MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-pressjoni mir-Russja fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant fil-kuntest tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant li jmiss f’Vilnius
9.9.2013 - (2013/2826(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Rebecca Harms, Werner Schulz f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0389/2013
B7‑0394/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar pressjoni mir-Russja fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant fil-kuntest tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant li jmiss f’Vilnius
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-tielet Samit tas-Sħubija tal-Lvant li se jsir f’Vilnius f’Novembru 2013,
– wara li kkunsidra l-fatt li l-Ukraina, l-Armenja, il-Ġeorġja u l-Moldova għandhom il-possibbiltà li jiffirmaw u jinizjalaw rispettivament Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni mal-Unjoni Ewropea; wara li kkunsidra b’mod partikolari l-karattru ta’ assoċjazzjoni ġdid u arrikkit inkwistjoni, li joffri relazzjoni wiesgħa u profonda mas-sħab Ewropej, u għalhekk imur ħafna lil hinn minn sempliċi benefiċċji ekonomiċi lejn relazzjonijiet politiċi u soċjali b’saħħithom,
– wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Budapest tal-1994 dwar id-diżarm nukleari fl-Ukraina, li jagħti lill-Ukraina garanziji kontra l-użu jew it-theddid ta’ forza u jipprevedi appoġġ għall-pajjiż jekk isir attentat ta' pressjoni fuqu permezz ta' koerċizzjoni ekonomika;
– wara li kkunsidra l-Att Finali ta’ Ħelsinki,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. Billi l-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni u l-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant jirrappreżentaw impenn ta' dawk li għandhom ir-rieda u li huma kapaċi jsaħħu u jsegwu b’suċċess il-kooperazzjoni bejn il-partijiet f’ħafna oqsma;
B. billi l-pressjoni li kienu soġġetti għaliha l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant li qed jagħmlu progress fit-triq lejn Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li tinkludi restrizzjonijiet kummerċjali u miżuri protettivi applikati mir-Russja, poġġiet lil dawn il-pajjiżi f’pożizzjoni prekarja li tirriżulta minn restrizzjonijiet ġeografiċi li m’għandhomx ikunu soġġetti għalihom,
C. billi t-tip ta’ pressjoni eżerċitata fuq pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, li tvarja minn aspetti ekonomiċi u politiċi attwali għat-tħabbir ta’ restrizzjonijiet ekonomiċi futuri, juri l-intenzjoni tar-Russja li tkompli tikkunsidra r-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant bħala l-isfera ta' influwenza tagħha u li topponi l-possibbiltà li dawn jintegraw aktar mal-Unjoni Ewropea permezz ta' Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni,
D. billi, minħabba l-interdipendenza li għadha b’saħħitha bejn l-ekonomiji tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u r-Russja, is-sanzjonijiet u r-restrizzjonijiet kummerċjali ta’ Moska għandhom konsegwenzi serji fil-pajjiżi kkonċernati,
E. billi l-UE u r-Russja, minkejja l-isforzi biex jiżviluppaw sħubija strateġika matul dawn l-aħħar snin, iħaddnu fehmiet konfliġġenti f’termini ta’ demokrazija, drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, hekk kif ir-Russja qed tersaq aktar ’il bogħod mill-valuri li fuqhom hija bbażata l-UE;
F. billi l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant għandhom id-dritt sovran sħiħ u l-libertà li jibnu relazzjonijiet bħala sħab ugwali ma’ pajjiżi tal-għażla tagħhom, b’konformità mal-Att Finali ta’ Ħelsinki,
G. billi issa aktar minn qatt qabel jeħtieġ li tingħata attenzjoni xierqa lill-pressjoni li qed tiżdied fil-Viċinat tal-Lvant tal-UE u lill-proġett tas-Sħubija tal-Lvant innifsu, li qed jiġi sfidat u qed jitpoġġa f’dubju fil-prattika mir-Russja;
F. billi r-Russja għandha f’idejha s-soluzzjoni għal konflitti ffriżati; billi din is-setgħa qed tintuża b'mod ripetut biex iddgħajjef jew timminimizza s-sovranità sħiħa ta' xi pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, skont l-interessi ġeopolitiċi u ekonomiċi ta' Moska,
