Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0381/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0381/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-segwitu għal rapport tal-Parlament Ewropew dwar l-allegati trasportazzjoni u żamma illegali ta’ priġunieri f’pajjiżi Ewropej mis-CIA

4.9.2013 - (2013/2702(RSP))

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B7‑0215/2013 u B7‑0216/2013
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Marie-Christine Vergiat, Patrick Le Hyaric, Willy Meyer, Marisa Matias, Alda Sousa, Nikolaos Chountis f'isem il-Grupp GUE/NGL

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0378/2013

Proċedura : 2013/2702(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0381/2013

B7‑0381/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-segwitu għal rapport tal-Parlament Ewropew dwar l-allegati trasportazzjoni u żamma illegali ta’ priġunieri f’pajjiżi Ewropej mis-CIA

(2013/2702(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) tat-13 ta' Diċembru 2012 li tikkundanna lil Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM) għall-ksur "estremament serju" tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (Artikoli 3, 5, 8 u 13) matul il-konsenja straordinarja ta' Khaled El-Masri,

–   wara li kkunsidra l-każijiet pendenti tal-QEDB li ġejjin: Al‑Nashiri v. il-Polonja, Abu Zubaydah v. il-Litwanja, u Abu Zubaydah v. il-Polonja; wara li kkunsidra l-applikazzjoni ppreżentata mis-Sur al-Nashiri kontra r-Rumanija f'Awwissu 2012 u l-applikazzjoni ppreżentata f'Diċembru 2012 mill-Istitut tal-Monitoraġġ tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRMI) u l-Inizjattiva tal-Ġustizzja għal Soċjetà Miftuħa kontra l-Litwanja għall-ksur tad-dritt tagħhom għall-informazzjoni u d-dritt għal rimedju effettiv,

–   wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Suprema Taljana ta' Settembru 2012 li żżomm il-kundanna ta' 23 uffiċjal Amerikan għall-ħtif fl-2003 ta' Abu Omar, inkluż l-ex Kap tas-CIA f'Milan, Robert Seldon Lady, li ġie kkundannat għal disa' snin ħabs,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell ta' Milan ta' Frar 2013 li kkundannat tliet aġenti oħra tas-CIA[1], preċedentement ikkunsidrati bħala koperti mill-immunità diplomatika, għal bejn sitta u seba' snin ħabs; wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-istess qorti li tikkundanna lil Nicolò Pollari, l-ex Kap tas-SISMI (Servizz Taljan tal-Għarfien u s-Sigurtà Militari), għal 10 snin ħabs, l-ex Viċi Kap tas-SISMI, Marco Mancini, għal disa' snin ħabs, u tliet aġenti tas-SISMI għal sitt snin kull wieħed,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-President Taljan Napolitano tal-5 ta' April 2013 li jaħfer lill-Kurunell Amerikan Joseph Romano, li kien ġie kkundannat fl-Italja għar-responsabilità tiegħu fil-ħtif ta' Abu Omar fl-istess pajjiż; wara li kkunsidra l-ittra fejn intalbet spjegazzjoni, mibgħuta lill-President Taljan Napolitano mir-rapporteurs f'Lulju 2013,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2012 dwar l-allegat trasport u detenzjoni illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA: segwitu għar-rapport tal-Kumitat TDIP tal-Parlament Ewropew (2012/2033(INI))"[2],

–   wara li kkunsidra d-dokumenti li l-Kummissjoni bagħtet lir-rapporteur, inklużi ittri mhux speċifiċi għall-pajjiż mibgħuta f'Marzu 2013 lill-Istati Membri kollha, li għalihom wieġbu biss ftit Stati Membri (il-Finlandja, l-Ungerija, Spanja u Litwanja),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar Guantánamo, li l-aktar riċenti kienu dawk tat-23 ta’ Mejju 2013 dwar "Guantánamo: strajk tal-ġuħ tal-priġunieri"[3],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2010-2011) [4]2,

–   wara li kkunsidra l-ittri mibgħuta mir-rapporteurs lill-prosekuturi Rumeni, Polakki u Litwani u lill-kapijiet tal-istat Rumeni, Polakki u Litwani f'Novembru 2012 fejn ġew enfasizzati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż magħmula fir-riżoluzzjoni tal-Parlament, u li għalihom l-ebda mill-Istati Membri kkonċernati ma wieġbu,

–   wara li kkunsidra d-data tat-titjir irċevuta mill-Eurocontrol sa Settembru 2012,

–   wara li kkunsidra t-talba mibgħuta f'April 2013 mir-rapporteur lill-Aġenzija għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni fl-Ajru fl-Afrika u fil-Madagaskar (ASECNA) għall-kooperazzjoni dwar l-iżvelar tad-data tat-titjir u għar-risposta pożittiva tal-Aġenzija ta' Ġunju 2013,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt u dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2012 dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Lussemburgu, 6 u 7 ta' Ġunju 2013),

–   wara li kkunsidra "l-Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini (2010-2014)",

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' ftuħ mogħtija mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tl-Bniedem, Navi Pillay, fit-23 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (Ġinevra, Mejju 2013), fejn ġiet ikkwotata r-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tal-Parlament tal-11 ta' Settembru 2012 u intalbu 'investigazzjonijiet kredibbli u indipendenti' bħala 'l-ewwel pass vitali lejn ir-responsabilità' u fejn l-Istati ntalbu jagħmlu dawn l-investigazzjonijiet prijorità tagħhom,

–   wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2013[5] tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali filwaqt li jiġi miġġieled it-terroriżmu, Ben Emmerson, li jikkwota l-ħidma tal-Parlament u japprova ċerti rakkomandazzjoni li saru fir-riżoluzzjoni msemmija qabel tal-11 ta' Settembru 2012,

–   wara li kkunsidra l-bosta rapporti tal-midja u atti ta' ġurnaliżmu investigattiv b'rabta ma' dan is-suġġett, b'mod partikolari - iżda mhux biss - il-ħidma investigattiva mxandra fuq il-kanal televiżiv Rumen Antenna 1, f'April 2013,

–   wara li kkunsidra r-riċerka u l-investigazzjonijiet imwettqa speċjalment minn Interights, Redress u Reprieve, u r-rapporti prodotti sa mill-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Parlament minn riċerkaturi indipendenti, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet mhux governattivi nazzjonali u internazzjoni, b'mod partikolari r-rapport tal-Inizjattiva tal-Ġustizzja għal Soċjetà Miftuħa dwar il-"Globalizzazzjoni tat-Tortura: il-Priġunija Sigrieta u r-Rendimenti Straordinarji tas-CIA’ (Frar 2013), l-istudju indipendenti minn żewġ partiti li sar fl-Istati Uniti mit-Task Force tal-Proġett tal-Kostituzzjoni dwar it-Trattament tad-Detenuti (April 2013), Il-Bażi tad-Data dwar Titjiriet ta' Rendimenti ippubblikata mill-UK academic Rendition project (Mejju 2013), ir-rapport ta' Amnesty International 'Unlock the truth: Poland’s involvement in CIA secret detention' (Ġunju 2013), u l-ittra mibgħuta mill-Human Rights Watch lill-Awtoritajiet Litwani (Ġunju 2013),

–   wara li kkunsidra l-mistoqsijiet ippreżentati lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar is-segwitu lir-rapport tal-Parlament dwar l-allegati trasportazzjoni u żamma illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA (O‑00079/2013 – B7-0215/2013 u O-000080/2013 – B7-0216/2013),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Parlament ikkundanna l-programm ta' konsenja u detenzjoni sigrieta tas-CIA mmexxija mill-Istati Uniti li jinvolvu diversi ksur tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom id-detenzjoni illegali u arbitrarja, it-tortura u trattament ħażin ieħor, il-ksur tal-prinċipju tan-non-refoulement, u l-għajbien sfurzat bl-użu mis-CIA tal-ispazju tal-ajru u t-territorju Ewropew; billi l-Parlament kemm-il darba talab li jsiru investigazzjonijiet sħaħ b'kollaborazzjoni minn gvernijiet nazzjonali u aġenziji mal-programmi tas-CIA;

B.  billi l-Parlament impenja ruħu li jkompli jwettaq il-mandat mogħti lilu mill-Kumitat Temporanju, skont l-Artikoli 2, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u ta istruzzjonijiet lill-kumitati rilevanti tiegħu biex jindirizzaw lill-Parlament fil-plenarja dwar il-kwistjoni sena wara l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni msemmija qabel tal-11 ta' Settembru 2012, peress li jqis li huwa essenzjali li jiġi vvalutat il-punt sa fejn ġew implimentati r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Parlament;

C. billi r-responsabilità għall-konsenja hija essenzjali biex jiġu protetti b'mod effettiv d-drittijiet tal-bniedem fil-politiki interni u esterni tal-UE, u biex jiġu żgurati politiki ta' sigurtà leġittimi u effettivi abbażi tal-istat tad-dritt; billi riċentement l-istituzzjonijiet tal-UE impenjaw ruħhom f'dibattitu dwar kif l-UE tista' tipproteġi u tippromwovi aħjar id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt;

D. billi ma kien hemm l-ebda risposta sostantiva mill-Kunsill u l-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament;

E.  billi l-awtoritajiet Litwani tennew l-impenn tagħhom li jerġgħu jiftħu l-investigazzjoni kriminali fl-involviment tal-Litwanja fil-programm tas-CIA jekk joħorġu elementi ġodda, iżda għadhom m'għamlux dan; billi fl-osservazzjonijiet tagħhom lill-QEDB fil-każ ta' Abu Zubaydah, l-awtoritajiet Litwani wrew nuqqasijiet kritiċi fl-investigazzjonijiet tagħhom u naqsu milli jifhmu t-tifsira tal-informazzjoni ġdida; billi l-awtoritajiet tal-Litwanja għandhom il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fit-tieni parti tal-2013;

F.  billi l-ħidma investigattiva fil-fond imxandra fuq Antena 1 f'April 2013 pprovdiet indikazzjonijiet ulterjuri tar-rwol ċentrali tar-Rumanija fin-netwerk tal-ħabsijiet; billi l-ex konsulent tas-sigurtà nazzjonali Ioan Talpeş iddikjara li r-Rumanija pprovdiet appoġġ loġistiku lis-CIA; billi ex senatur Rumen ammetta l-limitazzjonijiet tal-inkjesta parlamentari preċedenti u talab lill-prosekuturi biex jibdew proċedimenti ġudizzjarji;

G. billi ġiet ippreżentata talba mal-prosekuturi Pollakki fil-11 ta' Ġunju 2013 sabiex tielet raġel, Walid Mohammed Bin Attash mill-Jemen, jiġi uffiċjalment rikonoxxut bħala vittma wara li ġie arrestat illegalment fil-Pakistan fl-2003 u nżamm f'ħabs sigriet fil-Polonja minn Ġunju sa Settembru 2003 u issa qed jinżamm fi Guantánamo; billi l-prosekuturi Pollakki estendew sa Ottubru 2013 investigazzjoni kriminali li ilha għaddejja ħames snin;

H. billi l-awtoritajiet Brittaniċi għadhom qed idewmu l-proċedimenti fil-każ imressaq mil-Libjan Abdel Hakim Belhadj, li ġie ttorturat fil-Libja mis-CIA bl-għajnuna mill-Brittaniċi, u esprimew l-intenzjoni tagħhom li l-każ jinstema' fi proċedimenti ġodda sigrieti;

I.   billi f'Diċembru 2012 l-Italja ħarġet mandat ta' arrest internazzjonali kontra Robert Seldon Lady, li ġie arrestat f'Panama f'Lulju 2013; billi t-talba ta' estradizzjoni sussegwentement magħmula mill-Italja ma ġietx aċċettata mill-Panama u billi Robert Seldon Lady ġie rritornat lill-Istati Uniti f'Lulju 2013; billi l-President Taljan Giorgio Napolitano ddeċieda fil-5 ta' April 2013 li jaħfer lill-Kurunell Amerikan J.L. Romano, li ġie kkundannat għar-responsabilità tiegħu fil-ħtif ta' Abu Omar fl-Italja;

J.   billi f'Novembru 2012, l-Ombudsman Parlamentari tal-Finlandja beda investigazzjoni dwar l-użu tat-territorju, spazju tal-ajru u sistemi ta' rekords tat-titjir tal-Finlandja fil-programm ta' konsenja tas-CIA, bagħat talbiet bil-miktub dettaljati għall-informazzjoni lil 15-il aġenzija tal-gvern u talab ukoll lill-awtoritajiet Litwani biex jipprovdu informazzjoni speċifika dwar titjiriet relatati;

K. billi l-President Obama tal-Istati Uniti tenna l-impenn tiegħu li jagħlaq il-ħabs ta’ Guantanamo, u ħabbar fit-23 ta' Mejju 2013 li se jerġa' jibda l-ħelsien tad-detenuti u li jneħħi moratorju fuq il-ħelsien ta’ priġunieri Jemeniti li diġa' kien meqjus li hu sikuri li jiġu trasferiti lura lejn il-Jemen, minkejja reżistenza fil-Kungress tal-Istati Uniti; billi l-awtoritajiet tal-Istati Uniti ma rrispettawx l-obbligu internazzjonali tagħhom li jġibu lura lil Robert Seldon Lady lejn l-Istati Uniti fid-19 ta' Lulju 2013, wara l-arrest tiegħu ġewwa Panama;

1.  Jiddeplora profondament in-nuqqas ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoniiet inklużi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Settembru 2012, partikolarment mill-Kunsill, il-Kummissjoni, il-gvernijiet tal-Istati Membri, l-istati kandidati u l-pajjiżi assoċjati, in-NATO u l-awtoritajiet tal-Istati Uniti, speċjalment fid-dawl tal-ksur serju tad-drittijiet fundamentali tal-vittmi tal-programm tas-CIA;

2.  Iqis li l-klima ta’ impunità fir-rigward tal-programm tas-CIA tat lok li jkompli l-ksur tad-drittijiet fundamentali fil-politiki ta' kontra t-terroriżmu tal-UE u tal-Istati Uniti, kif żvelat b’mod ulterjuri mill-attivitajiet ta’ spjunaġġ tal-massa tal-programm ta’ sorveljanza tal-Aġenzija tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti u l-attivitajiet tal-korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri, li bħalissa qed jiġu investigati mill-Parlament;

Il-proċess ta’ responsabilità fl-Istati Membri

3.  Itenni t-talba tiegħu lil dawk l-Istati Membri li ma wettqux l-obbligu pożittiv tagħhom li jagħmlu inkjesti indipendenti u effettivi biex jinvestigaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jqisu l-evidenza ġdida kollha li ħarġet fid-deher, u li jiżvelaw l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar l-ajruplani kollha li jqajmu suspett assoċjati mas-CIA u t-territorju tagħhom; jistieden b’mod partikolari lill-Istati Membri biex jinvestigaw jekk sarux operazzjonijiet li fihom persuni nżammu taħt il-programmi tas-CIA f’faċilitajiet fit-territorju tagħhom;

