Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0378/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0378/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-allegati trasportazzjoni u żamma illegali ta’ priġunieri f’pajjiżi Ewropej mis-CIA

4.9.2013 - (2013/2707(RSP))

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B7‑0215/2013 u B7‑0216/2013
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Rebecca Harms, Daniel Cohn-Bendit, Hélène Flautre f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0378/2013

Proċedura : 2013/2702(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0378/2013

B7‑0378/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-allegati trasportazzjoni u żamma illegali ta’ priġunieri f’pajjiżi Ewropej mis-CIA

(2013/2707(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) tat-13 ta' Diċembru 2012 li tikkundanna lil Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM) għas-‘serjetà estrema’ tal-ksur tagħha tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (Artikoli 3, 5, 8 u 13) matul il-konsenja straordinarja ta' Khaled El-Masri,

–   wara li kkunsidra l-każijiet pendenti tal-QEDB li ġejjin: Al-Nashiri v il-Polonja, Abu Zubaydah v il-Litwanja, Abu Zubaydah v il-Polonja u Nasr u Ghali v l-Italja; wara li kkunsidra l-applikazzjoni ppreżentata mis-Sur al-Nashiri kontra r-Rumanija f'Awwissu 2012 u l-applikazzjoni ppreżentata f'Diċembru 2012 mill-Istitut tal-Monitoraġġ tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRMI) u l-‘Open Society Justice Initiative’ kontra l-Litwanja għall-ksur tad-dritt tagħhom għall-informazzjoni u d-dritt għal rimedju effettiv,

–   wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Suprema Taljana ta' Settembru 2012 li sostniet il-kundanna ta' 23 ċittadin tal-Istati Uniti b’konnessjoni mal-ħtif fl-2003 ta' Abu Omar, u fosthom l-ex-Kap tal-uffiċju tas-CIA f'Milan, Robert Seldon Lady, li ġie kkundannat għal disa' snin ħabs,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell ta' Milan ta' Frar 2013 li kkundannat tliet aġenti oħra tas-CIA[1], li preċedentement kien kkunsidrat li huma koperti mill-immunità diplomatika, għal bejn sitta u seba' snin ħabs; wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-istess qorti li tikkundanna wkoll lil Nicolò Pollari, ex-Kap tas-Servizz Taljan tal-Intelliġenza Militari u s-Sigurtà (SISMI), għal 10 snin ħabs, lil Marco Mancini, ex-Viċi Kap tas-SISMI, għal disa' snin ħabs, u tliet aġenti tas-SISMI għal sitt snin kull wieħed,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-President Taljan Napolitano tal-5 ta' April 2013 li jaħfer lill-Kurunell Amerikan Joseph Romano, li kien ġie kkundannat fl-Italja għar-responsabilità tiegħu fil-ħtif ta' Abu Omar fl-Italja; wara li kkunsidra l-ittra li titlob spjegazzjoni, mibgħuta lill-President Napolitano mir-rapporteurs f'Lulju 2013,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2012 dwar ‘l-allegat trasport u detenzjoni illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA: segwitu għar-rapport tal-Kumitat TDIP tal-Parlament Ewropew (2012/2033(INI))’[2],

–   wara li kkunsidra d-dokumenti mgħoddija lir-rapporteur mill-Kummissjoni, inklużi ittri mhux speċifiċi għal pajjiż, mibgħuta f'Marzu 2013 lill-Istati Membri kollha, li weġbuhom biss ftit Stati Membri (il-Finlandja, l-Ungerija, Spanja u Litwanja),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar Guantanamo, li l-aktar riċenti minnhom hija dik tat-23 ta’ Mejju 2013 dwar ‘Guantanamo: strajk tal-ġuħ tal-priġunieri’[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2010-2011)[4],

–   wara li kkunsidra l-ittri mibgħuta mir-rapporteur lill-prosekuturi Rumeni, Polakki u Litwani u lill-Kapijiet ta' Stat tar-Rumanija, il-Polonja u l-Litwanja f'Novembru 2012, fejn ġew enfasizzati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal pajjiż magħmula fir-riżoluzzjoni tal-Parlament: l-ebda wieħed mill-Istati Membri kkonċernati ma wieġeb dawn l-ittri,

–   wara li kkunsidra d-data tat-titjiriet riċevuta mill-Eurocontrol sa Settembru 2012,

