Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0414/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0414/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu

10.9.2013 - (2013/2820(RSP))

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Cristian Dan Preda, Tokia Saïfi, Jerzy Buzek, Tunne Kelam, Jean Roatta, Roberta Angelilli, Francisco José Millán Mon, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Arnaud Danjean, Hans-Gert Pöttering, Anne Delvaux, Jacek Protasiewicz, Elisabeth Jeggle, Bernd Posselt, Salvatore Iacolino, Giovanni La Via f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0411/2013

Proċedura : 2013/2820(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0414/2013
Testi mressqa :
B7-0414/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0414/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu

(2013/2820(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton tal-14 ta' Awissu 2013 u d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti John Kerry u r-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton tas-7 ta’ Awwissu 2013 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Eġittu wara l-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE tal-21 ta' Awwissu 2013,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi n-nuqqas min-naħa tal-gvern ta' Morsi biex iwettaq il-wegħdiet ekonomiċi, biex iqis it-tħassib leġittimu tal-forzi demokratiċi kollha tas-soċjetà Eġizzjana u biex jimplimenta tranżizzjoni demokratika mitluba mill-popolazzjoni għal dawn l-aħħar sentejn wassal għal żieda fil-polarizzazzjoni politika, dimostrazzjonijiet tal-massa fejn il-President Morsi ntalab jirriżenja u ġlied vjolenti;

B.  billi fit-3 ta' Awissu 2013 il-militari neħħew lill-President Morsi mill-kariga u arrestawh minħabba akkużi ta’ inċitament għall-vjolenza;

C. billi l-gvern interim iddikjara stat ta’ emerġenza, billi l-medjazzjoni tal-UE u dik internazzjonali s’issa ma rnexxilietx tistabbilixxi djalogu politiki inklużiv u billi komplew il-protesti, il-ġlied u l-arresti;

1.  Jesprimi s-solidarjetà kbira tiegħu għall-poplu Eġizzjan u l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi ta’ ġlied u vjolenza;

2.  Jikkundanna l-użu sproporzjonat tal-forza u jiddispjaċih dwar it-telfa traġika tal-ħajja umana; jitlob lill-Gvern tal-Eġittu jiżgura li l-forzi tas-sigurtà jistabbilixxu proċeduri ta’ riezami intern adegwati, sabiex ir-responsabbiltajiet għall-użu eċċessiv tal-forza jistgħu jiġu żgurati; jitlob li strettament, fil-futur, il-Fraternità Musulmana ma timpenja ruħha fl-ebda forma ta’ vjolenza u biex tappoġġa proċedimenti ġuridiċi kontra dawk tal-mexxejja tagħha li talbu li tintuża l-vjolenza, filwaqt li tirrispetta l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt;

3.  Jiddeplora fl-istess waqt il-fatt li t-tmexxija tal-Fraternità Musulmana naqset milli tagħti istruzzjonijiet ċari lis-sostenituri tagħha biex iżommu lura minn kwalunkwe forma ta’ vjolenza kontra l-armata u l-pulizija u dawk maħsuba li kienu avversarji politiċi, b’mod partikolari l-komunità Kopta tal-Eġittu; jiddeplora l-fatt li t-tmexxija tal-Fraternità Musulmana ma pprevenietx dawk l-attakki u kkundannathom tard wisq;

4.  Jitlob lill-awtoritajiet Eġizzjani, sabiex joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal proċess politiku inklużiv, biex jintemm l-istat ta’ emerġenza mill-iktar fis possibbli, biex jinħelsu l-priġuniera politiċi kollha u d-detenuti kollha jiġu ttrattati b’rispett sħiħ tal-obbligi internazzjonali tagħhom;

