ġlied vjolenti; billi l-każijiet ta' użu eċċessiv ta' forza u vjolenza kontra d-dimostranti paċifiċi min-naħa tal-forzi tas-sigurtà u ta' gruppi mhux identifikati għadhom mhux sanzjonati;

B.  billi miljuni ilhom jimmarċjaw fit-toroq tal-Kajr u fl-Eġittu kollu bħala protesta kontra l-pulizija tal-President Morsi u l-gvern attwali; billi, skont il-Ministeru tas-Saħħa Eġizzjan, inqatlu 16-il ruħ u 781 indarbu fil-ġlied vjolenti matul dawn l-aħħar jiem; billi fl-1 ta' Lulju 2013 il-Forzi Armati Eġizzjani ħarġu stqarrija li fiha kkonċedew 48 siegħa lill-forzi politiċi Eġizzjani biex jissodisfaw ir-rikjesti tal-poplu, inkella tintervjeni l-armata u tippreżenta pjan direzzjonali politiku għall-pajjiż;

C. billi proċess politiku inklużiv ibbażat fuq il-kunsens, is-sjieda konġunta u djalogu nazzjonali awtentiku b'parteċipazzjoni sinifikanti tal-forzi politiċi demokratiċi kollha huwa l-uniku mod kif jingħelbu l-firdiet u t-tensjonijiet politiċi u soċjali attwali, bil-għan li tinħoloq demokrazija profonda u sostenibbli fl-Eġittu; billi l-Eġittu ma għandux jirrepeti l-iżbalji tal-imgħoddi billi jaqa' lura għas-sitwazzjoni ta' dominanza tal-politika u ta' tmexxija tal-pajjiż mill-mexxejja militari;

D. billi l-ġustizzja soċjali u livell ta' għajxien ogħla għaċ-ċittadini huma dimensjonijiet kruċjali tat-tranżizzjoni lejn soċjetà Eġizzjana mifuħa, stabbli, demokratika, libera u prospera; billi l-Eġittu qiegħed iħabbat wiċċu ma' diffikultajiet ekonomiċi dejjem aktar gravi; billi l-prosperità ekonomika fil-pajjiż teħtieġ stabilità politika, politiki ekonomiċi sodi, ir-rieda u l-mezzi biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni u sostenn internazzjonali;

E.  billi, minkejja s-soċjetà ċivili għandha rwol fundamentali x'tiżvolġi fit-tranżizzjoni lejn id-demokrazika, l-NGOs internazzjonali u nazzjonali qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' pressjoni dejjem ikbar, attakki ostili, vessazzjonijiet u intimidazzjoni fl-Eġittu; billi, fl-4 ta' Ġunju 2013, qorti kriminali tal-Kajr ikkundannat 43 operartur ta' NGOs barranin u Eġizzjani sa ħames snin priġunerija għal attivitajiet ta' soċjetà ċivili u ordnat li jingħalqu u jiġu konfiskati l-beni tal-fergħat lokali ta' ħames NGOs internazzjonali li kienu ilhom joperaw fl-Eġittu żmien twil, jiġifieri l-Fondazzjoni Kontrad Adenauer, l-Istitut Demokratiku Nazzjonali, l-Istitut Repubblikan Internazzjonali, il-Freedom House u l-Ċentru Internazzjonali għall-Ġurnalisti; billi dawn is-sentenzi tal-qrati jifformaw parti minn kampanja ta' intimidazzjoni tal-awtoritajiet governattivi kontra l-NGOs fl-Eġittu;

F.  billi l-Liġi Eġizzjana 84/2002 li tirregola l-funzjonament u l-attivitajiet tal-NGOs, adottata taħt ir-reġim tal-ex President Mubarak, għadha tintuża kontra l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Eġittu; billi t-tfittxijiet għal għarrieda fl-uffiċini tal-NGOs, u s-sentenzi tal-qrati kontra l-operaturi tal-NGOs, huma indikazzjonijiet ċari ta' bżonn urġenti li tiġi adottata liġi ġdida u regolamenti ġodda li jipproteġu u jinkoraġġixxu l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiż; billi, fid-29 ta' Mejju 2013, il-President Morsi bagħat lill-Kunsill tax-Shoura abbozz ta' liġi ġdid dwar l-NGOs li qanqlet kritika estiża; billi din il-liġi, jekk adottata fil-forma attwali tagħha, taf tkompli ssaħħaħ u tistituzzjonalizza l-kontroll statali fuq is-soċjetà ċivili billi tagħti setgħat eċċessivi lill-gvern; billi kwalunkwe liġi ġdida dwar l-NGOs għandha titfassal f'kooperazzjoni sħiħa mal-atturi tas-soċjetà ċivili Eġizzjana, trid tkun totalment konformi mal-impenji u mal-obbligi internazzjonali meħuda mill-pajjiż u għandha ssegwi l-istandards internazzjonali;