4.  Iħeġġeġ lill-Litwanja, li bħalissa għandha l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE u għaldaqstant qegħda f’pożizzjoni li tmexxi bl-eżempju, biex terġa’ tiftaħ l-investigazzjoni kriminala tagħha dwar faċilitajiet ta’ detenzjoni sigrieta tas-CIA u biex twettaq investigazzjoni rigoruża li tqis l-evidenza fattwali kollha li ġiet żvelata, partikolarment rigward il-każ tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) ta’ Abu Zubaydah v. l-Litwanja; jistieden lill-Kitwanja tippermetti lill-investigaturi jwettqu eżami tan-netwerk ta’ titjiriet u l-persuni ta’ kuntatt li huma magħrufa pubblika li organizzaw jew ipparteċipaw fit-titjiriet konċernati; jistieden lill-awtoritajiet Litwani jwettqu eżami forensiku tas-sit tal-ħabs u analiżi tar-reġistri tat-telefonati; iħeġġiġhom jikkooperaw mal-QEDB fil-każ ta' Zubaydah v. l-Litwanja; jitlob lil-Litwanja, fil-kuntest tal-ftuħ mill-ġdid ta' investigazzjoni kriminali, tikkunsidra l-applikazzjonijiet għall-istatus/parteċipazzjoni fl-investigazzjoni minn vittmi potenzjali oħra; iħeġġeġ lil-Litwanja twieġeb bis-sħiħ għal talbiet għall-informazzjoni minn Stati Membri oħra tal-UE, b'mod partikolari t-talba għall-informazzjoni mill-Ombudsman Finlandiż dwar titjira jew titjiriet li jistgħu jgħaqqdu lill-Finlandja u lil-Litwanja fuq rotta possibbli ta' konsenja;

5.  Iħeġġu lill-awtoritajiet Rumeni jsibu d-dokumenti nieqsa kollha tal-inkjesta parlamentari u jiftħu minnufih investigazzjoni indipendenti, imparzjali, bir-reqqa u effettiva; jiddeplora l-intransiġenza u s-silenzju tagħhom f'dan ir-rigward, li hu inkompatibbli mal-obbligi tagħhom;

6.  Jistieden lill-Polonja tkompli bl-investigazzjoni tagħha fuq bażi ta’ aktar trasparenza, partikolarment billi toffri evidenza ta’ żviluppi konkreti fl-investigazzjoni, billi tippermetti lir-rappreżentanti tal-vittmi li jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom u jippermettulhom id-dritt tagħhom ta' aċċess għall-materjal klassifikat kollu u li jaġixxu fuq il-materjali li jkun inġabar; jistieden lill-awtoritajiet Pollakki biex jibdew il-prosekuzzjonijiet kriminali kontra kull attur statali implikat; iħeġġeġ lill-Prosekutur Ġenerali Pollakk biex bħala kwistjoni ta' urġenza jagħmel rieżami tal-applikazzjoni ta' Walid Bin Attash u jieħu deċiżjoni dwarha; jitlob lill-Polonja tikkoopera bis-sħiħ mal-QEDB dwar il-każijiet ta' Al-Nashiri v. il-Polonja u Abu Zubaydah v. il-Polonja;

7.  Jitlob lill-awtoritajiet Brittaniċi biex jikkooperaw bis-sħiħ ma' investigazzjonijiet kriminali li għaddejjin bħalissa u biex iħallu lil każijiet biex ikomplu bi trasparenza sħiħa u mhux permezz ta' proċedimenti sigrieti sabiex jikkonkludu l-investigazzjonijiet dwar il-konsenja ta' ċittadini barranin li jinsabu barra 'l pajjiż; jitlob lill-awtoritajiet Brittaniċi jwettqu inkjesta konformi mad-drittijiet tal-bniedem dwar il-konsenja, it-tortura u t-trattament ħażin ta' priġunieri barra 'l pajjiż;

8.  Jiddeplora l-maħfra tal-Kurunell Amerikan Joseph Romano mill-President Taljan Napolitano, li kkontribwixxa għall-ambjent ġenerali ta' impunità għal dawk li huma implikati fil-programmi ta' konsenja u detenzjoni sigrieta mmexxija mill-Istati Uniti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Taljani biex ikompli l-isforzi tagħhom biex jiksbu ġustizzja għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mis-CIA fit-territorju Taljan, billi jinsistu fuq l-estradizzjoni ta' Robert Seldon Lady u jitolbu l-estradizzjoni ta' 22 uffiċjal ieħor tal-Istati Uniti kkundannati;

