MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu
2.7.2013 - (2013/2697(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Charles Tannock, Sajjad Karim, Ryszard Czarnecki, Adam Bielan f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0362/2013
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu, b'mod partikolari dik tal-14 ta' Marzu 2013[1],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-31 ta' Jannar 2013 dwar l-Appoġġ tal-UE għat-Tibdil Sostenibbli f'Soċjetajiet fi Tranżizzjoni[2],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-25 ta' Diċembru 2012 mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President dwar ir-referendum fl-Eġittu,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-13 ta' Marzu 2013 mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President dwar il-qagħda attwali fl-Eġittu,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-28 ta' Ġunju 2013 mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President dwar il-dimostrazzjonijiet ippjanati fl-Eġittu,
– wara li kkunsidra l-eżitu tal-ewwel Task Force UE-Eġittu tat-13-14 ta’ Novembru 2012,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2012 dwar il-faċilitazzjoni tal-irkupru tal-assi,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri tat-18 ta' Ġunju 2013 dwar il-kooperazzjoni tal-UE mal-Eġittu fil-qasam tal-governanza,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-1 ta' Lulju 2013 mill-Kmandant Ġenerali tal-Forzi Armati tal-Eġittu dwar id-dimostrazzjonijiet fl-Eġittu;
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966, li tiegħu l-Eġittu huwa firmatarju,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura,
A. billi l-Eġittu huwa l-ikbar pajjiż tar-Rebbiegħa Għarbija, pajjiż kruċjali fir-reġjun tal-Lvant Nofsani/Afrika ta’ Fuq, sieħeb kummerċjali importanti tal-UE u benefiċjarju ewlieni ta’ għajnuna mill-UE;
B. billi l-UE, wara li bdiet ir-Rebbiegħa Għarbija, żiedet l-isforzi tagħha biex tinfluwenza l-Eġittu, inter alia permezz ta’ żjarat tar-RGħ/VP, il-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni u l-kapijiet tal-istat u l-gvern tal-Istati Membri tagħha, flimkien mal-istabbiliment ta’ Task Force UE-Eġittu, kif ukoll permezz ta’ diversi samits u inizjattivi u permezz tal-għoti ta’ għajnuna;
C. billi fit-22 ta' Novembru 2012 il-President Morsi ħareġ Dikjarazzjoni Kostituzzjonali li permezz tagħha, inter alia, qiegħed lill-presidenza f’pożizzjoni barra l-kontroll ġudizzjarju; billi jiem wara, il-President annulla dik id-dikjarazzjoni, iżda kienu diġà qed jiżdiedu d-dimostrazzjonijiet;
D. billi fit-30 ta' Novembru 2012 ġie adottat abbozz ta' kostituzzjoni mill-Assemblea Kostitwenti fil-biċċa l-kbira Iżlamika u ġie ppreżentat lill-President;
E. billi fil-15 u t-22 ta' Diċembru 2012 l-Eġittu kellu referendum dwar abbozz ta’ kostituzzjoni; billi l-maġġoranza vvutat favur l-abbozz ta’ kostituzzjoni, b’parteċipazzjoni ta’ votanti ta’ 33 %;
F. billi d-dimostrazzjonijiet qed ikompli fil-Pjazza Tahrir fil-Kajr u bnadi oħra; billi, madankollu, is-sitwazzjoni tad-dimostranti nisa b’mod partikolari qed issir perikoluża ħafna, b’rapporti ta’ attakki sesswali kuljum;
G. billi fis-26 ta' Novembru 2012 il-Kunsill ħa passi biex jiffaċilita r-rimborż ta’ fondi approprjati indebitament lill-awtoritajiet Eġizzjani u Tuneżini;
H. billi l-UE wiegħdet id-disponibbiltà ta’ self u għotjiet b’valur ta’ EUR 5 biljun għall-2012-2013, li għandhom jingħataw mill-Kummissjoni, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp;
I. billi bħala parti mill-programm ta’ appoġġ għal tranżizzjoni demokratika, l-UE żiedet l-attivitajiet tagħha fl-Eġittu, kemm f'termini ta’ djalogu politiku kif ukoll ta’ appoġġ finanzjarju; billi parti minn dan ix-xogħol ħa l-forma ta’ djalogu iktar regolari mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, partikolarment permezz tad-Delegazzjoni tal-UE fil-Kajr; billi djalogu ta’ dan it-tip ġie akkumpanjat minn għajnuna finanzjarja sinifikanti, li ammontat għal EUR 35 miljun mill-irvell ta’ Jannar 2011;
J. billi s-soċjetà ċivili Eġizzjana u l-NGOs internazzjonali qed iħabbtu wiċċhom ma’ pressjoni dejjem tiżdied u diffikultajiet ewlenin biex jaħdmu fl-Eġittu; billi l-abbozz ta’ liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet Ċivili u l-Fondazzjonijiet ikkawżaw tħassib sinifikanti fost l-attivisti tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet peress li l-abbozz ta’ liġi, fil-forma attwali tiegħu, jagħti setgħa diskrezzjonali konsiderevoli lill-gvern fuq l-attivitajiet u l-finanzjament ta’ gruppi tas-soċjetà ċivili; billi l-abbozz ta’ liġi jimponi wkoll restrizzjonijiet fuq l-aċċess tal-gruppi tas-soċjetà ċivili għal finanzjament barrani, li jagħti provi tad-dritt diskrezzjonali li jiġi mblukkat aċċess għal fondi ta’ dan it-tip wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġustifikata mill-Kumitat ta’ Koordinazzjoni mwaqqaf dan l-aħħar;
K. billi fl-4 ta' Ġunju 2013 fil-Qorti Kriminali tal-Kajr, 43 ħaddiem tas-soċjetà ċivili u l-NGOs insabu ħatja għal xogħol illegali fil-pajjiż u ngħataw finanzjament barrani mingħajr permess; billi ħamsa minnhom ġew ikkundannati sentejn ħabs, ħdax ingħataw sentenza sospiża għal sena u l-oħrajn kollha ġew ikkundannati ħames snin ħabs, wara li sar il-proċess tagħhom in absentia;
L. billi, fit-30 ta' Ġunju 2013, miljuni ta’ dimostranti nġabru madwar l-Eġittu biex jiddimostraw kontra l-President Morsi u talbuh jirriżenja; billi l-awtoritajiet Eġizzjani rrappurtaw li tmien persun sfaw maqtula u mijiet midruba waqt il-protesti;
M. billi fl-1 ta' Lulju 2013 il-Kmandant Ġenerali tal-Forzi Armati tal-Eġittu għamel dikjarazzjoni fejn talab li tinsab soluzzjoni għas-sitwazzjoni mill-partiti politiċi tal-Eġittu, filwaqt li titqies id-domanda tal-poplu, fi żmien 48 siegħa;
1. Itenni t-talbiet preċedenti tiegħu għal djalogu fost il-partijiet kollha fl-Eġittu sabiex jinkiseb iktar progress lejn demokrazija fil-fond u sostenibbli; iħeġġeġ lill-partijiet kollha, u b’mod partikolari lill-President, biex jintensifikaw l-isforzi f’dan ir-rigward; barra minn hekk itenni s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Eġizzjan f’dan il-perjodu kritiku ta’ tranżizzjoni, u jkompli jappoġġa l-aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi;
2. Iħeġġeġ lit-tmexxija Eġizzjana tiżgura r-rappreżentanza xierqa tal-Eġizzjani kollha permezz tal-istituzzjonijiet demokratiċi u l-Kostituzzjoni, kif ukoll drittijiet tal-bniedem għal kulħadd, indipendentement mit-twemmin, is-sess jew kwalunkwe kunsiderazzjoni oħra u f’konformità mal-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem internazzjonali;
3. Iħeġġeġ l-eżekuzzjoni mħaffa ta’ demokrazija parlamentari, fejn il-President Morsi jneħħi d-differenzi u jimpenja ruħu għall-finijiet tal-poplu kollu fid-dawl tar-referendun kostituzzjonali;
4. Jenfasizza li sistema tal-qorti ġudizzjarja ċivili imparzjali u aċċess għal proċess ġust huma valuri ewlenin fi kwalunkwe pajjiż demokratiku;
5. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-kundanna ta’ 43 ħaddiem tas-soċjetà ċivili b’rabta mal-għoti ta’ finanzjament barrani lilhom wara l-irvell ta’ Jannar 2011;
6. Jesprimi tħassib simili dwar l-abbozz ta’ liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet Ċivili u Fondazzjonijiet li fil-forma attwali tiegħu se jirrestrinġi l-possibbiltà li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkompli l-ħidma umanitarja u soċjali leġittima u jista’ jillimita l-interazzjoni tagħhom ma’ ‘korpi barranin’; iqis li dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu ksur ta’ standards internazzjonali li sar qbil dwarhom mill-Eġittu;
7. Jinsisti li l-NGOs għandhom ikunu liberi biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom, inkluża r-riċerka dwar kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem, legali u kostituzzjonali; jemmen li libertà bħal din hija meħtieġa għall-ħolqien ta’ soċjetà ċivili mimlija ħajja fl-Eġittu u jħeġġeġ tranżizzjoni demokratika fi ħdan il-pajjiż;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti u tal-Istati Membri u l-Gvern u l-Parlament tal-Eġittu.