5.  Jikkundanna l-vjolenza reċenti kontra l-komunità Kopta, inkluża l-qerda ta’ għadd kbir ta’ knejjes, ċentri tal-komunità u negozji madwar il-pajjiż; jinnota l-pluraliżmu storiku tas-soċjetà Eġizzjana u t-tradizzjoni li ilha teżisti għal sekli sħaħ tal-komunità Kopta Eġizzjana; jitlob lill-Gvern Eġizzjan jappoġġa l-komunità Kopta b’kull mod possibbli, sabiex il-komunità Kopta Eġizzjana tista' tkompli tkun parti importanti min-nisġa soċjali u ekonomika tal-Eġittu u li terġa' tiġi għal li kienet malajr il-koeżistenza paċifika mal-komunitajiet l-oħra tal-Eġittu;

6.  Jindika li, minkejja li ġie elett b’mod demokratiku, il-President Morsi naqas milli jwettaq l-aspettattivi demokratiċi tal-poplu tal-Eġittu u ġie akkużat li uża l-poter tiegħu biex ibiddel l-Eġittu f’awtokrazija; jindika wkoll li taħt il-President Morsi, l-Eġittu sistematikament naqas milli jiġġieled it-terroriżmu u l-estremiżmu Iżlamiku fl-Eġittu, b’mod partikolari fil-Peninsula Sinai;

7.  Jindika li n-nuqqasijiet serji msemmija hawn fuq wasslu għal żieda ta’ sens ta’ aljenazzjoni fis-soċjetà Eġizzjana, li fl-aħħar mill-aħħar irriżultat biex il-maġġoranza kbira tal-Eġizzjani talbu b’mod paċifiku għal triq ġdida lejn id-demokrazija li tista’ tiżgura drittijiet demokratiċi adegwati għall-komponenti politiki, soċjali u reliġjużi kollha ta’ soċjetà pluralistika Eġizzjana;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta’ proċess urġenti u ġenwin ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali, i jinkludi l-forzi politiċi u soċjali demokratiċi kollha fl-Eġittu, u jistieden lill-komponenti moderati tal-Fraternità Musulmana jappoġġaw b’mod attiv il-proċess tat-tranżizzjoni demokratika u jkunu parti minnu;

9.  Jesprimi l-akbar appoġġ tiegħu għall-proċess ta’ abbozzar u riforma kostituzzjonali li għaddej bħalissa u jenfasizza li dan għandu jqiegħed il-pedamenti għal Eġittu ġdid verament demokratiku, filwaqt li jiggarantixxi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, inkluża l-libertà reliġjuża, għaċ-ċittadini kollha, nisa u rġiel, tal-Eġittu u jippromwovi t-tolleranza u l-koeżistenza interreliġjuża u jiggarantixxi l-protezzjoni tal-minoranzi kif ukoll il-libertà tal-assoċjazzjoni u tal-midja; jemmen bis-sħiħ li l-proċess ta’ konsultazzjoni dwar l-abbozz ta’ Kostituzzjoni ġdida għandu jinkludi l-komponenti kollha tal-ispettru politiku Eġizzjan, inklużi l-komponenti moderati tal-Fraternità Musulmana, u li għandu jiġi segwit minn referendum dwar Kostituzzjoni ġdida u pluralistika u minn elezzjonijiet parlamentari ħielsa u ġusti;

10. Jikkonferma mill-ġdid l-impenn tiegħu biex jgħin lill-poplu Eġizzjan fil-proċess lejn riforma demokratika u ekonomika; jitlob lir-Rappreżentant Għoli biex isegwi s-sitwazzjoni mill-qrib, b’mod partikolari fir-rigward tas-sikurezza u r-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet tal-poplu Eġizzjan;

11. Jitlob biex l-għajnuna tal-UE fl-Eġittu tkun marbuta b’mod ċar mal-impenji politiċi u l-implimentazzjoni tagħhom, b’konformità mal-prinċipju ta’ Iktar għal Iktar, iżda billi titqies ukoll is-sitwazzjoni ekonomika serja tal-pajjiż, mingħajr ma tiġi ddubitata l-għajnuna tal-UE għas-soċjetà ċivili u l-persuni li l-iktar għandhom bżonnuha;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu.