MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-Istrateġija Ewropea dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol
4.9.2013 - (2013/2685(RSP))
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta’ Proċedura
Pervenche Berès f'isem il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
B7‑0376/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Istrateġija Ewropea dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-preambolu u l-Artikoli 3 u 6 tiegħu,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 4, 9, 145, 151, 152, 153, 154, 156 u 168 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 1, 3, 27, 31, 32 u 33 tagħha,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar evalwazzjoni tal-Istrateġija Ewropea 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (O-000000/2013 – B7 0000/2013),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Marzu 2002 bit-titolu ‘Adapting to change in work and society: a new Community strategy on health and safety at work 2002-2006' (‘Nadattaw għat-tibdiliet tax-xogħol u tas-soċjetà: strateġija Komunitarja ġdida dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol’) (COM(2002)0118),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Frar 2007 bit-titolu ‘Intejbu l-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol: strateġija Komunitarja 2007-2012 għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol’ (COM(2007)0062),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu 'EWROPA 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv' (COM(2010)2020),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-27 ta' April 2011 bit-titolu "Rieżami ta' nofs il-perjodu tal-istrateġija Ewropea 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol" (SEC(2011)0547),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-31 ta' Mejju 2013 bit-titolu “Valutazzjoni tal-istrateġija Ewropea 2007-2012 għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol" (SWD(2013)0202),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-24 ta' Frar 2005 dwar il-promozzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2008 dwar l-istrateġija Komunitarja 2007-2012 għas-saħħa u s-sigurta fuq il-post tax-xogħol[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar ir-rieżami ta' nofs il-perjodu tal-istrateġija Ewropea 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol[3],
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Istrateġija Ewropa 2020 għandha l-għan li, sal-2020, tilħaq rata ta’ okkupazzjoni ta’ 75% għas-sezzjoni tal-popolazzjoni ta’ bejn l-20 u l-64 sena;
B. billi l-progress teknoloġiku, l-iżviluppi ekonomiċi u l-kriżi ekonomika u soċjali kontinwament qed ikollhom impatt fuq l-ambjent tax-xogħol u jirrikjedu reazzjonijiet rapidi bil-għan li jiġi pprovdut livell għoli ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol;
C. billi l-kriżi ekonomika m’għandhiex tintuża bħala skuża biex jiġu mdgħajfa l-politiki tal-prevenzjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol;
D. billi, sabiex jiġu appoġġjati miżuri leġiżlattivi, il-materja tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ilha tiġi indirizzata f’dokumenti ta’ politika u fi programmi ta’ azzjoni fuq livell ta’ UE sa mill-1978;
E. billi l-istrateġija Komunitarja 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol skadiet fl-2012 u għadha ma ġiet segwita mill-ebda dokument ta’ politika fil-livell ta’ UE;
F. billi l-Kummissjoni tammetti li l-istrateġija Komunitarja 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol kellha impatt pożittiv madwar l-UE kollha u li fis-snin li ġejjin għad iridu jiġu indirizzati għadd ta’ sfidi fil-qasam tas-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali;
1. Jinsab imħasseb li l-Kummissjoni sal-ġurnata tal-lum għadha ma adottatx strateġija Ewropea ġdida dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;
2. Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta strateġija Ewropea ġdida dwar is-saħħa u s-sigurta’ fuq il-post tax-xogħol għas-snin ta’ bejn issa u l-2020; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel dan finalment qabel tmiem l-2013;
3. Itenni l-messaġġi li jinsabu fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar ir-rieżami ta' nofs il-perjodu tal-istrateġija Ewropea 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU C 304 E, 01.12.2005, p. 400.
- [2] ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 14.
- [3] Testi adottati, P7_TA(2011)0589.