–   wara li kkunsidra t-talba mibgħuta f'April 2013 mir-rapporteur lill-Aġenzija għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni fl-Ajru fl-Afrika u l-Madagaskar (ASECNA) għall-kooperazzjoni dwar l-iżvelar tad-data tat-titjiriet u għar-risposta pożittiva riċevuta ta' Ġunju 2013,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt u dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2012 dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Lussemburgu, 6 u 7 ta' Ġunju 2013),

–   wara li kkunsidra ‘l-Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini (2010-2014)’,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-ftuħ magħmula mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, fit-23 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (Ġinevra, Mejju 2013), li ċċitat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-11 ta' Settembru 2012 imsemmija hawn fuq u talbet li jkun hemm 'investigazzjonijiet kredibbli u indipendenti' bħala 'l-ewwel pass vitali lejn l-obbligu ta’ rendikont', filwaqt li stiednet lill-Istati jagħtu prijorità lil dawn l-investigazzjonijiet,

–   wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2013[5] tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali filwaqt li jiġi miġġieled it-terroriżmu, Ben Emmerson, li jikkwota l-ħidma tal-Parlament u japprova ċerti rakkomandazzjoni li saru fir-riżoluzzjoni msemmija qabel tal-11 ta' Settembru 2012,

–   wara li kkunsidra l-bosta rapporti tal-midja u l-ġurnaliżmu investigattiv b'rabta ma' dan is-suġġett, b'mod partikolari, iżda mhux biss, il-ħidma investigattiva mxandra fuq il-kanal televiżiv Rumen Antena 1 f'April 2013,

–   wara li kkunsidra r-riċerka u l-investigazzjonijiet imwettqa speċjalment minn Interights, Redress u Reprieve, u r-rapporti li nħarġu sa mill-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Parlament minn riċerkaturi indipendenti, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet mhux governattivi nazzjonali u internazzjonali, b'mod partikolari r-rapport tal-‘Justice Initiative’ tal-fundazzjoni ‘Open Society’ dwar il-globalizzazzjoni tat-tortura: (Globalising Torture: id-Detenzjoni u l-Konsenji Straordinarji Sigrieti tas-CIA (CIA Secret Detention and Extraordinary Rendition) (Frar 2013), l-istudju indipendenti, bl-involviment taż-żewġ partiti politiċi ewlenin, li sar fl-Istati Uniti tal-Amerika mit-Task Force dwar it-Trattament tad-Detenuti (Task Force on Detainee Treatment) tal-grupp ta’ riflessjoni ‘The Constitution Project (April 2013), il-Bażi tad-Data dwar it-Titjiriet ta' Konsenja ppubblikata mis-sit elettroniku akkademiku Brittaniku ‘The Rendition Project’ (Mejju 2013), ir-rapport tal-organizzazzjoni Amnesty International ‘Unlock the truth: Poland’s involvement in CIA secret detention’ (Ġunju 2013) u l-ittra mibgħuta mill-organizzazzjoni Human Rights Watch lill-awtoritajiet Litwani (Ġunju 2013),

–   wara li kkunsidra l-mistoqsijiet ippreżentati lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar ‘Allegati trasportazzjoni u żamma illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA’ (O‑000079/2013 – B7-0215/2013 u O-000080/2013 – B7-0216/2013),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Parlament ikkundanna l-programm ta' konsenja u detenzjoni sigrieta tas-CIA mmexxija mill-Istati Uniti li jinvolvi ksur multiplu tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom id-detenzjoni illegali u arbitrarja, it-tortura u maltrattament ieħor, il-ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement u l-għajbien imġiegħel bl-użu mis-CIA tal-ispazju tal-ajru u t-territorju Ewropew; billi l-Parlament kemm-il darba talab li jsiru investigazzjonijiet sħaħ dwar il-kollaborazzjoni mill-gvernijiet u aġenziji nazzjonali mal-programmi tas-CIA;

B.  billi l-Parlament impenja ruħu li jkompli jwettaq il-mandat mogħti lilu mill-Kumitat Temporanju, skont l-Artikoli 2, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u ta istruzzjonijiet lill-kumitati relevanti tiegħu biex jindirizzaw lill-Parlament fil-plenarja dwar il-kwistjoni sena wara l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni msemmija qabel tal-11 ta' Settembru 2012, peress li jqis li huwa essenzjali li jiġi vvalutat il-punt sa fejn ġew implimentati r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Parlament;

