Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0412/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0412/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu

10.9.2013 - (2013/2820(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Véronique De Keyser, Libor Rouček, Pino Arlacchi, Saïd El Khadraoui, Ana Gomes, Maria Eleni Koppa, María Muñiz De Urquiza, Raimon Obiols, Pier Antonio Panzeri, Joanna Senyszyn, Boris Zala f’isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0411/2013

Proċedura : 2013/2820(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0412/2013
Testi mressqa :
B7-0412/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0412/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu

(2013/2820(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu, b'mod partikolari dik tal-4 ta' Lulju 2013 dwar il-kriżi fl-Eġittu[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2013 dwar l-irkupru tal-assi mill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fi tranżizzjoni[2],

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Awwissu u tat-22 ta' Lulju 2013 dwar l-Eġittu,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-18 ta' Awwissu 2013 dwar l-Eġittu tal-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy, u tal-President tal-Kummissjoni, José Manuel Barroso,

–   wara li kkunsidra l-kummenti tar-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, wara l-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-Eġittu tal-21 ta' Awwissu 2013, id-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli dwar is-sitwazzjoni u l-iżviluppi fl-Eġittu tal-14 u tas-16 ta' Awwissu u tat-3, is-7, it-8, l-14, is-16, is-17, is-27 u t-30 ta' Lulju 2013, kif ukoll id-dikjarazzjoni konġunta tas-7 ta' Awwissu 2013 dwar l-Eġittu tar-Rappreżentant Għoli u tas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti, John Kerry,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju tal-2001 li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra, li daħal fis-seħħ fl-2004,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kopresidenti tal-laqgħa tat-Task Force UE-Eġittu tal-14 ta' Novembru 2012,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Kostituzzjonali tal-Eġittu tat-8 ta' Lulju 2013,

–   wara li kkunsidra l-"Programm ta' Appoġġ għat-Triq Lejn id-Demokrazija" tal-Gvern interim tal-Eġittu,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Eġittu huwa firmatarju tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Eġittu huwa ġar importanti tal-Unjoni fin-Nofsinhar tal-Mediterran; billi t-tranżizzjoni demokratika inizjali fil-pajjiż ma rnexxietx s'issa; billi l-Eġittu qed jaffaċċja vjolenza mifruxa u bidliet fundamentali fl-oqsma tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; billi t-tensjonijiet politiċi aggravaw id-diviżjonijiet interni fis-soċjetà Eġizzjana;

B.  billi fit-30 ta' Ġunju 2013 miljuni ta' Eġizzjani niżlu fit-toroq fil-Kajr u madwar il-pajjiż biex jipprotestaw b'mod paċifiku u talbu r-riżenja tal-ewwel president tal-pajjiż elett liberament, Mohamed Morsi, li naqas milli jissodisfa l-aspirazzjonijiet demokratiċi tagħhom; billi nqatlu u ndarbu għadd kbir ta' nies fit-trażżin ta' dawn id-dimostrazzjonijiet;

C. billi fit-3 ta' Lulju 2013, f'kolp ta' stat militari, il-Ġeneral Abdul Fatah al-Sisi, il-kap tal-forzi armati Eġizzjani, ħabbar li l-President Morsi tneħħa mill-kariga; billi fl-4 ta' Lulju Adly Mansour, il-kap tal-Qorti Kostituzzjonali Suprema, ħa l-ġurament bħala l-President interim tal-pajjiż; billi l-President interim xolja l-kamra għolja tal-Parlament fil-5 ta' Lulju, ħareġ dikjarazzjoni kostituzzjonali fit-8 ta' Lulju, u fid-9 ta' Lulju ħatar lil Mohamed El Baradei bħala Viċi President u lil Hazem El Beblawi bħala aġent Prim Ministru;