G. billi t-trade unions indipendenti għandhom rwol fundamentali x'jiżvolġu fil-qasam tar-relazzjonijiet tax-xogħol f'dan il-perjodu kritiku ta' tranżizzjoni politika, ekonomika u soċjali fl-Eġittu; billi l-funzjonament u l-attivitajiet tat-trade unions fil-pajjiż għadhom irregolati mil-Liġi 35/1976; billi l-Artikolu 53 tal-kostituzzjoni l-ġdida tippermetti trade union unika għal kull professjoni; billi l-Kodiċi Penali u l-liġijiet l-oħra jimponu restrizzjonijiet ulterjuri fuq id-drittijiet għax-xogħol; billi n-nuqqas ta' bażi ġuridika espliċita għall-ħoqlien ta' trade unions indipendenti fl-Eġittu – u, għaldaqstant, ta' kwalunkwe protezzjoni ġuridika għal tali unions – ifisser li l-mexxejja u l-membri tagħhom spiss jitkeċċew, jisfaw vittmi ta' vessazzjonijiet jew ta' intimidazzjonijiet minn min iħaddem; billi din is-sitwazzjoni qiegħda tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-kriżi attwali tar-relazzjonijiet industrijali fil-pajjiż, għall-benefiċċju tal-ebda wieħed mis-sħab soċjali;

H. billi n-nisa jinsabu f'qagħda partikolarment vulnerabbli fil-perjodu attwali ta' tranżizzjoni fl-Eġittu; billi, skont r-rapporti tal-organizzazzjonijiet Eġizzjani u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, id-dimostranti nisa huma suġġetti għal vjolenza, attakki sesswali, testijiet tal-verġinità u forom oħra ta' trattament degradanti min-naħa tal-forzi tas-sigurtà, filwaqt li l-attivisti tad-drittijiet tan-nisa jħabbtu regolarment wiċċhom ma' vessazzjonijiet u ma' intimidazzjoni;

1.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Eġizzjan f'dan il-perjodu kritiku ta' tranżizzjoni lejn id-demokrazija, u l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi tal-ġlied vjolenti li għaddej bħalissa; iħeġġeġ lill-President u lill-gvern tal-Eġittu jwettqu r-responsabilitajiet tagħhom biex jiggarantixxu s-sigurtà liċ-ċittadini kollha tal-pajjiż, indipendentement mill-fehmiet u mill-affiljazzjoni politiċi tagħhom; iħeġġeġ lill-atturi politiċi kollha juru ċertu rażan bil-għan li jevitaw aktar vjolenza fl-aħjar interess tal-pajjiż;

2.  Ifakkar lill-President u lill-gvern tal-Eġittu bi dmirhom li jirrappreżentaw lill-partijiet kollha tas-soċjetà Eġizzjana, u jistidinhom jerġgħu jikkunsidraw il-politiki tagħhom billi jisimgħu lill-miljuni ta' nies li qegħdin jimmarċjaw fit-toroq tal-Kajr u fil-pajjiż kollu, bil-għan li terġa' tinġieb il-fiduċja ta' bażi fil-gvern u fl-unità tal-poplu tal-Eġittu; jisħaq fuq il-fatt li l-Eġittu ma għandux jaqa' lura għas-sitwazzjoni ta' dominanza tal-politika u ta' tmexxija tal-pajjiż mill-mexxejja militari; jissottolinja l-importanza kruċjali li terġa' tinġieb l-istabilità politika fl-Eġittu, anki fil-kuntest tad-diffikultajiet ekonomiċi dejjem aktar gravi, u jistieden lill-atturi rilevanti kollha jaħdmu favur il-kompletament ta' tranżizzjoni politika u kostituzzjonali bil-għan ta' konsolidament tal-istituzzjonijiet demokratiċi u tal-Istat tad-dritt;

3.  Itenni l-appell tiegħu lill-gvern u lill-awtoritajiet tal-Eġittu biex jiggarantixxu rispett sħiħ tal-libertajiet ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika, tal-libertajiet ta' espressjoni u tal-kelma, tal-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni, tal-libertà tar-reliġjon, kuxjenza u ħsieb u tad-drittijiet tan-nisa, u jiggarantixxu l-ħarsien tal-minoranzi u n-nondiskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali, li jikkostitwixxu elementi essenzjali ta' demokrazija profonda u sostenibbli; jappella biex isiru investigazzjonijiet serji, imparzjali u trasparenti fil-każijiet kollha ta' mewt, tortura, trattament degradanti u vessazzjonijiet tad-dimostranti paċifiċi, u li dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja;

4.  Jappella biex jitwaqqfu immedjatament kull att ta' vjolenza, attakk sesswali, test tal-verġinità u forma oħra ta' trattament degradanti kontra d-dimostranti nisa u l-attivisti favur id-drittijiet tan-nisa, isiru investigazzjonijiet serji u imparzjali f'dawn il-każijiet kollha, li dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja;

5.  Jesprimi s-solidarjetà u s-sostenn sħiħ tiegħu lill-NGOs internazzjonali u nazzjonali li jikkontribwixxu għall-bini ta' demokrazija profonda u sostenibbli fl-Eġittu; jinsab ferm imħasseb dwar is-sentenzi reċenti tal-qorti tal-Kajr li kkundannaw 43 operatur ta' NGOs barranin u Eġizzjani sa ħames snin priġunerija għal attivitajiet ta' soċjetà ċivili u li ordnaw li jingħalqu u jiġu konfiskati l-beni tal-fergħat lokali ta' ħames NGOs internazzjonali; jistieden lill-gvern u lill-awtoritajiet tal-Eġittu jwaqqfu immedjatament kull forma ta' restrizzjoni, vessazzjoni u intimidazzjoni kontra l-NGOs internazzjonali u nazzjonali fil-pajjiż, partikolari billi jirtiraw kull akkuża kriminali kontra l-operaturi tal-NGOs u jevitaw il-kriminalizzazzjoni tal-attivitajiet tal-NGOs permezz ta' proċeduri ġudizzjarji bħala strument politiku kontrihom;

6.  Jesprimi tħassib kbir dwar l-abbozz ta' liġi l-ġdid dwar l-NGOs li l-President Morsi bagħat lill-Kunsill tax-Shoura fid-29 ta' Mejju 2013, inkwantu l-adozzjoni ta' din il-liġi, fil-forma attwali tagħha, tkun pass ieħor lejn iż-żieda fil-kontroll governattiv u fir-repressjoni tal-NGOs internazzjonali u nazzjonali fl-Eġittu; iħeġġeġ lill-gvern Eġizzjan jagħti s-sostenn tiegħu biex tinbet soċjetà ċivili indipendenti, libera u vigoruża fil-pajjiż, li hija essenzjali għal demokrazija profonda u sostenibbli, u jipproponi abbozz ta' liġi ġdid dwar l-NGOs, elaborat f'kooperazzjoni sħiħa mal-atturi tas-soċjetà ċivili Eġizzjana, li jikkonforma totalment mal-impenji u mal-obbligi politiċi meħuda mill-pajjiż, u jsegwi l-istandards internazzjonali; huwa tal-fehma li abbozz ta' liġi bħal dan għandu jiġi adottat mill-parlament il-ġdid li jiġi elett demokratikament f'elezzjonijiet liberi u ġusti;

7.  Jistieden lill-gvern Eġizzjan iwaqqaf immedjatament kull forma ta' repressjoni, diskriminazzjoni u vessazzjoni kontra t-trade unions indipendenti fil-pajjiż; jappella għall-abolizzjoni tal-limitu, stabbilit mill-Artikolu 53 tal-kostituzzjoni l-ġdida, ta' trade union waħda għal kull professjoni u li tiġi garantita l-konformità sħiħa tal-leġiżlazzjoni Eġizzjana fl-oqsma tax-xogħol u tat-trade unions mal-konvenzjonijiet rilevanti tal-ILO; jappella wkoll għall-adozzjoni, b'parteċipazzjoni awtentika tat-trade unions, ta' liġi ġdida dwar it-trade unions fl-Eġittu li tiggarantixxi l-funzjonament u l-operat tagħhom mingħajr indħil mill-gvern;

8.  Iħeġġeġ lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni jiżviluppaw, fir-relazzjonijiet tal-UE mal-Eġittu, il-prinċipju ta' "aktar għal aktar", u eventwalment ta' "inqas għal inqas" – b'enfasi partikolari fuq is-soċjetà ċivili, id-drittijiet tan-nisa u d-drittijiet tal-minoranzi – b'mod aktar koerenti u prattiku, inkluż permezz tal-iffissar ta' kundizzjonijiet u parametri ċari, mingħajr ma jinħoloq effett negattiv fuq il-kundizzjonijiet ta' ħajja tal-popolazzjoni Eġizzjana; jappella wkoll biex is-sitwazzjoni tas-soċjetà ċivili u tat-trade unions fl-Eġittu tiġi ttrattata fil-livelli kollha tad-djalogu tal-UE mal-gvern Eġizzjan; ifakkar li n-nuqqas ta' progress sinifikanti f'oqsma bħall-governanza demokratika, l-Istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fl-Eġittu jista' jwassal għas-sospensjoni tas-sostenn baġitarju tal-UE lill-gvern Eġizzjan;

9.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jagħtu sostenn finanzjarju u assistenza teknika sostanzjali lill-NGOs Eġizzjani u jikkollaboraw magħhom bil-għan li jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, il-kultura ta' azzjoni ċivili u l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiż, li jirrappreżentaw elementi kruċjali għal demokrazija profonda u sostenibbli;

10. Jieħu nota tal-konstatazzjonijiet ippreżentati fir-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tat-18 ta' Ġunju 2013 bit-titolu "Kooperazzjoni tal-UE mal-Eġittu fil-Qasam tal-Governanza", u jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jiggarantixxi segwitu xieraq fil-Parlament għal dan ir-rapport; jagħmel appell għal aktar trasparenza u responsabilità rigward il-mod kif il-finanzjamenti tal-UE jintefqu fl-Eġittu, b'attenzjoni partikolari għall-proġetti li jrawmu soċjetà ċivili u jħarsu l-minoranzi u d-drittijiet tan-nisa;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, u parlament u lill-gvern tal-Eġittu.