C. billi l-obbligu ta’ rendikont għall-konsenji hu essenzjali biex jiġu protetti u promossi b'mod effettiv id-drittijiet tal-bniedem fil-politiki interni u esterni tal-UE, u biex jiġu żgurati politiki tas-sigurtà leġittimi u effettivi imsejsa fuq l-istat tad-dritt; billi riċentement l-istituzzjonijiet tal-UE impenjaw ruħhom f'dibattitu dwar kif l-UE tista' tipproteġi u tippromwovi aħjar id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt;

D. billi ma kien hemm l-ebda risposta sostantiva mill-Kunsill u l-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament;

E.  billi l-awtoritajiet Litwani tennew l-impenn tagħhom li jerġgħu jiftħu l-investigazzjoni kriminali dwar l-involviment tal-Litwanja fil-programm tas-CIA jekk joħorġu elementi ġodda, iżda s’issa għadhom m'għamlux dan; billi fl-osservazzjonijiet tagħhom lill-QEDB fil-każ ta' Abu Zubaydah, l-awtoritajiet Litwani wrew nuqqasijiet kritiċi fl-investigazzjonijiet tagħhom, u nuqqas ta’ komprensjoni tat-tifsira tal-informazzjoni ġdida; billi l-Litwanja għandha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fit-tieni nofs tal-2013;

F.  billi x-xogħol investigattiv profond imxandar fuq l-istazzjoni televiżiv Antena 1 f'April 2013 ipprovda indikazzjonijiet ulterjuri tar-rwol ċentrali tar-Rumanija fin-netwerk ta’ ħabsijiet; billi Ioan Talpeş, ex-konsulent tas-sigurtà nazzjonali, iddikjara li r-Rumanija pprovdiet appoġġ loġistiku lis-CIA; billi ex-senatur Rumen ammetta l-limitazzjonijiet tal-inkjesta parlamentari preċedenti u talab lill-prosekuturi biex jibdew proċedimenti ġudizzjarji;

G. billi ġiet ippreżentata talba mill-prosekuturi Pollakki fil-11 ta' Ġunju 2013 biex persuna oħra, Walid Mohammed Bin Attash, mill-Jemen, jiġi uffiċjalment rikonoxxut bħala vittma wara li ġie arrestat illegalment fil-Pakistan fl-2003 u nżamm f'ħabs sigriet fil-Polonja minn Ġunju sa Settembru 2003, u issa qed jinżamm fi Guantanamo; billi l-prosekuturi Pollakki estendew l-investigazzjoni kriminali li ilha għaddejja ħames snin sa Ottubru 2013;

H. billi l-awtoritajiet Brittaniċi għadhom qed idewmu l-proċedimenti fil-każ imressaq mil-Libjan Abdel Hakim Belhadj, li ġie ttorturat fil-Libja mis-CIA bl-għajnuna tal-Brittaniċi, u esprimew l-intenzjoni tagħhom li l-każ jinstema' fi proċedimenti sigrieti ġodda;

I.   billi f'Diċembru 2012 l-Italja ħarġet mandat ta' arrest internazzjonali kontra Robert Seldon Lady, li ġie arrestat fil-Panama f'Lulju 2013; billi t-talba ta' estradizzjoni magħmula sussegwentement mill-Italja ma ġietx aċċettata mill-Panama, u billi Robert Seldon Lady inbagħat lura lejn l-Istati Uniti f'Lulju 2013; billi l-President tal-Italja, Giorgio Napolitano, iddeċieda fil-5 ta' April 2013 li jaħfer lill-Kurunell Amerikan Joseph Romano, li ġie kkundannat minn Qorti Taljana għar-responsabilità tiegħu fil-ħtif ta' Abu Omar fl-Italja;

J.   billi f'Novembru 2012, l-Ombudsman Parlamentari tal-Finlandja ta bidu għal investigazzjoni dwar l-użu tat-territorju, l-ispazju tal-ajru u s-sistemi tar-reġistri tat-titjiriet tal-Finlandja fil-programm ta' konsenja tas-CIA, u bagħat talbiet għall-informazzjoni dettaljati u bil-miktub lil 15-il aġenzija tal-gvern, u stieden ukoll lill-awtoritajiet Litwani jipprovdu informazzjoni speċifika dwar titjiriet konnessi;

K. billi l-inkjesta mwettqa mid-Danimarka sa Mejju 2012 ma tikkostitwixxix investigazzjoni indipendenti, imparzjali, bir-reqqa u effettiva kif meħtieġ mid-dritt u l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, minħabba n-nuqqas ta’ setgħat suffiċjenti u l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tagħha;

L.  billi disa’ pajjiżi biss wieġbu l-ittri ta’ segwitu mibgħuta fost l-oħrajn lil uħud mill-Istati Membri mingħand il-Proċeduri Speċjali tan-NU, li talbu informazzjoni addizzjonali wara l-Istudju Konġunt tan-NU dwar prassi globali fir-rigward tad-detenzjoni sigrieta fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu (UN Joint Study on global practices in relation to secret detention in the context of countering terrorism)[6];

M. billi l-President Obama tal-Istati Uniti tenna l-impenn tiegħu li jagħlaq il-ħabs ta’ Guantanamo, u ħabbar fit-23 ta' Mejju 2013 li se jerġa' jibda l-ħelsien tad-detenuti u li jneħħi moratorju fuq il-ħelsien ta’ priġunieri Jemeniti li diġa' kien meqjus li hu sikur li jiġu trasferiti lura lejn il-Jemen, minkejja reżistenza fil-Kungress tal-Istati Uniti; billi l-awtoritajiet tal-Istati Uniti jridu jonoraw l-obbligi internazzjonali tagħhom u jipproċessaw legalment lil Robert Seldon Lady;

1.  Jiddeplora profondament in-nuqqas ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoniiet inklużi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Settembru 2012, partikolarment mill-Kunsill, il-Kummissjoni, il-gvernijiet tal-Istati Membri, l-istati kandidati u l-pajjiżi assoċjati, in-NATO u l-awtoritajiet tal-Istati Uniti, speċjalment fid-dawl tal-ksur serju tad-drittijiet fundamentali tal-vittmi tal-programmi tas-CIA;

2.  Iqis li l-klima ta’ impunità fir-rigward tal-programmi tas-CIA tat lok li jkompli l-ksur tad-drittijiet fundamentali fil-politiki ta' kontra t-terroriżmu tal-UE u tal-Istati Uniti, kif żvelat b’mod ulterjuri mill-attivitajiet ta’ spjunaġġ tal-massa tal-programm ta’ sorveljanza tal-Aġenzija tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti u l-attivitajiet tal-korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri, li bħalissa qed jiġu investigati mill-Parlament;

Il-proċess ta’ obbligu ta’ rendikont fl-Istati Membri

3.  Itenni t-talba tiegħu lil dawk l-Istati Membri li ma wettqux l-obbligu pożittiv tagħhom li jagħmlu inkjesti indipendenti u effettivi biex jinvestigaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jqisu l-evidenza ġdida kollha li ħarġet fid-deher, u li jiżvelaw l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar l-ajruplani kollha li jqajmu suspett assoċjati mas-CIA u t-territorju tagħhom; jistieden b’mod partikolari lill-Istati Membri biex jinvestigaw jekk sarux operazzjonijiet li fihom persuni nżammu taħt il-programmi tas-CIA f’faċilitajiet sigrieti fit-territorju tagħhom; jistieden lill-Istati Membri konċernati jwieġbu l-ittri mibgħuta mill-Proċeduri Speċjali tan-NU;

4.  Iħeġġeġ lill-Litwanja, li bħalissa għandha l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE u għaldaqstant qegħda f’pożizzjoni li tmexxi bl-eżempju, biex terġa’ tiftaħ l-investigazzjoni kriminali tagħha dwar faċilitajiet ta’ detenzjoni sigrieta tas-CIA u biex twettaq investigazzjoni rigoruża li tqis l-evidenza fattwali kollha li ġiet żvelata, partikolarment rigward il-każ tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) ta’ Abu Zubaydah v. l-Litwanja; jistieden lill-Litwanja tippermetti lill-investigaturi jwettqu eżami komprensiv tan-netwerk ta’ titjiriet ta’ konsenja u l-persuni ta’ kuntatt li huma magħrufa pubblika li organizzaw jew ipparteċipaw fit-titjiriet konċernati; jistieden lill-awtoritajiet Litwani jwettqu eżami forensiku tas-sit tal-ħabs u analiżi tar-reġistri tat-telefonati; iħeġġiġhom jikkooperaw bis-sħiħ mal-QEDB fil-każijiet ta' Abu Zubaydah v il-Litwanja u HRMI v il-Litwanja; jistieden lil-Litwanja, fil-kuntest tal-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni kriminali, tikkunsidra l-applikazzjonijiet għal status/parteċipazzjoni fl-investigazzjoni minn vittmi possibbli oħra; iħeġġeġ lil-Litwanja twieġeb bis-sħiħ għat-talbiet għall-informazzjoni minn Stati Membri oħra tal-UE, b'mod partikolari t-talba għall-informazzjoni mill-Ombudsman Finlandiż dwar titjira jew titjiriet li jistgħu jistabbilixxu rabta tal-Finlandja u l-Litwanja bħala rotta possibbli ta' konsenja;

5.  Iħeġġu lill-awtoritajiet Rumeni jsibu d-dokumenti nieqsa kollha tal-inkjesta parlamentari u jiftħu minnufih investigazzjoni indipendenti, imparzjali, bir-reqqa u effettiva; jiddeplora l-intransiġenza u s-silenzju tagħhom f'dan ir-rigward, li hu inkompatibbli mal-obbligi tagħhom;

6.  Jistieden lill-Polonja tkompli l-investigazzjoni tagħha b’mod aktar trasparenza, partikolarment billi toffri evidenza ta’ żviluppi konkreti fl-investigazzjoni, billi tippermetti lir-rappreżentanti tal-vittmi li jirrappreżentaw verament lill-klijenti tagħhom u jippermettulhom id-dritt tagħhom ta' aċċess għall-materjal klassifikat relevanti kollu u li jaġixxu fuq il-materjali li jkun inġabar; jistieden lill-awtoritajiet Pollakki biex jibdew il-prosekuzzjonijiet kriminali kontra kull attur statali implikat; iħeġġeġ lill-Prosekutur Ġenerali Pollakk biex bħala kwistjoni ta' urġenza jagħmel rieżami tal-applikazzjoni ta' Walid Bin Attash u jieħu deċiżjoni dwarha; jistieden lill-Polonja tikkoopera bis-sħiħ mal-QEDB dwar il-każijiet ta' Al-Nashiri v il-Polonja u Abu Zubaydah v il-Polonja;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet Brittaniċi biex jikkooperaw bis-sħiħ mal-investigazzjonijiet kriminali li għaddejjin u biex iħallu l-każijiet jitkomplew bi trasparenza sħiħa u mhux permezz ta' proċedimenti sigrieti, sabiex jiġu konklużi l-investigazzjonijiet dwar il-konsenja ta' ċittadini barranin barra minn pajjiżhom; jistieden lill-awtoritajiet Brittaniċi jwettqu inkjesta konformi mad-drittijiet tal-bniedem dwar il-konsenja, it-tortura u l-maltrattament ta' detenuti barra 'l pajjiż;

8.  Jiddeplora l-maħfra mogħtija lill-Kurunell Amerikan Joseph Romano mill-President Napolitano tal-Italja, li tenfasizza l-ambjent ġenerali ta' impunità għall-persuni implikati fil-programmi ta' konsenja u detenzjoni sigrieta mmexxija mill-Istati Uniti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Taljani jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jiksbu ġustizzja għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mis-CIA fit-territorju tagħhom, billi jinsistu li Robert Seldon Lady jiġi estradit u jitolbu l-estradizzjoni ta' 22 ċittadin ieħor tal-Istati Uniti kkundannati fl-Italja;

9.  Iħeġġeġ lill-Ombudsman Finlandiż biex ilesti l-investigazzjoni tiegħu fuq bażi ta’ trasparenza u obbligu ta’ rendikont u, għal dan l-għan, iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali biex jikkooperaw bis-sħiħ; jistieden lill-Finlandja ssegwi kwalunkwe informazzjoni li timplika lill-atturi statali Finlandiżi fil-programm ta' konsenja;

Rispons tal-istituzzjonijiet tal-UE

10. Jinsab diżappuntat ħafna dwar il-fatt li l-Kummissjoni irrifjutat li tirreaġixxi fis-sustanza għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament, u jqis li l-ittri mibgħuta mill-Kummissjoni lill-Istati Membri mhumiex biżżejjed għat-twettiq tal-obbligu ta’ rendikont, għax huma ta’ natura ġenerika;