D. billi t-tensjonijiet politiċi għadhom qed jikkaġunaw ġlied vjolenti fl-Eġittu, li wassal biex mietu aktar minn 1 000 ruħ filwaqt li ħafna aktar indarbu mill-bidu ta' Lulju 2013; billi fl-14 ta' Awwissu l-armata u l-pulizija Eġizzjani sfrattaw żewġ sit-ins ta' partitarji tal-ex President Morsi u tal-Fratellanza Musulmana fl-intersezzjoni ta' Rabaa u fi Pjazza Nahda fil-Kajr, u dan wassal għall-mewt ta' mijiet ta' dimostranti kif ukoll ta' għexieren ta' pulizija u għar-riżenja tal-Viċi President El Baradei; billi, fl-istess jum, il-President interim iddikjara stat ta' emerġenza ta' xahar fil-pajjiż;

E.  billi fil-"Programm ta' Appoġġ għat-Triq Lejn id-Demokrazija" tiegħu, il-Gvern interim afferma l-impenn tiegħu li "jaħdem kemm fil-livell politiku kif ukoll f'dak soċjali favur il-bini ta' sistema demokratika, li tiggarantixxi d-drittijiet u l-libertajiet tal-Eġizzjani kollha", kif ukoll favur "l-ikkompletar tal-pjan direzzjonali skont id-Dikjarazzjoni Kostituzzjonali filwaqt li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa tal-atturi politiċi kollha", u filwaqt li "jsir referendum dwar il-kostituzzjoni ġdida, u warajh isiru elezzjonijiet presidenzjali ħielsa u ġusti fi żmien debitu skont ir-regoli leġiżlattivi kollha"; billi l-parteċipazzjoni tal-forzi u l-atturi politiċi kollha, inkluża l-Fratellanza Musulmana, hija essenzjali f'dan il-proċess; billi, madankollu, il-Fratellanza Musulmana rrifjutat li tingħaqad ma' dan il-proċess u bosta mill-mexxejja tagħha għamlu dikjarazzjonijiet li jinċitaw għall-vjolenza kontra l-awtoritajiet tal-istat u l-forzi tas-sigurtà;

F.  billi l-ex President Morsi ilu detenut mit-3 ta' Lulju 2013 u għandu jittella' l-qorti mill-prosekutur pubbliku tal-pajjiż, flimkien ma' 14-il persuna oħra, inklużi esponenti ewlenin tal-Fratellanza Musulmana, fuq akkużi ta' inċitament għall-qtil u l-vjolenza; billi, fit-3 ta' Settembru, qorti militari qatgħet sentenza ta' għomor il-ħabs għal partitarju tal-ex President Morsi għal vjolenza kontra l-armata, filwaqt li tliet partitarji tiegħu intbagħtu l-ħabs għal 15-il sena u 45 oħra ntbagħtu l-ħabs għal ħames snin minħabba sparar u vjolenza kontra l-armata; billi ħafna membri tal-Fratellanza Musulmana ġew arrestati, fosthom il-biċċa l-kbira tal-mexxejja tagħha, u issa qed jistennew li jibda l-proċess; billi l-ex dittatur Hosni Mubarak inħeles mill-ħabs fit-22 ta' Awwissu u ilu taħt arrest domiċiljari minn dakinhar 'l hawn;

G. billi, b'riżultat tal-instabbiltà u n-nuqqas ta' sigurtà fil-pajjiż, qed jiżdiedu l-azzjonijiet terroristiċi mill-gruppi militanti fl-Eġittu, f'mod partikolari fis-Sinai, fosthom il-qtil ta' 25 pulizija li ma kinux xogħol fit-Tramuntana tas-Sinai fid-19 ta' Awwissu 2013;

H. billi proċess politiku inklużiv ibbażat fuq djalogu nazzjonali veru, bil-parteċipazzjoni sinifikattiva tal-forzi u l-atturi politiċi demokratiċi kollha, huwa l-uniku mod biex jingħelbu d-diviżjonijiet u t-tensjonijiet politiċi u soċjali attwali bl-għan li tinħoloq demokrazija profonda u sostenibbli fl-Eġittu;

