Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0411/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0411/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kriżi fl-Eġittu

10.9.2013 - (2013/2802(RSP))

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Charles Tannock, Adam Bielan, Sajjad Karim f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0411/2013

Proċedura : 2013/2820(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0411/2013
Testi mressqa :
B7-0411/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0411/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi fl-Eġittu

(2013/2802(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu, b'mod partikolari dik tal-4 ta' Lulju 2013[1],

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar ir-Rebbiegħa Għarbija tat-8 ta’ Frar 2013,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin dwar l-Eġittu tas-27 ta’ Frar, il-25 ta’ Ġunju 2013 u t-8 ta’ Frar 2013, u dwar l-appoġġ tal-UE għal bidla sostenibbli fis-soċjetajiet ta' tranżizzjoni tal-31 ta' Jannar 2013,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu tat-3 ta' Lulju 2013 u dwar id-demostrazzjonijiet pjanati fl-Eġittu għall-ewwel anniversarju tal-mandat tal-President Morsi tat-28 ta' Ġunju 2013,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew, Martin Schulz, dwar l-ikkundannar ta' 43 ħaddiem ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-Eġittu fis-6 ta' Ġunju 2013, id-dikjarazzjoni konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-UE, Catherine Ashton, u tal-Kummissarju Štefan Füle dwar il-verdetti tal-proċess tal-5 ta' Ġunju 2013, u d-dikjarazzjoni mill-kelliem tar-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, dwar il-liġi ġdida dwar l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-Eġittu tat-2 ta' Ġunju 2013,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Eġittu tal-2001, li daħal fis-seħħ fl-2004, imsaħħaħ mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-2007, u r-rapport ta’ progress tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Marzu 2013 dwar l-implimentazzjoni tiegħu,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Eġittu huwa firmatarju tiegħu,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni magħmula mill-Ġeneral Abdul Fatah Khalil Al-Sisi, President tal-Kunsill Suprem tal-Forzi Armati tal-Eġittu, fl-1 ta' Lulju 2013 u l-pjan direzzjonali preżentat mill-Moviment is-6 ta' April,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar l-abbozz ta' leġiżlazzjoni dwar is-soċjetà ċivili fl-Eġittu tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-8 ta' Mejju 2013 u dik tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tas-5 ta' Ġunju 2013,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni interim tal-abbozz ta' liġi dwar l-organizzazzjonijiet tal-ħidma ċivili tal-Eġittu adottata mill-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija Permezz tal-Liġi (il-Kummissjoni ta' Venezja) fil-95 Sessjoni Plenarja tagħha tal-14 u l-15 ta' Ġunju 2013,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-40 organizzazzjoni tas-soċjetà Eġizzjana tat-30 ta' Mejju 2013,

–   wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "Kooperazzjoni tal-UE mal-Eġittu fil-Qasam tal-Governanza" tat-18 ta’ Ġunju 2013,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi diversi miljuni nies ħarġu jipprotestaw fit-toroq fil-Kajr u fl-Eġittu kollu fis-sajf; billi kien hemm numru ta' inkontri vjolenti bejn il-gvern militari tal-Eġittu u dawk leali għall-ex President Morsi; billi għadd stmat ta' 850 persuna mietet u oħrajn indarbu bħala riżultat tal-inkontri vjolenti, inkluż il-cameraman Brittaniku, Mick Deane, li ħadem għal Sky News u l-adoloxxenti Brittanika, Deqa Hassan, li tilfet sieqha f'attakk suspettat suwiċida fil-Kajr; billi eluf ta' persuni kellhom bżonn trattament mediku għal ġrieħi;

B.  billi l-Eġittu għadu f'perjodu diffiċli ta' tranżizzjoni ġenwina lejn id-demokrazija; billi l-pajjiż qiegħed iħabbat wiċċu ma' sfidi fundamentali fl-oqsma tal-Istat tad-dritt, tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali, u tal-ġustizzja soċjali;

C. billi fl-14 ta' Awwissu 2013 il-kabinett interim iddikkjara stat ta' emerġenza fl-Eġittu u daħħal kerfju kwotidjan f'ħafna bliet Eġizzjani, inkluż il-Kajr, mis-19.00 sas-6.00; billi fl-24 ta' Awwissu 2013 dan il-kerfju tqassar għall-ħin bejn id-21.00 u s-6.00, u billi minn dakinhar 'l hawn tnaqqas iktar għall-ħin bejn il-23.00 u s-6.00 bħala sinjal ta' sitwazzjoni mtejba ta' sigurtà;

D. billi hi l-idea ta' ħafna li l-mexxejja tal-Fraternità Musulmana ma tawx istruzzjonijiet lill-fergħat politiċi tagħhom biex ma jużawx il-vjolenza fuq il-pulizija u l-armata u ma mexxewx l-Eġittu lejn demokrazija ġenwina;