9.  Iħeġġeġ lill-Ombudsman Finlandiż biex ilesti l-investigazzjoni tiegħu abbażi tat-trasparenza u r-responsabilità u, għal dan l-għan, iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali biex jikkooperaw bis-sħiħ; jitlob lill-Finlandja ssegwi kull informazzjoni li timplika lill-atturi statali Finlandiżi fil-programm ta' konsenja;

Rispons tal-istituzzjonijiet tal-UE

10. Jinsab diżappuntat ħafna dwar il-fatt li l-Kummissjoni irrifjutat li tirreaġixxi fis-sustanza għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament, u jqis li l-ittri mibgħuta mill-Kummissjoni lill-Istati Membri mhumiex biżżejjed għall-kisba tar-responsabilità minħabba li huma ta’ natura ġenerika;

11. Itenni r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi lill-Kummissjoni:

–  li tinvestiga jekk id-dispożizzjonijiet tal-UE, b'mod partikolari dawk dwar l-asil u l-kooperazzjoni ġudizzjarja, ġew miksura permezz ta’ kollaborazzjoni mal-programm tas-CIA,

–  li tiffaċilita u tappoġġa għajnuna legali reċiproka konformi mad-drittijiet tal-bniedem u kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-awtoritajiet investigattivi u kooperazzjoni bejn l-avukati involuti fil-ħidma relatata mar-responsabilità fl-Istati Membri,

–  li tadotta qafas, inklużi rekwiżiti ta' rappurtar għall-Istati Membri, għall-monitoraġġ u l-appoġġ ta' proċessi nazzjonali ta' obbligu ta' rendikont,

–  li tadotta miżuri għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE li tipprevjeni u tipprovdi rimedju għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tal-UE u biex tipprevedi t-tisħiħ tal-irwol tal-Parlament,

–  li tressaq proposti għall-iżvilupp ta' arranġamenti għas-sorveljanza demokratika tal-attivitajiet ta' intelligenza transkonfinali fil-kuntest tal-politiki tal-UE kontra t-terroriżmu;

12. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Litwani jaħtfu l-opportunità tal-Presidenza tal-Kunsill tal-UE biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-rapport tal-Parlament u b'hekk biex ipoġġu l-kwistjoni fuq l-aġenda tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni (ĠAI) qabel tmiem il-presidenza Litwana;

13. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jinkludu, fil-programmi pluriennali rispettivi tagħhom ta’ wara l-programm ta’ Stokkolma, miżuri speċifiċi biex ikunu żgurati l-istat tad-dritt u l-obbligu ta’ rendikont f'każ ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali, speċjalment minn servizzi tal-intelliġenza u awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi: jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-kwistjoni tal-obbligu ta’ rendikont fuq l-aġenda tal-‘Assises de la Justice’ f'Novembru 2013;

14. Ifakkar li hu essenzjali, biex tkun żgurata l-kredibilità tal-Parlament, li jissaħħu sostanzjalment id-drittijiet tiegħu ta’ inkjesta għall-investigar ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali fl-UE, li għandhom jinkludu setgħu sħiħa li jisimgħu x-xhieda bil-ġurament tal-persuni involuti, inklużi ministri governattivi[6];

15. Jistieden lill-organizzazzjoni Eurocontrol tirrikonoxxi, bħalma tagħmel l-Awtorità Federali Amerikana tal-Avjazzjoni (American Federal Aviation Authority), li data dwar ir-rotot tat-titjiriet m’għandhomx tkun meqjusa li hi konfidenzjali, u tirrilaxxa tali dati meħtieġa bl-iskop li l-investigazzjoni li jsiru jkunu effettivi;

16. Jistenna li l-istħarriġ tal-Parlament dwar il-programm ta’ sorveljanza tal-Aġenzija tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti u l-korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri, wara li tinkiseb informazzjoni mis-sorsi kollha possibbli dwar l-allegati prattiki ta' sorveljanza fl-Istati Membri, jipproponi miżuri għal sorveljanza parlamentari demokratika effettiva tas-servizzi ta' intelliġenza;

