Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0386/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0386/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar Strateġija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà: Ċiberspazju Miftuħ u Sikur

6.9.2013 - (2013/2606(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Malcolm Harbour, Andreas Schwab f'isem il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
Elmar Brok, Tunne Kelam f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin


Proċedura : 2013/2606(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0386/2013
Testi mressqa :
B7-0386/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0386/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Strateġija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà: Ċiberspazju Miftuħ u Sikur

(2013/2606(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tas-7 ta’ Frar 2013 tal-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà bit-titolu ta’ “Strateġija ta' Sigurtà Ċibernetika tal-Unjoni Ewropea: Ċiberspazju miftuħ mogħni b’sigurtà u sikurezza” (JOIN(2013)1),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Frar 2013 għal direttiva dwar miżuri li jiżguraw livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (COM(2013)0048,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Mejju 2010 bit-titolu “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (COM (2010)0245) u tat-18 ta’ Diċembru 2012 bit-titolu “L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa – Nixprunaw it-tkabbir Ewropew b’mod diġitali” (COM (2012)0784),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Settembru 2012 bit-titolu “L-isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa” (COM (2012)0529),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Marzu 2013 bit-titolu “Il-Ġlieda kontra l-Kriminalità f’din l-Era Diġitali: Il-Ħolqien ta’ Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità” (COM(2012)0140) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta’ Ġunju 2012 dwarha,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Awwissu 2013 dwar l-attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tieħu post id-Deċiżjoni ta’ Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI[1],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE tat-8 ta’ Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni ta’ l-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom[2],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI[3],

–   wara li kkunsidra l-Programm ta’ Stokkolma fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja[4], il-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni bit-titoli “Il-kisba ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa – Pjan ta' Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma” (COM(2010)0171) u “L-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni: Ħames passi lejn Ewropa aktar sikura” (COM(2010)0673), u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar l-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna tal-Unjoni Ewropea[5],

–   wara li kkunsidra l-Proposta Konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni mill-Unjoni tal-Klawżola ta’ Solidarjetà (JOIN/2012/039),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/ĠAI tat-28 ta’ Mejju 2001 li tiġġieled frodi u ffalsifikar ta’ mezzi ta’ ħlas bi flus mhux kontanti[6],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni[7] tiegħu tat-12 ta’ Ġunju 2012 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta’ Mejju 2011 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħarsien tal-infrastruttura kritika ta’ informazzjoni bit-titolu ‘Kisbiet u l-passi li jmiss: lejn ċibersigurtà dinjija” (COM(2011)0163),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2012 dwar it-twettiq tas-Suq Uniku Diġitali[8],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar iċ-Ċibersigurtà u ċ-Ċiberdifiża[9],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-16 ta’ April 2013 dwar il-proposta għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) (COM(2010)521) li tistabbilixxi l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari[10],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2012 dwar strateġija dwar il-libertà diġitali fil-politika barranija tal-UE[11],

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità tat-23 ta’ Novembru 2001,

–   wara li kkunsidra l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, b’mod partikolari taħt il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 6, 8 u 11 tagħha[12],

–   wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-isfidi ċibernetiċi li qiegħdin jikbru, fis-sura ta’ theddid u attakki li kulma jmur qed isiru aktar sofistikati, jikkostitwixxu theddida maġġuri għas-sigurtà, għall-istabilità u għall-prosperità ekonomika tal-Istati Membri kif ukoll tas-settur privat u tal-komunità aktar wiesa’; billi l-protezzjoni tas-soċjetà u l-ekonomija tagħna se jkunu għalhekk sfida li tevolvi kostantement;

B.  billi ċ-ċiberspazju u ċ-ċibersikurezza għandhom ikunu waħda mill-pilastri strateġiċi tal-politiki tas-sigurtà u tad-difiża tal-UE u ta’ kull Stat Membru; billi huwa kruċjali li jiġi żgurat li ċ-ċiberspazju jibqa’ miftuħ biex jilqa’ l-fluss ħieles ta’ ideat u informazzjoni u l-espressjoni ħielsa;

C. billi l-kummerċ elettroniku u s-servizzi online huma forza vitali tal-internet u huma kruċjali għall-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020, billi huma ta’ benefiċċju kemm għaċ-ċittadini u kemm għas-settur privat; billi l-Unjoni għandha tirrealizza għalkollox il-potenzjal u l-opportunitajiet li l-internet jippreżenta fl-iżvilupp ulterjuri tas-suq uniku, inkluż is-suq uniku diġitali;

D. billi l-prijoritajiet strateġiċi deskritti fil-qosor fil-Komunikazzjoni Konġunta dwar l-istrateġija taċ-ċibersigurtà għall-Unjoni Ewropea jinkludu l-ilħuq ta’ ċiberreżiljenza, it-tnaqqis taċ-ċiberkriminalità, l-iżvilupp ta’ politika taċ-ċiberdifiża u ċiberkapabilitajiet relatati mal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK), u l-istabbiliment ta’ politika taċ-ċiberspazju internazzjonali għall-UE;

E.  billi sistemi ta’ netwerks u ta’ informazzjoni madwar l-Unjoni huma interkonnessi ħafna; billi, minħabba n-natura globali tal-internet, ħafna inċidenti li jinvolvu s-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni jittraxxendu l-konfini nazzjonali, u għandhom il-potenzjal li jdgħajfu l-funzjonament tas-suq intern u l-kunfidenza tal-konsumaturi fis-suq uniku diġitali;

F.  billi ċ-ċibersigurtà madwar l-Unjoni, l-istess bħal fil-bqija tad-dinja, hija b’saħħitha biss daqs il-konnessjoni l-aktar dgħajfa tagħha, u t-tħarbit f’settur jew Stat Membru wieħed ikollu impatt fuq settur jew Stat Membru ieħor, billi joħloq effetti konsekwenjali b’implikazzjonijiet għall-ekonomija tal-Unjoni fit-totalità tagħha;

G. billi, minn April 2013, huma biss 13-il Stat Membru li uffiċjalment adottaw strateġiji ta’ ċibersigurtà nazzjonali; billi għad fadal differenzi fundamentali bejn l-Istati Membri f’dawk li huma l-istat ta’ tħejjija tagħhom, is-sigurtà tagħhom, il-kultura strateġika tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji ta’ ċibersigurtà nazzjonali, u billi għandha ssir valutazzjoni ta’ dawn id-differenzi;

H. billi kulturi differenti ta’ sigurtà u n-nuqqas ta’ qafas ġuridiku jwasslu għall-frammentazzjoni, u huma ta’ tħassib ewlieni, fis-suq uniku diġitali; billi n-nuqqas ta’ approċċ armonizzat għaċ-ċibersigurtà jinvolvi riskji serji għall-prosperità ekonomika u għas-sigurtà tat-tranżazzjonijiet, u billi għalhekk huma meħtieġa sforzi flimkien bi ftehim u kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-gvernijiet, is-settur privat, u l-infurzar tal-liġijiet u l-aġenziji tal-intelliġenza;

I.   billi ċ-ċiberkriminalità hija problema internazzjonali li kulma jmur qed tiġi tiswa spejjeż ogħla, fejn bħalissa qed tiswa – skont l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità – lill-ekonomija globali kważi EUR 295 biljun kull sena;

J.   billi l-kriminalità organizzata internazzjonali, filwaqt li qed tieħu vantaġġ mill-avvanzi teknoloġiċi, qed tkompli ċċaqlaq it-terren operazzjonali tagħha għal ġoċ-ċiberspazju, fejn iċ-ċiberkriminalità qed tbiddel b’mod radikali l-istruttura tradizzjonali tal-gruppi tal-kriminalità organizzata; billi dan wassal biex il-kriminalità organizzata tkun inqas lokalizzata u biex ikun aktar probabbli li tisfrutta t-territorjalità u l-ġurisdizzjonijiet ġuridiċi nazzjonali li differenti fuq livell globali;

K. billi l-investigazzjoni taċ-ċiberkriminalità minn awtoritajiet kompetenti għadha mxekkla minn għadd ta’ ostakli, fosthom l-użu, fit-transazzjonijiet ċiberspazjali, ta' "muniti virtwali" li jistgħu jintużaw għall-ħasil tal-flus, il-kwistjonijiet tat-territorjalità u l-konfini ġurisdizzjonali, il-kapabilitajiet insuffiċjenti ta’ skambju ta’ intelliġenza, in-nuqqas ta’ persunal imħarreġ, u l-kooperazzjoni inkonsistenti ma’ partijiet oħra interessati;

L.  billi t-teknoloġija hija l-pedament għall-iżvilupp taċ-ċiberspazju, u l-adattament kontinwu għat-tibdiliet teknoloġiċi huwa essenzjali jekk għandhom jittejbu r-reżiljenza u s-sikurezza taċ-ċiberspazju tal-UE; billi għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tinżamm aġġornata bl-iżviluppi teknoloġiċi ġodda, u b'hekk ikunu jistgħu jsiru l-identifikazzjoni u l-prosekuzzjoni taċ-ċiberkriminali u l-protezzjoni tal-vittmi taċ-ċiberkriminalità;