I.   billi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, iżda anke l-ġustizzja soċjali u standard ogħla tal-għajxien għaċ-ċittadini, huma dimensjonijiet kruċjali tat-tranżizzjoni lejn soċjetà Eġizzjana miftuħa, ħielsa, demokratika, stabbli u prospera; billi l-Eġittu qed jaffaċċja diffikultajiet ekonomiċi serji; billi l-prosperità ekonomika fil-pajjiż teħtieġ stabbiltà politika, politiki ekonomiċi sodi, azzjoni biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni u appoġġ internazzjonali;

J.   billi n-nisa huma f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli fil-perjodu ta' tranżizzjoni attwali fl-Eġittu; billi, skont rapporti ta' organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem Eġizzjani u internazzjonali, id-dimostranti nisa għadhom soġġetti għall-vjolenza, l-attakki sesswali u forom oħra ta' trattament degradanti mill-forzi tas-sigurtà;

K. billi t-trade unions indipendenti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol kruċjali x'jiżvolġu f'dan il-perjodu kritiku ta' tranżizzjoni politika u soċjali fl-Eġittu; billi stampa u midja ħielsa u indipendenti jikkostitwixxu parti ewlenija tas-soċjetà f'demokrazija vera; billi l-qrati Eġizzjani reċentement ordnaw l-għeluq ta' diversi stazzjonijiet tat-televiżjoni mmexxija mill-Fratellanza Musulmana jew qribha, u dan imur kontra l-libertà tal-midja u d-dritt għall-informazzjoni;

L.  billi, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar l-Eġittu tat-22 ta' Lulju 2013, il-Kunsill Affarijiet Barranin iddikjara li "l-forzi armati m'għandhomx jiżvolġu rwol politiku f'demokrazija" u li "jridu jaċċettaw u jirrispettaw l-awtorità kostituzzjonali tas-setgħa ċivili bħala prinċipju bażiku tal-governanza demokratika";

M. billi, fil-perjodu finanzjarju 2007-2013, l-UE qiegħdet għad-dispożizzjoni aktar minn EUR 1 biljun għall-Eġittu permezz tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija; billi l-programmi li qed jiġu implimentati attwalment jammontaw għal bejn wieħed u ieħor EUR 892 miljun, b'livelli ta' żborż li qed jonqsu (fl-2013 EUR 16-il miljun biss kienu tħallsu sa tmiem Awwissu minħabba l-instabbiltà kontinwa u n-nonkonformità mal-kundizzjonijiet miftiehma); billi mill-2012 'l hawn ma ġie approvat ebda programm ġdid ta' appoġġ baġitarju għall-Eġittu minħabba n-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' riformi; billi fil-laqgħa ta' Novembru 2012 tat-Task Force UE-Eġittu, twiegħdet somma ta' kważi EUR 5 biljun mill-Unjoni u minn istituzzjonijiet finanzjarji assoċjati (il-BEI u l-BERŻ) bħala pakkett ġenerali addizzjonali ta' għajnuna fit-tul għall-Eġittu;

N. billi fil-konklużjonijiet tiegħu dwar l-Eġittu tal-21 ta' Awwissu 2013 il-Kunsill Affarijiet Barranin inkariga lir-Rappreżentant Għoli, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, bir-rieżami tal-kwistjoni tal-għajnuna tal-UE lill-Eġittu permezz tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, abbażi tal-impenn tal-Eġittu favur il-prinċipji li jsejsuhom; billi l-Istati Membri ddeċidew li jissospendu l-liċenzji ta' esportazzjoni lejn l-Eġittu għal kwalunkwe tagħmir li jista' jintuża għat-trażżin intern, li jirrivalutaw il-liċenzji ta' esportazzjoni għal tagħmir militari ieħor, u li jirrieżaminaw l-għajnuna tagħhom lill-Eġittu fil-qasam tas-sigurtà;

O. billi sħubija mas-soċjetajiet, approċċ ibbażat fuq l-inċentivi u l-prinċipju ta' "aktar għal aktar", u possibbilment "anqas għal anqas", huma pedamenti tal-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta tal-UE; billi l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu jiddikjara li "r-relazzjonijiet bejn il-Partijiet, kif ukoll id-dispożizzjonijiet kollha tal-Ftehim innifsu, għandhom ikunu msejsa fuq ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li jiggwida l-politika interna u internazzjonali tagħhom u jikkostitwixxi element essenzjali ta' dan il-Ftehim";