11. Itenni r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi lill-Kummissjoni:

–   li tinvestiga jekk id-dispożizzjonijiet tal-UE, b'mod partikolari dawk dwar l-asil u l-kooperazzjoni ġudizzjarja, ġewx miksura permezz ta’ kollaborazzjoni mal-programm tas-CIA,

–   li tiffaċilita u tappoġġa għajnuna legali reċiproka konformi mad-drittijiet tal-bniedem u kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-awtoritajiet investigattivi u kooperazzjoni bejn l-avukati involuti fil-ħidma relatata mal-obbligu ta’ rendikont fl-Istati Membri,

–   li tadotta qafas, inklużi rekwiżiti ta' rappurtar għall-Istati Membri, għall-monitoraġġ u l-appoġġ ta' proċessi nazzjonali ta' obbligu ta' rendikont,

–   li tadotta miżuri għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE li tipprevjeni u tipprovdi rimedju għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tal-UE u biex tipprevedi t-tisħiħ tal-irwol tal-Parlament,

–   li tressaq proposti għall-iżvilupp ta' arranġamenti għas-sorveljanza demokratika tal-attivitajiet ta' intelligenza transkonfinali fil-kuntest tal-politiki tal-UE kontra t-terroriżmu;

12. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Litwani jaħtfu l-opportunità tal-Presidenza tal-Kunsill tal-UE biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-rapport tal-Parlament u għaldaqstant biex ipoġġu l-kwistjoni fuq l-aġenda tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni (ĠAI) qabel tmiem il-presidenza Litwana;

13. Itenni r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tiegħu lill-Kunsill:

–   li jiskuża ruħu talli kiser il-prinċipju stabbilit fit-Trattati ta' kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta b’mod inkorrett ipprova jipperswadi lill-Parlament jaċċetta verżjonijiet deliberatament imqassra tal-minuti tal-laqgħat tal-grupp ta' ħidma dwar id-dritt internazzjonali pubbliku (COJUR) u dwar ir-relazzjonijiet transatlantiċi (COTRA) ma' uffiċjali għolja tal-Istati Uniti,

–   li joħroġ dikjarazzjoni li fiha jagħraf l-involviment tal-Istati Membri fil-programm tas-CIA u d-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom l-Istati Membri fil-kuntest tal-inkjesti,

–   li jagħti l-appoġġ kollu tiegħu lill-proċessi tas-sejba tal-verità u tal-obbligu ta’ rendikont fl-Istati Membri billi jindirizza l-kwistjoni formalment fil-laqgħat tal-ĠAI, jaqsam l-informazzjoni kollha, jipprovdi assistenza fl-inkjesti u, b’mod partikolari, jilqa’ talbiet ta’ aċċess għad-dokumenti,

–   li jorganizza seduti ta' smigħ ma' aġenziji tas-sigurtà relevanti tal-UE biex jistabbilixxi biċ-ċar x’jafu dwar l-involviment tal-Istati Membri fil-programm tas-CIA u r-reazzjoni tal-UE,

–   li jipproponi salvagwardji sabiex ikun żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-kondiviżjoni tal-intelliġenza, u delimitazzjoni stretta tar-rwoli bejn attivitajiet għall-ġbir tal-intelliġenza u l-infurzar tal-liġi, sabiex l-aġenziji tal-intelliġenza ma jitħallewx jassumu poteri ta' arrest u detenzjoni;

14. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jinkludu, fil-programmi pluriennali rispettivi tagħhom ta’ wara l-programm ta’ Stokkolma, miżuri speċifiċi biex ikunu żgurati l-istat tad-dritt u l-obbligu ta’ rendikont f'każ ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali, speċjalment minn servizzi tal-intelliġenza u awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-kwistjoni tal-obbligu ta’ rendikont fuq l-aġenda tal-‘Assises de la Justice’ f'Novembru 2013;

15. Ifakkar li hu essenzjali, biex tkun żgurata l-kredibilità tal-Parlament, li jissaħħu sostanzjalment id-drittijiet tiegħu ta’ inkjesta għall-investigar ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali fl-UE, li għandhom jinkludu s-setgħa kollha li jisimgħu x-xhieda bil-ġurament tal-persuni involuti, inklużi ministri governattivi[7];