1.  Jilqa’ l-Komunikazzjoni Konġunta għal strateġija għaċ-ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea u l-proposta għal direttiva rigward miżuri biex jiġi żgurat livell għoli ta' sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni madwar l-Unjoni;

2.  Jenfasizza l-importanza suprema u dejjem tikber li l-internet, u ċ-ċiberspazju, għandu għat-transazzjonijiet politiċi, ekonomiċi, u tas-soċjetà, mhux biss fi ħdan l-Unjoni iżda wkoll fir-rigward ta' atturi oħra madwar id-dinja;

3.  Jenfasizza li jeħtieġ li tiġi żviluppata politika strateġika ta’ komunikazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà tal-UE, is-sitwazzjonijiet ta’ ċiberkriżijiet, ir-rieżamijiet tal-istrateġiji, il-kollaborazzjoni u t-twissijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat, u r-rakkomandazzjonijiet lill-pubbliku;

4.  Ifakkar li jinħtieġ livell għoli ta’ sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni mhux biss bil-għan li s-servizzi li huma essenzjali għall-funzjonament bla xkiel tas-soċjetà u tal-ekonomija jinżammu kif inhuma, iżda wkoll biex tiġi salvagwardjata l-integrità fiżika taċ-ċittadini billi jiġu msaħħa l-effiċjenza, l-effikaċja u l-funzjonament sigur tal-infrastrutturi kritiċi; jenfasizza li, filwaqt li s-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni għandhom jiġu indirizzati, it-titjib tas-sigurtà fiżika huwa wkoll kwistjoni importanti; jenfasizza li l-infrastruttura għandha tkun reżiljenti kemm għad-diżordni intenzjonata u kemm għad-diżordni mhux intenzjonata; jenfasizza li, f’dan ir-rigward, l-istrateġija taċ-ċibersigurtà għandha tqiegħed enfasi akbar fuq il-kawżi komuni tal-ħsarat mhux intenzjonati tas-sistemi;

5.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Istati Membri biex jadottaw strateġiji ta’ ċibersigurtà nazzjonali li jkopru l-aspetti tekniċi, ta’ koordinazzjoni, ta’ riżorsi umani u ta’ allokazzjonijiet finanzjarji, u li jinkludu regoli distinti dwar il-benefiċċji għas-settur privat u dwar ir-responsabilitajiet tiegħu, bil-għan li tiġi ggarantita l-parteċipazzjoni tagħhom, mingħajr dewmien żejjed, u biex jipprovdu għal proċeduri komprensivi ta' mmaniġġjar tar-riskji kif ukoll biex isalvagwardjaw l-ambjent regolatorju;

6.  Jinnota li huma biss it-tmexxija kkombinata u s-sjieda politika min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri li se jippermettu livell għoli ta’ sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni madwar l-Unjoni, u li b’hekk jikkontribwixxu għall-funzjonament sigur u mingħajr xkiel tas-suq uniku;

7.  Jenfasizza li l-politika taċ-ċibersigurtà tal-Unjoni għandha tipprovdi ambjent diġitali sigur u affidabbli bbażat fuq il-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-libertajiet u r-rispett għad-drittijiet fundamentali online u ddisinjat biex lil dawn jiggarantihom, kif stabbilit fil-Karta tal-UE u fl-Artikolu 16 TFUE, b’mod partikolari d-dritt għall-privatezza u d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta; jemmen li għandha tingħata attenzjoni speċifika lill-protezzjoni tat-tfal online;

8.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu l-azzjoni kollha meħtieġa biex joħorġu bi programmi ta’ taħriġ immirati biex jippromwovu u jtejbu l-għarfien, il-ħiliet u l-edukazzjoni fost iċ-ċittadini Ewropej, b’mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà personali, bħala parti minn kurrikulu ta’ litteriżmu diġitali minn età bikrija; jilqa’ l-inizjattiva biex jiġi organizzat Xahar Ewropew taċ-Ċibersigurtà, bl-appoġġ tal-ENISA u f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi u mas-settur privat, bil-għan li titqajjem kuxjenza tal-isfidi involuti fil-protezzjoni tas-sistemi tan-netwerks u tal-informazzjoni;

9.  Iqis li l-edukazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà żżid l-għarfien tas-soċjetà Ewropea dwar iċ-ċibertheddid, u b’hekk tinkoraġġixxi l-użu responsabbli taċ-ċiberspazju, u tgħin biex tingħata spinta lill-ġabra tal-fornitura ta' ċiberħiliet; jagħraf ir-rwol ewlieni tal-Europol u ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3) il-ġdid tiegħu, u tal-ENISA u tal-EUROJUST, filli jipprovdu attivitajiet ta' taħriġ fil-livell tal-UE fl-użu tal-għodod tal-kooperazzjoni judizzjarja internazzjonali u fl-infurzar tal-liġi fir-rigward ta’ aspetti differenti taċ-ċiberkriminalità;

10. Itenni l-ħtieġa li jiġu pprovduti parir tekniku u informazzjoni ġuridika, kif ukoll li jiġu stabbiliti programmi dwar il-prevenzjoni taċ-ċiberkriminalità u dwar kif tiġi miġġielda; jinkoraġġixxi t-taħriġ taċ-ċiberinġiniera speċjalizzati fil-protezzjoni tal-infrastruttura kritika u tas-sistemi tal-informazzjoni, kif ukoll it-taħriġ tal-operaturi tas-sistemi ta’ kontroll tat-traffiku u taċ-ċentri ta' ġestjoni tat-traffiku; jenfasizza l-ħtieġa serja li jiddaħħlu skemi ta’ taħriġ regolari taċ-ċibersigurtà għall-persunal tas-settur pubbliku fil-livelli kollha;

11. Itenni t-talba tiegħu għall-kawtela fl-applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-abilità li għandhom iċ-ċittadini biex jagħmlu użu mill-għodod tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni u tal-informazzjoni, u jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jimmiraw li qatt ma jipperikolaw id-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini meta jkunu qed jiżviluppaw reazzjonijiet għaċ-ċibertheddidiet u għaċ-ċiberattakki, u għandu jkollhom mezzi leġiżlattivi adegwati biex jiddistingwu bejn ċiberinċidenti ta’ livell ċivili u dawk ta' livell militari;

12. Iqis li l-involviment regolatorju fil-qasam taċ-ċibersigurtà għandu jkun orjentat lejn ir-riskji, iffukat fuq l-infrastruttura kritika li l-funzjonament tajjeb tagħha huwa ta’ interess pubbliku maġġuri, u għandu jibni fuq l-isforzi eżistenti tal-industrija bbażati fuq is-suq biex tiġi żgurata r-reżiljenza tan-netwerks; jenfasizza r-rwol kruċjali li għandha l-kooperazzjoni fil-livell operazzjonali fit-trawwim ta’ skambju aktar effiċjenti ta’ informazzjoni dwar ċibertheddidiet bejn l-awtoritajiet pubbliċi u s-settur privat – kemm fil-livell ta’ Unjoni u kemm f’dak nazzjonali, kif ukoll mas-sħab strateġiċi tal-Unjoni – bil-għan li tiġi żgurata s-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni, billi jiġu ġġenerati l-fiduċja, il-valur u l-impenn reċiproċi, u tiġi skambjata l-perizja; iqis li s-sħubijiet pubbliċi-privati għandhom ikunu bbażati fuq in-newtralità tan-netwerks u n-newtralità teknoloġika, u għandhom jiffukaw fuq sforzi biex jiġu indirizzati l-problemi li għandhom impatt pubbliku għoli; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-operaturi tas-suq involuti kollha joqogħdu għassa aktar, u jkunu aktar kooperattivi, bil-għan li jipproteġu lill-operaturi l-oħra milli ssir ħsara lis-servizzi tagħhom;

13. Jagħraf il-fatt li l-iskoperta u n-notifika tal-inċidenti ta’ ċibersigurtà huma vitali fil-promozzjoni taċ-ċiberreżiljenza fl-Unjoni; jemmem li għandhom ikunu fis-seħħ rekwiżiti proporzjonati u meħtieġa ta’ żvelar biex ikun hemm provvediment għan-notifika ta’ inċidenti li jinvolvu ksur sinifikanti tas-sigurtà lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u b'hekk ikun jista' jsir monitoraġġ imtejjeb tal-inċidenti taċ-ċiberkriminalità u jiġu ffaċilitati l-isforzi biex titqajjem kuxjenza fil-livelli kollha;

14. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lil atturi oħra jdaħħlu politiki ta’ ċibersigurtà u ta’ ċiberreżiljenza li jinkludu inċentivi ekonomiċi għall-promozzjoni ta’ livelli għolja ta’ ċibersigurtà u ċiberreżiljenza;

Ċiberreżiljenza

15. Jinnota li s-setturi differenti u l-Istati Membri għandhom livelli differenti ta’ kapabilitajiet u ħiliet u li dan ixekkel l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni ta’ fiduċja u jdgħajjef il-funzjonament tas-suq uniku;

16. Iqis li r-rekwiżiti għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju għandhom isegwu approċċ proporzjonat u bbażat fuq ir-riskji;