1. Ifakkar li l-prinċipji ta’ ugwaljanza u r-rispett għad-drittijiet inerenti fis-sovranità, in-nuqqas ta’ azzjoni f’affarijiet interni, il-kooperazzjoni tajba bejn l-istati u s-sodisfazzjon in bona fide tal-obbligi skont id-dritt internazzjonali kif miftiehem fil-qafas tal-Ftehimiet ta’ Ħelsinki huma prinċipji fundamentali li jirregolaw ir-relazzjonijiet internazzjonali fost stati indipendenti, u bħala tali, bl-ebda mod m’għandhom jiġu miksura;
2. Jiddeplora l-fatt li hekk kif qed joqrob is-Samit tas-Sħubija tal-Lvant ta' Vilnius, qed jiżdiedu t-tipi differenti ta' pressjoni fuq pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant li laħqu l-aħħar stadju ta' negozjar tal-iffirmar jew l-inizjalizzazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni tagħhom; jikkunsidra din il-pressjoni bħala inaċċettabbli u jitlob lir-Russja ma tieħu l-ebda azzjoni li ma tkunx konformi mal-prinċipji ta' Ħelsinki msemmija hawn fuq;
3. Jenfasizza bil-qawwa l-fatt li l-għażliet liberi tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, li bl-ebda mod ma jħallu impatt negattiv fuq il-kummerċ mar-Russja, m’għandhomx iġiegħluhom ibatu konsegwenzi bħal miżuri kummerċjali, restrizzjonijiet tal-viża, restrizzjonijiet fuq il-mobilità tal-ħaddiema, u l-interferenza f’konflitti ffriżati;
4. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex iqisu l-iżviluppi li ta’ min jikkundannhom bħala żviluppi li jmorru lil hinn mid-dimensjoni purament kummerċjali, li hija sempliċiment skuża għal pressjoni politika sfaċċata, u biex jieħdu azzjoni sabiex jiddefendu s-sħab tal-Unjoni billi jibagħtu messaġġ ta’ appoġġ qawwi lill-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant favur l-aspirazzjonijiet u l-għażliet Ewropej tagħhom;
5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, fl-istess ħin, biex jerġgħu jiċċaraw il-fatt lil Moska li l-iżvilupp tal-proġett tas-Sħubija tal-Lvant mhuwiex immirat biex jagħmel ħsara lir-relazzjonijiet bejn dawn il-pajjiżi u l-Federazzjoni Russa, u jistieden lill-Kummissjoni biex f’dan ir-rigward tagħmel kull sforz sabiex telimina u tegħleb kull ostakolu sabiex il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni l-ġodda ma jkollhomx impatt negattiv fuq il-pajjiżi sħab fir-relazzjonijiet attwali tagħhom mar-Russja;
6. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jadottaw miżuri ekonomiċi u finanzjarji konkreti li jgħinu fl-istabbilizzazzjoni tal-ekonomiji ta’ dawn il-pajjiżi kontra l-pressjoni finanzjarja u ekonomika mistennija u li diġà tħabbret mir-Russja wara l-finalizzazzjoni possibbli tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni f'Vilnius;
7. Jistieden lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant ikomplu jżidu l-isforzi tagħhom biex itemmu d-diffikultajiet attwali tagħhom hekk kif qed joqrob is-Samit tas-Sħubija tal-Lvant li se jsir f’Vilnius, u biex ma jċedux għall-pressjoni li qed tiġi eżerċitata fuqhom;
8. Jenfasizza l-fatt li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill għall-Affarijiet Barranin bl-għan li potenzjalment jiġu ffirmati l-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni għandhom jiġu ssodisfati, speċjalment fejn għandhom x'jaqsmu l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;
9. Ifakkar li l-offerta u n-negozjar ta’ Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni mas-Sħab Ewropej tal-Lvant tagħna esponewhom għall-pressjoni miftuħa, allarmanti u li dejjem qed tintensifika min-naħa tar-Russja, maħsuba biex ittellifhom milli jidħlu f’assoċjazzjoni mal-UE, u dan joħloq ir-responsabbiltà għall-UE li tinvolvihom u tagħtihom appoġġ;
10. Jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiżviluppaw fuq perjodu qasir u jniedu kampanja ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni tal-pubbliku wiesgħa fil-pajjiżi sħab konċernati dwar in-natura, il-benefiċċji u r-rekwiżiti tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lis-SEAE, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-Presidenti, lill-Prim Ministri u l-Parlamenti tal-Armenja, l-Azerbaijġan, il-Bjelorussja, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina u tal-Federazzjoni Russa.