1.  Jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar l-iżviluppi politiċi fl-Eġittu; jiddeplora l-kolp ta' stat militari tat-3 ta' Lulju 2013, segwit mit-trasferiment tas-setgħa lil President interim u aġent Prim Ministru; jemmen li l-uniku mod biex tinbena demokrazija profonda u sostenibbli fl-Eġittu huwa permezz ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali u ta' proċess politiku inklużiv, bil-parteċipazzjoni tal-forzi u l-atturi politiċi demokratiċi kollha, proċess li għandu jwassal mill-aktar fis possibbli għall-adozzjoni ta' kostituzzjoni ġdida permezz ta' referendum, għal elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari ħielsa u ġusti, għal gvern immexxi miċ-ċivili elett demokratikament, u għall-ħelsien tad-detenuti politiċi kollha; iħeġġeġ lill-forzi u lill-atturi politiċi kollha fl-Eġittu biex jieħdu sehem, u jiżvolġu rwol kostruttiv, f'dan il-proċess;

2.  Jikkundanna l-użu sproporzjonat tal-forza mill-forzi tas-sigurtà kontra d-dimostranti, b'mod partikolari matul l-isfrattar tas-sit-ins ta' Rabaa u ta' Pjazza Nahda; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji ta' dawk kollha li tilfu ħajjithom fl-inċidenti reċenti; jitlob li jsiru investigazzjonijiet imparzjali u kredibbli dwar dawn l-avvenimenti u li dawk responsabbli jwieġbu għall-azzjonijiet tagħhom; jinnota t-tħabbira reċenti mill-aġent Prim Ministru El Beblawy li se jitwaqqaf kumitat indipendenti magħmul minn esponenti pubbliċi biex jinvestiga l-isfrattar tas-sit-ins ta’ Rabaa u ta’ Pjazza Nahda;

3.  Iħeġġeġ lill-atturi politiċi u l-forzi tas-sigurtà kollha biex jeżerċitaw l-akbar moderazzjoni u jevitaw il-provokazzjoni, bl-għan li tiġi evitata aktar vjolenza fl-aħjar interessi tal-pajjiż; ifakkar lill-President interim, lill-Gvern interim u lill-armata Eġizzjana fl-obbligu tagħhom li jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini kollha fil-pajjiż irrispettivament mill-affiljazzjoni u l-fehmiet politiċi tagħhom; jikkundanna l-atti kollha ta' terroriżmu, inċitament, vjolenza u diskors ta' mibegħda; iħeġġeġ lill-Fratellanza Musulmana tikkontribwixxi għall-isforzi ta' rikonċiljazzjoni; jitlob ir-revoka tal-istat ta' emerġenza bla dewmien;

4.  Jisteiden lill-Gvern interim biex jipproteġi u jippromwovi r-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inklużi l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika, il-libertajiet tal-espressjoni u tal-kelma, il-libertà tal-midja, il-libertà tar-reliġjon, tal-kuxjenza u tal-ħsieb, u r-rispett tad-drittijiet tan-nisa, u biex jiżgura d-dritt ta' proċess ġust għal kulħadd, il-protezzjoni tal-minoranzi, u n-nondiskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali; jemmen li kwalunkwe projbizzjoni, esklużjoni jew prosekuzzjoni kontra forza politika demokratika jew attur politiku demokratiku fl-Eġittu tkun qed tirrepeti żbalji li saru fl-imgħoddi u twassal biss għal żieda tar-radikaliżmu;

5.  Jitlob li jintemmu minnufih l-atti kollha ta' vjolenza, l-attakki sesswali u forom oħra ta' trattament degradanti kontra d-dimostranti nisa u l-attivisti għad-drittijiet tan-nisa, li jsiru investigazzjonijiet serji u imparzjali dwar il-każijiet kollha bħal dawn, u biex dawk responsabbli jiġu kkastigati;

