MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-allegati trasportazzjoni u żamma illegali ta’ priġunieri f’pajjiżi Ewropej mis-CIA
4.9.2013 - (2013/2702(RSP))
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Timothy Kirkhope, Charles Tannock f'isem il-Grupp ECR
B7‑0380/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-allegati trasportazzjoni u żamma illegali ta’ priġunieri f’pajjiżi Ewropej mis-CIA
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li l-Istati Membri kkonċernati jagħmlu investigazzjonijiet dwar l-allegazzjonijiet ta' involviment fil-programm tas-CIA ta’ rendimenti straordinarji u ħabsijiet sigrieti,
– wara li kkunsidra l-istqarrija tal-UE li saret fis-7 ta’ Marzu 2011 waqt is-16-il sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem rigward l-istudju konġunt tan-NU dwar id-detenzjoni sigrieta,
– wara li kkunsidra l-ordni eżekuttiva tal-President Obama ta' Jannar 2009 li ordnat l-għeluq taċ-ċentru ta' detenzjoni fil-Bajja ta' Guantánamo fi żmien sena,
– wara li kkunsidra d-diversi inizjattivi u l-investigazzjonijiet li għaddejjin fil-livell nazzjonali,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-inkjesti nazzjonali li saru diġà f’xi Stati Membri,
– wara li kkunsidra n-nota tad-DĠ IPOL intitolata ‘Ir-riżultati tal-inkjesti dwar il-programm tas-CIA ta’ rendimenti straordinarji u ħabsijiet sigrieti fl-Istati Ewropej fid-dawl tal-qafas legali ġdid wara t-Trattat ta’ Lisbona’,
– wara li kkunsidra l-mistoqsijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-allegati trasportazzjoni u żamma illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA (O‑00079/2013 – B7-0215/2013 u O-000080/2013 – B7-0216/2013),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-UE hi msejsa fuq l-impenn lejn id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u r-rispett għad-dinjità umana u l-liġi internazzjonali;
B. billi diversi Stati Membri għamlu jew qed jagħmlu inkjesti dwar akkużi tal-involviment tagħhom fit-trasportazzjoni u ż-żamma illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA;
C. billi l-UE żviluppat politiki ta’ sigurtà interna u ta' kontra t-terroriżmu bbażati fuq il-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-qrati u l-promozzjoni tal-kondiviżjoni tal-intelliġenza; billi r-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt kif ukoll is-sorveljanza effettiva demokratika parlamentari tas-servizzi ta' intelliġenza huma elementi importanti ta' din il-kooperazzjoni;
D. billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti huma bbażati fuq sħubija soda u fuq il-kooperazzjoni f'diversi oqsma inkluż il-ġlieda kontra t-terroriżmu, fuq il-bażi ta' valuri komuni kondiviżi ta' demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;
E. billi fit-22 ta' Jannar 2009, il-President Obama ffirma tliet ordnijiet eżekuttivi li jipprojbixxu t-tortura waqt l-interrogazzjonijiet, li jistabbilixxu task force bejn l-aġenziji biex jagħmlu reviżjoni b’mod sistematiku tal-politiki u l-proċeduri ta’ detenzjoni u reviżjoni tal-każijiet individwali kollha, u li jordnaw l-għeluq tal-faċilità ta' detenzjoni tal-Bajja ta' Guantánamo;
1. Itenni li l-effikaċja tal-miżuri kontra t-terroristi u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem mhumiex kontradittorji iżda huma objettivi komplementari li jsaħħu lil xulxin; ifakkar li r-rispett tad-drittijiet fundamentali huwa parti essenzjali għas-suċċess tal-politika tal-ġlieda kontra t-terroriżmu;
2. Jenfasizza li l-Istati Membri ddikkjaraw ir-rieda tagħhom li jimxu skont il-liġi internazzjonali;
3. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri, fejn possibbli, li jagħmlu inkjesti indipendenti u effettivi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
4. Jagħraf li l-investigazzjonijiet tal-Istati Membri għandhom ikunu bbażati fuq evidenza ġudizzjarja solida u fuq ir-rispett għas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali, tal-UE u tal-liġi Internazzjonali, il-prinċipju tas-sussidjarjetà f'materji ta' sigurtà nazzjonali, u s-sensittivitajiet ta' investigazzjonijiet kriminali li għaddejjin;
5. Jistieden lill-Istati Membri, fid-dawl tal-kooperazzjoni msaħħa u tal-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, jiżguraw skrutinju demokratiku ta' dawk l-aġenziji u tal-attivitajiet tagħhom permezz ta' sorveljanza parlamentari interna, eżekuttiva, ġudizzjarja u indipendenti xierqa;
6. Jafferma mill-ġdid li l-ġlieda internazzjonali kontra t-terroriżmu u l-kooperazzjoni bilaterali jew multilaterali internazzjonali f’dan il-qasam, inkluż bħala parti min-NATO jew bejn servizzi ta’ intelliġenza u tas-sigurtà, għandhom ikunu mwettqa b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u b’sorveljanza demokratika u ġudizzjarja xierqa;
7. Iħeġġeġ lill-Kunsill jaħdem b'mod l-aktar miftuħ u kooperattiv possibbli, kemm mal-Parlament u kemm fost l-Istati Membri tiegħu;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, tal-istati kandidati u l-pajjiżi assoċjati, u lill-Kunsill tal-Ewropa, lin-NATO, lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-Gvern u ż-żewġ Kmamar tal-Kungress tal-Istati Uniti.