17. Jinsisti fuq l-iżvilupp taċ-ċiberreżiljenza għall-infrastrutturi kritiċi, u jfakkar li l-arranġamenti li se jsiru dalwaqt għall-implimentazzjoni tal-Klawżola ta’ Solidarjetà (Artikolu 222 TFUE) għandhom iqisu r-riskju ta’ ċiberattakk kontra Stat Membru; jistieden lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli jieħdu dan ir-riskju in konsiderazzjoni fir-rapporti integrati konġunti tagħhom ta’ valutazzjoni tat-theddidiet u r-riskji li għandhom jinħarġu mill-2015 ’il quddiem;

18. Jenfasizza li bil-għan li jiġu ggarantiti l-integrità, id-disponibilità u l-kunfidenzjalità tas-servizzi kritiċi b’mod partikolari, l-identifikazzjoni u l-kategorizzazzjoni tal-infrastruttura kritika għandhom ikunu aġġornati, u r-rekwiżiti tas-sigurtà minimi meħtieġa għas-sistemi tan-netwerks u tal-informazzjoni tagħhom għandhom jiġu stabbiliti;

19. Jagħraf il-fatt li l-proposta għal direttiva dwar miżuri biex jiġi żgurat livell komuni għoli ta’ sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni madwar l-Unjoni kollha tipprovdi għal tali rekwiżiti tas-sigurtà minimi għall-fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u għall-operaturi tal-infrastrutturi kritiċi;

20. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Unjoni jistabbilixxu oqfsa adegwati għal sistemi ta’ skambju ta’ informazzjoni rapidi u li jmorru fiż-żewġ direzzjonijiet li se jiżguraw l-anonimità għas-settur privat u jżommu s-settur pubbliku aġġornat b'mod kostanti, u, fejn ikun meħtieġ, jagħtu għajnuna lis-settur privat;

21. Jilqa’ n-nozzjoni tal-Kummissjoni li tinħoloq kultura ta’ ġestjoni tar-riskji fir-rigward taċ-ċibersigurtà, u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jinkludu b’mod rapidu l-ġestjoni taċ-ċiberkriżijiet fil-pjanijiet tagħhom ta’ ġestjoni tal-kriżijiet u fl-analiżijiet tagħhom tar-riskji; jisieden, barra minn hekk, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinkoraġġixxu lill-atturi tas-settur privat jinkludu l-ġestjoni taċ-ċiberkriżijiet fil-pjanijiet tagħhom ta’ ġestjoni u fl-analiżijiet tagħhom tar-riskji, u jħarrġu l-persunal tagħhom fiċ-ċibersigurtà;

22. Jistieden lill-Istati Membri kollha u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistabbilixxu netwerk ta’ skwadri ta’ rispons f’emerġenza relatata mal-kompjuters (CERTs) li jiffunzjonaw tajjeb li tkun operazzjonali fuq bażi ta’ 24/7; jirrimarka li s-CERTs nazzjonali għandhom ikunu parti min-netwerk effettiv li fih tiġi skambjata informazzjoni rilevanti skont l-istandards rekwiżiti tal-fiduċja u l-kunfidenzjalità; jinnota li inizjattivi li jiġbru flimkien taħt umbrella waħda CERTs u korpi oħra rilevanti ta’ sigurtà jistgħu jservu bħala għodod utli fl-iżvilupp tal-fiduċja f’kuntest transkonfinali u trans-settorjali; jagħraf l-importanza ta' kooperazzjoni effiċjenti u effettiva bejn is-CERTs u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità;

23. Jappoġġja lill-ENISA fl-eżerċitar tad-dmirijiet tagħha fir-rigward tas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni, b’mod partikolari billi tipprovdi gwida u billi tagħti pariri lill-Istati Membri, kif ukoll billi tappoġġja l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-iżvilupp ta’ ambjent ta’ fiduċja;

24. Jenfasizza l-ħtieġa li l-industrija timplimenta rekwiżiti xierqa ta’ prestazzjoni taċ-ċibersigurtà tul il-katina tal-valur kollha kemm hi għall-prodotti tal-ICT użati fin-netwerks tat-trasport u fis-sistemi tal-informazzjoni, twettaq ġestjoni xierqa tar-riskji, tadotta standards tas-sigurtà u soluzzjonijiet, u tiżviluppa l-aħjar prattiki u l-qsim tal-informazzjoni bil-ħsieb li jiġu żgurati sistemi ċibersiguri ta’ trasportazzjoni;

Riżorsi industrijali u teknoloġiċi

25. Hu tal-fehma li l-iżgurar ta’ livell għoli ta’ sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni jwettaq rwol ċentrali fiż-żieda tal-kompetittività kemm tal-fornituri u kemm tal-utenti tas-soluzzjonijiet tas-sigurtà fl-Unjoni; iqis li filwaqt li l-industrija tas-sigurtà tal-IT fl-Unjoni għandha potenzjal importanti li mhux qed jiġi sfruttat, l-utenti privati, pubbliċi u dawk fin-negozji spiss mhumiex infurmati dwar il-kosti u l-benefiċċji ta’ investiment fiċ-ċibersigurtà u, hekk, jibqgħu vulnerabbli għal ċibertheddidiet li jagħmlu l-ħsara; jenfasizza li l-implimentazzjoni tas-CERTs hija fattur rilevanti f’dan ir-rigward;

26. Jemmen li provvista b'saħħitha ta’ soluzzjonijiet taċ-ċibersigurtà, u d-domanda għalihom, tirrikjedi investiment adegwat f’riżorsi akkademiċi, fir-riċerka u l-iżviluppu (R&Ż), u l-bini tal-għarfien u tal-kapaċità min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali involuti f’materji tal-ICT, bil-għan li jitrawmu l-innovazzjonijiet u tinħoloq kuxjenza suffiċjenti dwar ir-riskji tas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni, li jwasslu għal industrija Ewropea tas-sigurtà li ssir flimkien bi ftehim;

27. Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu “suq uniku għaċ-ċibersigurtà” li fih l-utenti u l-fornituri jistgħu jagħmlu l-aħjar użu tal-innovazzjonijiet, is-sinerġiji u l-perizja kkombinata li hemm disponibbli, u li tippermetti li jidħlu l-SMEs;

28. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkunsidraw li jagħmlu investimenti konġunti fl-industrija Ewropea taċ-ċibersigurtà, tista' tgħid bl-istess mod kif sar f'industriji oħra, bħalma hu s-settur tal-avjazzjoni;

Ċiberkriminalità

29. Iqis li l-attivitajiet kriminali fiċ-ċiberspazju jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-benesseri tas-soċjetajiet daqs offiżi fid-dinja fiżika, u li dawn is-suriet ta’ kriminalità spiss isaħħu waħda lill-oħra, kif jista' jiġi osservat, pereżempju, fl-isfruttament sesswali tat-tfal u fil-kriminalità organizzata u fil-ħasil tal-flus;

30. Jinnota li f’xi każijiet hemm konnessjoni bejn l-attivitajiet ta’ negozju leġittimi u dawk illeċiti; jenfasizza l-importanza tal-konnessjoni, li hija ffaċilitata mill-internet, bejn il-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata serja; jenfasizza li l-pubbliku għandu jintgħamel konxju tas-serjetà tal-fatt li dak li jkun jiġi involut fiċ-ċiberkriminalità, u tal-possibilità li dak li mal-ewwel daqqa t’għajn jista’ jidher li huwa att kriminali “soċjalment aċċettabbli” – bħalma hu t-tniżżil illegali ta’ films – spiss jiġġenera somom kbar ta’ flus għas-sindakati internazzjonali tal-kriminalità;

31. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-istess normi u prinċipji li japplikaw offline japplikaw ukoll online u, għalhekk, li l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità jeħtieġ li tiġi intensifikata b’leġiżlazzjoni aġġornata u kapabilitajiet operazzjonali;

32. Hu tal-fehma li, minħabba n-natura mingħajr fruntieri taċ-ċiberkriminalità, l-isforzi li jsiru, u l-perizja offruta, fil-livell ta’ Unjoni, ’il fuq mill-livell tal-Istati Membri individwali, huma partikolarment importanti, u li l-Eurojust, l-EC3 tal-Europol, is-CERTs, u l-universitajiet u ċ-ċentri tar-riċerka għandhom għalhekk jingħataw riżorsi u kapabilitajiet adegwati biex jiffunzjonaw kif jixraq bħala ċentri għall-perizja, il-kooperazzjoni u l-qsim tal-informazzjoni;

33. Jilqa’ bil-kbir l-istabbiliment tal-EC3, u jinkoraġġixxi l-iżvilupp futur ta’ din l-aġenzija u tar-rwol vitali tagħha fil-koordinament tal-iskambju transkonfinali f’waqtu u effiċjenti ta’ informazzjoni u perizja b’appoġġ għal sforzi biex tiġi pprevenuta, skoperta u investigata ċ-ċiberkriminalità;

34. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu jistgħu faċilment jaċċessaw l-informazzjoni dwar iċ-ċibertheddidiet u dwar kif għandhom jikkumbattuhom; jemmen li gwida bħal din għandha tinkludi tagħrif fuq kif l-utenti jistgħu jipproteġu l-privatezza tagħhom fuq l-internet, kif jiskopru u jirrappurtaw każijiet ta’ “grooming”, kif jinstallaw software u firewalls, kif jimmaniġġjaw passwords u kif jiskopru identifikazzjoni falza (phishing), it-taħjir (pharming) u attakki oħra;

 

35. Jinsisti li l-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni ta’ Budapest tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-ċiberkriminalità għandhom jagħmlu dan mingħajr dewmien żejjed; jilqa’ r-riflessjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ħtieġa li l-Konvenzjoni tiġi aġġornata fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi biex tiġi żgurata l-effikaċja kontinwata tagħha fl-indirizzar taċ-ċiberkriminalità, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipparteċipaw f’dan id-dibattitu; jinkoraġġixxi sforzi biex tiġi promossa r-ratifika tal-Konvenzjoni fost pajjiżi oħra, u jistieden lill-Kummissjoni tippromwoviha b’mod attiv barra mill-Unjoni;

Ċiberdifiża

36. Jenfasizza li ċ-ċibersfidi, iċ-ċibertheddidiet u ċ-ċiberattakki iqiegħdu f’riskju l-interessi tad-difiża u tas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri, u li l-approċċi ċivili u militari għall-kompitu tal-protezzjoni tal-infrastruttura kritika għandhom jimmassimizzaw il-benefiċċju għat-tnejn li huma permezz ta’ sforzi biex jintlaħqu sinerġiji;

37. Jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jintensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) bil-ħsieb li jiġu żviluppati proposti u inizjattivi għal kapabilitajiet ta’ ċiberdifiża, filwaqt li jibnu fuq inizjattivi u proġetti riċenti; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu r-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż), inkluż billi jinġabru flimkien u jiġu kondiviżi r-riżorsi;

38. Itenni li strateġija komprensiva tal-UE għaċ-ċibersigurtà għandha tqis il-valur miżjud tal-aġenziji u l-korpi eżistenti, kif ukoll il-prattiki t-tajba miġbura minn dawk l-Istati Membri li jkunu diġà daħħlu strateġiji ta’ ċibersigurtà tagħhom stess;

39. Jistieden li VP/RGħ tinkludi l-ġestjoni taċ-ċiberkriżijiet fl-ippjanar tal-ġestjoni tal-kriżijiet, u jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-EDA, jiżviluppaw pjanijiet biex jipproteġu l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK kontra ċ-ċiberattakki; jistedinhom jgħaqqdu flimkien forza Ewropea ta’ ċiberdifiża;

40. Jenfasizza l-kooperazzjoni prattika tajba man-NATO fil-qasam taċ-ċibersigurtà, u l-ħtieġa li din il-kooperazzjoni tissaħħaħ, b’mod partikolari permezz ta’ koordinazzjoni aktar mill-qrib fl-oqsma tal-ippjanar, tat-teknoloġija, tat-taħriġ u tat-tagħmir;

41. Jitlob li jsiru sforzi min-naħa tal-Unjoni biex tidħol fi skambju ma' sħab internazzjonali, inkluża n-NATO, tidentifika oqsma ta' kooperazzjoni, tevita d-duplikazzjoni u tikkumplementa l-attivitajiet, kulfejn ikun possibbli;

Politika internazzjonali

42. Jemmen li l-kooperazzjoni u d-djalogu internazzjonali jwettqu rwol essenzjali fil-ħolqien tal-fiduċja u t-trasparenza, u fil-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ netwerking u ta’ skambju ta’ informazzjoni fil-livell globali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jistabbilixxu skwadra taċ-ċiberdiplomazija, li r-responsabilitajiet tiegħu jkunu jinkludu l-promozzjoni tad-djalogu ma’ pajjiżi u organizzazzjonijiet li jkollhom l-istess mentalità; jitlob għal aktar parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-UE fil-firxa wiesgħa ta’ konferenzi internazzjonali ta’ livell għoli dwar iċ-ċibersigurtà;

43. Iqis li jeħtieġ li jinstab bilanċ bejn l-għanijiet li jinsabu f’kompetizzjoni bejniethom tat-trasferiment transkonfinali tad-dejta, tal-protezzjoni tad-dejta u taċ-ċibersigurtà, skont l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, notevolment skont il-GATS;

44. Jistieden lill-VP/RGħ tintegra b'mod ġenerali d-dimensjoni taċ-ċibersigurtà fl-azzjonijiet esterni tal-UE, b'mod speċjali fir-rigward tal-pajjiżi terzi, bil-għan li tiġi intensifikata l-kooperazzjoni, u l-iskambju tal-esperjenzi u tal-informazzjoni, dwar kif wieħed għandu jittratta ċ-ċibersigurtà;