E.  billi l-komunità tal-Kristjani Koptiċi kienet mira partikolari waqt ġlied riċenti; billi fix-xhur tas-sajf it-tensjoni politika żdiedet bjen il-Fraternità Musulmana u l-komunitajiet Kristjani fl-Eġittu; billi kien hemm numru ta' sparar u attakki premeditati li mmiraw il-Kristjani Eġizzjani u l-knejjes tagħhom;

F.  billi l-Eġittu qed jiffaċċja diffikultajiet ekonomiċi kontinwi, peress li mhux megħjun mill-għeluq temporanju ta' numru ta' destinazzjonijiet turistiċi popolari; billi l-prosperità ekonomika fil-pajjiż teħtieġ stabbiltà politika, politiki ekonomiċi sodi, azzjoni biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni u appoġġ internazzjonali; billi l-ġustizzja soċjali u livell ta' għajxien ogħla għaċ-ċittadini huma dimensjonijiet kruċjali tat-tranżizzjoni lejn soċjetà Eġizzjana mifuħa, stabbli, demokratika, libera u prospera;

1.  Jikkundanna bl-iktar mod qawwi l-vjolenza li ntużat min-naħat kollha matul ix-xhur tas-sajf fl-Eġittu kollu; jesprimi s-solidarjetà tiegħu għall-poplu Eġizzjan u l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi;

2.  Jenfasizza l-urġenza tal-ħtieġa għal rikonċiljazzjoni nazzjonali, li tinvolvi wkoll sforzi veri mill-mexxejja Eġizzjani biex ikunu parti kostruttiva minn tranżizzjoni għal demokrazija ġenwina li tappoġġja l-paċi u li tinkludi ċ-ċittadini kollha; iħeġġeġ lil dawk f'pożizzjoni ta' mexxejja jirriflettu dwar il-lezzjonijiet li tgħallmu mill-gvernijiet Eġizzjani preċedenti, partikolarment dak tal-ex President Morsi;

3.  Jistieden lill-Gvern Eġizzjan jissalvagwardja s-sigurtà taċ-ċittadini kollha , irrispettivament mill-fehmiet u l-affiljazzjonijiet politiċi u reliġjużi tagħhom; jistieden lill-Gvern Eġizzjan jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, jipproteġi l-libertajiet ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni, u jonora u jissodisfa l-obbligi internazzjonali tiegħu; jistieden lill-partijiet kollha jaġixxu b’mod responsabbli bil-għan li jiġu evitati azzjonijiet vjolenti u provokazzjonijiet li jistgħu jxekklu u jostakolaw id-dritt leġittimu tal-poplu li jagħmel protesti paċifiċi, li fihom jesprimi r-rieda u l-opinjoni tiegħu liberament;

4.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li s-sitwazzjoni deterjoranti fil-Peninsula Sinai u ż-żieda fl-attakki mill-gruppi militanti – inkluż l-attakk tad-19 ta' Awwissu 2013 li fih mill-inqas 24 pulizija Eġizzjan inqatlu bla telf ta' ħin – jista' jkollhom implikazzjonijiet serji għall-Eġittu, il-Lvant Nofsani u r-reġjun usa';

5.  Jiddikjara li l-mexxejja tal-Eġittu jridu jkunu lesti jikkonsultaw iċ-ċittadini biex jirriformaw il-Kostituzzjoni ġdida tal-Eġittu, u jħeġġeġ lill-mexxejja tal-Eġittu jagħmlu referendum dwar din il-Kostituzzjoni l-ġdida; jistenna li wara jkun hemm elezzjonijiet parlamentari liberi u ġusti; itenni li dawk f'pożizzjoni ta' mexxejja jirriflettu dwar il-lezzjonijiet li tgħallmu mill-gvernijiet Eġizzjani preċedenti;

6.  Jitlob lill-mexxeja tal-Eġittu jindirizzaw l-instabilità ekonomika b'mod paralleli mal-instabilità politika; hu tal-fehma li l-mexxejja tal-Eġittu jridu jrendu riforma ekonomika, u li hu essenzjali li l-mexxejja Eġizzjani jaħdmu biex jistabbilixxu l-istabilità demokratika fl-Eġittu sabiex jistabbilixxu mill-ġdid l-ekonomija turistika tal-Eġittu;

7.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jipprovdu appoġġ u assistenza teknika lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi Eġizzjani u jaħdmu flimkien magħhom biex isaħħu s-sensibilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, il-kultura ta' azzjoni ċivili u l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiż, li kollha kemm huma huma elementi kruċjali f'demokrazija profonda u sostenibbli;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Parlament u l-Ġvern tal-Eġittu.