17. Itenni r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tiegħu lill-Kunsill:

–  li jiskuża ruħu talli kiser il-prinċipju stabbilit fit-Trattati ta' kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta b’mod inkorrett ipprova jipperswadi lill-Parlament jaċċetta verżjonijiet deliberatament imqassra tal-minuti tal-laqgħat tal-grupp ta' ħidma dwar id-dritt internazzjonali pubbliku (COJUR) u dwar ir-relazzjonijiet transatlantiċi (COTRA) ma' uffiċjali għolja tal-Istati Uniti,

–  li joħroġ dikjarazzjoni li fiha jagħraf l-involviment tal-Istati Membri fil-programm tas-CIA u d-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom l-Istati Membri fil-kuntest tal-inkjesti,

–  li jagħti l-appoġġ kollu tiegħu lill-proċessi tas-sejba tal-verità u tal-obbligu ta’ rendikont responsabilità fl-Istati Membri billi jindirizza l-kwistjoni formalment fil-laqgħat tal-ĠAI, jaqsam l-informazzjoni kollha, jipprovdi assistenza fl-inkjesti u, b’mod partikolari, jilqa’ talbiet ta’ aċċess għad-dokumenti;

–  jorganizza seduti ta' smigħ ma' aġenziji tas-sigurtà rilevanti tal-UE biex jiċċara x’jafu dwar l-involviment tal-Istati Membri fil-programm tas-CIA u r-reazzjoni tal-UE,

–  li jipproponi salvagwardji sabiex ikun żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-kondiviżjoni tal-intelliġenza, u delimitazzjoni stretta tar-rwoli bejn attivitajiet għall-ġbir tal-intelliġenza u l-infurzar tal-liġi, sabiex l-aġenziji tal-intelliġenza ma jitħallewx jassumu poteri ta' arrest u detenzjoni;

18. Jisitieden lill-UE tagħmel rieżami bir-reqqa tal-progress ta' Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fl-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-QEDB fil-każ ta’ El-Masri v. il-Maċedonja, li l-Kumitat tal-Ministri issa ssoġġetta għal proċess imtejjeb fil-kuntest tat-talba għall-adeżjoni min-naħa ta' Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet ta' Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jiftħu investigazzjoni kriminali dwar il-kompliċità tal-atturi statali fil-każ El-Masri u jaraw li l-persuni responsabbli jwieġbu għal għemilhom;

19. Jistieden lill-Gvern tal-Istati Uniti jikkoopera mat-talbiet kollha magħmula mill-Istati Membri tal-UE għal informazzjoni b’konnessjoni mal-programm tas-CIA, u speċjalment talbiet għal estradizzjoni; iħeġġu biex jieqaf juża ordnijiet protettivi drakonjani li jipprevjenu lill-avukati li jaġixxu għall-priġunieri ta' Guantánamo Bay milli jiżvelaw informazzjoni dwar kull dettall tad-detenzjoni sigrieta tagħhom fl-Ewropa; iħeġġu jwettaq sat-tmiem il-pjan tiegħu li jagħlaq il-ħabs tal-Bajja ta' Guantanamo malajr kemm jista’ jkun; jitlob lill-Istati Membri biex jaċċettaw lill-priġunieri ta' Guantánamo approvati għar-risistemazzjoni;

20. Jistieden lill-Aġenzija għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u l-Madagaskar biex tibda tikkoopera mal-Parlament mill-aktar fis billi tipprovdi l-informazzjoni mitluba dwar data ta’ titjiriet;

21. Jistieden lill-Parlament li jmiss (2014-2019) ikompli jwettaq u jimplimenta l-mandat tal-Kumitat Temporanju u konsegwentement jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu jiġu segwiti, jistudja l-elementi ġodda li jistgħu ifeġġu u jagħmel użu sħiħ tad-drittijiet ta' inkjesta tiegħu, u jiżviluppahom;

22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.