6.  Jisħaq darb'oħra fuq l-importanza tal-kontribut tas-soċjetà ċivili, tat-trade unions u tal-midja fil-bini ta' demokrazija profonda u sostenibbli fl-Eġittu; jistieden lill-Gvern interim jiggarantixxi li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili domestiċi u internazzjonali, it-trade unions u l-ġurnalisti indipendenti jistgħu joperaw liberament, mingħajr indħil mill-Gvern, fil-pajjiż; jappoġġa d-deċiżjoni tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-21 ta' Awwissu 2013 li, fid-dawl tal-impatt negattiv tas-sitwazzjoni ekonomika fuq il-gruppi l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà Eġizzjana, l-għajnuna tal-UE fis-settur soċjoekonomiku u lis-soċjetà ċivili se tkompli;

7.  Jikkundanna l-azzjonijiet reċenti ta' vjolenza kontra l-komunità Kopta, inkluża d-distruzzjoni ta' għadd ta' knejjes u ċentri tal-komunità madwar il-pajjiż; iħeġġeġ lill-Gvern Eġizzjan jiżgura li din il-komunità tista' tkompli tkun parti importanti min-nisġa soċjali tal-Eġittu u li terġa' tiġi għal li kienet malajr il-koeżistenza paċifika ma' komunitajiet reliġjużi oħra;

8.  Iħeġġeġ lill-Unjoni tqis kemm il-prinċipju ta' kundizzjonalità ("aktar għal aktar", u possibbilment "anqas għal anqas") u l-isfidi ekonomiċi serji li l-Eġittu qed jaffaċċja fir-relazzjonijiet bilaterali tagħha mal-pajjiż u fl-appoġġ finanzjarju lill-pajjiż; jilqa' d-deċiżjoni reċenti tal-Kunsill Affarijiet Barranin li jissospendi l-liċenzji ta' esportazzjoni lejn l-Eġittu għal kwalunkwe tagħmir li jista' jintuża għal trażżin intern;

9.  Jilqa' u jappoġġa l-isforzi ta' medjazzjoni bejn il-partijiet tar-Rappreżentant Għoli / Viċi President, Catherine Ashton, u tar-Rappreżentant Speċjali, Bernardino León, bl-għan li tiġi nnegozjata soluzzjoni għall-kriżi politika attwali fl-Eġittu, u jħeġġiġhom ikomplu fit-triq ta' djalogu proattiv u kostruttiv bl-għan li l-pajjiż jiġi megħjun fil-proċess ta' rikonċiljazzjoni;

10. Jieħu nota tal-konklużjonijiet tar-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tat-18 ta' Ġunju 2013 dwar "Kooperazzjoni tal-UE mal-Eġittu fil-Qasam tal-Governanza", u jitlob li tittieħed azzjoni biex jiġu żgurati aktar trasparenza u responsabbiltà fir-rigward tal-mod li bih jintefqu l-fondi tal-UE fl-Eġittu, b'kunsiderazzjoni speċjali għal proġetti li jippromwovu s-soċjetà ċivili u li jipproteġu l-minoranzi u d-drittijiet tan-nisa;

11. Itenni t-talba tiegħu li jiġi stabbilit bla dewmien mekkaniżmu tal-UE biex tingħata għajnuna legali u teknika lill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fil-proċess ta' rkupru tal-assi, kif imsemmi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2013 iżda li ġie pospost minħabba l-inkwiet fl-Eġittu; jenfasizza darb'oħra li l-faċilitazzjoni tar-radd tal-assi misruqa mill-ex dittaturi u r-reġimi tagħhom hija obbligu morali għall-UE; jemmen li l-irkupru tal-assi huwa kwistjoni politika ferm minħabba l-valur simboliku tiegħu u jista' jagħti kontribut kbir biex terġa' tiddaħħal ir-responsabbiltà, tinħoloq l-istabbiltà u jinbnew istituzzjonijiet sodi fl-ispirtu tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-pajjiżi sħab ikkonċernati;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli / Viċi President, lill-Parlamenti u lill-Gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President interim u lill-Gvern interim tal-Eġittu.