45. Jitlob li jsiru sforzi mill-Unjoni biex tidħol fi skambju ma' sħab internazzjonali bil-għan li tidentifika oqsma ta' kooperazzjoni, tevita d-duplikazzjoni u tikkumplementa l-attivitajiet, kulfejn ikun possibbli; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni jkunu proattivi fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar kif għandhom jiġu promossi s-soluzzjonijiet u l-politiki fil-qasam ċibernetiku b’mod effikaċi;

46. Huwa tal-fehma li għandhom isiru sforzi biex jiġi żgurat li l-istrumenti ġuridiċi internazzjonali eżistenti, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità, jiġu infurzati fiċ-ċiberspazju; iqis, għalhekk, li ma hemm l-ebda ħtieġa fil-preżent li jinħolqu strumenti ġuridiċi ġodda fil-livell internazzjonali; jilqa’, madankollu, il-kooperazzjoni internazzjonali biex jiġu żviluppati normi tal-imġiba għaċ-ċiberspazju, li jappoġġja l-istat tad-dritt fiċ-ċiberspazju; iqis li għandu jiġi kkunsidrat l-aġġornament tal-istrumenti ġuridiċi eżistenti biex jirriflettu l-avvanzi li jsiru fit-teknoloġija; hu tal-fehma li l-kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni jeħtieġu diskussjoni bir-reqqa dwar is-suġġett tal-kooperazzjoni u l-prosekuzzjoni ġudizzjarji f’każijiet kriminali transnazzjonali;

47. Iqis li, b’mod partikolari, il-Grupp ta’ Ħidma bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar iċ-Ċibersigurtà u ċ-Ċiberkriminalità għandu jservi bħala strument għall-UE u l-Istati Uniti biex jiskambjaw, kulfejn ikun possibbli, l-aħjar prattiki dwar politiki ta’ ċibersigurtà; jinnota, f’dan il-kuntest, li l-oqsma marbuta maċ-ċibersigurtà, bħalma huma s-servizzi li jiddependu mill-funzjonament sigur tas-sistemi tan-netwerks u tal-informazzjoni, se jiġu inklużi fin-negozjati li se jsiru dalwaqt tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP);

48. Jinnota li l-ħiliet fiċ-ċibersigurtà, u l-kapaċità biex jiġu pprevenuti, skoperti, u miġġielda b'mod effikaċi t-theddidiet u l-attakki malizjużi, mhumiex żviluppati bl-istess mod madwar id-dinja; jenfasizza li l-isforzi li jsiru biex tiżdied iċ-ċiberreżiljenza u jiġu miġġielda ċ-ċibertheddidiet m’għandhomx ikunu limitati għas-sħab tal-istess mentalità, iżda għandhom jiġu indirizzati wkoll reġjuni li għandhom kapaċitajiet, infrastruttura teknika u oqfsa ġuridiċi anqas żviluppati; jemmen li l-koordinazzjoni tas-CERTs hija kruċjali f’din il-materja; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita – u, jekk ikun meħtieġ, tagħti għajnuna lil – l-isforzi li jsiru min-naħa ta’ pajjiżi terzi biex jibnu kapaċitajiet ta’ ċibersigurtà tagħhom proprji, bl-użu ta’ mezzi xierqa;

Implimentazzjoni

49. Jitlob li jsiru valutazzjonijiet regolari tal-effikaċja tal-istrateġiji nazzjonali taċ-ċibersigurtà fil-livell politiku l-aktar għoli, bil-għan li jiġi żgurat l-adattament għat-theddidiet globali ġodda u biex jiġi ggarantit l-istess livell ta' ċibersigurtà fi Stati Membri differenti;

50. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan direzzjonali ċar li jiddetermina l-iskedi ta’ żmien għall-objettivi li għandhom jitwettqu fil-livell ta' Unjoni taħt l-istrateġija taċ-ċibersigurtà, u għall-valutazzjonijiet tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jiftiehmu dwar pjan simili ta' twettiq għall-attivitajiet nazzjonali taħt din l-istrateġija;

51. Jitlob li jsiru rapporti regolari – mill-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-Europol u l-EC3 li għadu kif ġie stabbilit, il-Eurojust u l-ENISA – li jivvalutaw il-progress li jsir fuq l-objettivi spjegati fl-istrateġia taċ-ċibersigurtà, inklużi indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li jkejlu l-progress tal-implimentazzjoni;

52. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Europol, lill-Eurojust u lill-Kunsill tal-Ewropa.