16. Jistieden lill-organizzazzjoni Eurocontrol tirrikonoxxi, bħalma tagħmel l-Awtorità Federali Amerikana tal-Avjazzjoni (American Federal Aviation Authority), li data dwar ir-rotot tat-titjiriet m’għandhiex titqies li hi konfidenzjali, u tirrilaxxa tali data meħtieġa bl-iskop li l-investigazzjoni li jsiru jkunu effettivi;

17. Jistenna li l-inkjesta tal-Parlament dwar il-programm ta’ sorveljanza tal-Aġenzija tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti u l-korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri tipproponi miżuri għal sorveljanza parlamentari demokratika effettiva tas-servizzi ta' intelliġenza;

18. Jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar in-nuqqas ta’ progress li sar mill-Istati Membri tal-UE lejn l-adeżjoni mal-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Għajbien Imġiegħel, bl-eċċezzjoni tal-Litwanja li rratifikatha f’Awwissu 2013; jistieden lill-21 Stat Membru li għadhom ma rratifikawx dik il-konvenzjoni biex jagħmlu dan bħala kwistjoni ta’ urġenza;

19. Jistieden lill-Belġju, il-Finlandja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja u l-Islovakkja jirratifikaw il-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura (OPCAT) bħala kwistjoni prijoritarja; jiddispjaċih dwar l-appoġġ limitat provdut mill-Fond Speċjali tal-OPCAT ġestit min-NU, u jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-Kummissjoni jappoġġaw il-ħidma tal-Fond Speċjali permezz ta' kontribuzzjonijiet volontarji sostanzjali; iħeġġeġ lill-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Kummissjoni biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jiffaċilitaw it-twaqqif u l-funzjonament ta’ Mekkaniżmi ta’ Prevenzjoni taħt l-OPCAT f’pajjiżi terzi;

20. Jistieden lill-UE tagħmel rieżami bir-reqqa tal-progress tal-FYROM fl-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-QEDB fil-każ ta’ El-Masri v il-Maċedonja, li l-Kumitat tal-Ministri issa ssuġġetta għal proċedura msaħħa, fil-kuntest tat-talba għall-adeżjoni tal-FYROM; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-FYROM jiftħu investigazzjoni kriminali dwar il-kumpliċità ta’ atturi statali fil-każ ta’ El‑Masri u jaraw li l-persuni responsabbli jwieġbu għal għemilhom;

21. Jistieden lill-Gvern tal-Istati Uniti jikkoopera mat-talbiet kollha magħmula mill-Istati Membri tal-UE għal informazzjoni jew estradizzjoni b’konnessjoni mal-programm tas-CIA; iħeġġu jieqaf juża ordnijiet protettivi ħorox li jżommu lill-avukati tad-detenuti ta' Guantanamo milli jiżvelaw informazzjoni rigward kwalunkwe dettall tad-detenzjoni sigrieta tagħhom fl-Ewropa; iħeġġu jwettaq sat-tmiem il-pjan tiegħu li jagħlaq il-ħabs ta' Guantanamo malajr kemm jista’ jkun;

22. Jistieden lill-Istati Membri jaċċettaw detenuti minn Guantanamo li ngħataw l-approvazzjoni ta’ risistemazzjoni; jistieden lill-UE terġa’ tqajjem l-inizjattivi konġunti tal-2009 billi tipprovdi qafas għar-risistemazzjoni ta’ detenuti minn Guantanamo fl-Istati Membri tal-UE u biex timpenja ruħha fi djalogu dwar pjanijiet konkreti għall-kooperazzjoni ma’ Clifford Sloan, il-Mibgħut Speċjali tal-Istati Uniti dwar it-trasferimenti tad-detenuti minn Guantanamo;

23. Jistieden lill-Aġenzija għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u l-Madagaskar biex tibda tikkoopera mal-Parlament mill-aktar fis billi tipprovdi l-informazzjoni mitluba dwar data ta’ titjiriet;

24. Jistieden lill-Parlament li jmiss (2014-2019) ikompli jwettaq u jimplimenta l-mandat tal-Kumitat Temporanju u konsegwentement jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu jiġu segwiti, jistudja l-elementi ġodda li jistgħu ifeġġu u jagħmel użu sħiħ tad-drittijiet ta' inkjesta tiegħu, u jiżviluppahom;

25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.