Proċedura : 2013/2819(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0423/2013

Testi mressqa :

B7-0423/2013

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/09/2013 - 13.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0378

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 149kWORD 84k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0413/2013
10.9.2013
PE519.263v01-00
 
B7-0423/2013

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja (2013/2819(RSP))


Ulrike Lunacek, Malika Benarab-Attou, Iñaki Irazabalbeitia Fernández, Rebecca Harms, Barbara Lochbihler, Raül Romeva i Rueda, Judith Sargentini, Bart Staes, Tarja Cronberg f’isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja (2013/2819(RSP))  
B7‑0423/2013

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, b’mod partikolari tas-16 ta’ Frar 2012 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja(1), , it-13 ta’ Settembru 2012 dwar is-Sirja(2), u t-23 ta’ Mejju 2013 dwar is-sitwazzjoni tar-refuġjati Sirjani fil-pajjiżi ġirien(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2013 dwar ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni rigward żona ħielsa mill-armi ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani(4),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin u tal-Kunsill Ewropew dwar is-Sirja mindu bdiet il-kriżi fis-Sirja fil-bidu tal-2011;

–   wara li kkunsidra l-kummenti tal-President tal-Kunsill, Herman Van Rompuy, qabel is-samit G20 fil-5 ta’ Settembru 2013,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli tal-UE, Catherine Ashton, fil-21 u t-23 ta’ Awwissu 2013,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon sa mill-attakk f’Ghutah fil-21 ta’ Awwissu 2013,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, ir-riżoluzzjoni 2059 tal-20 ta’ Lulju 2012, ir-riżoluzzjoni 2043 tal-21 ta’ April 2012, u r-riżoluzzjoni 2042 tal-14 ta’ April 2012,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 377 tal-1950 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (Ningħaqdu għaż-żamma tal-Paċi) u r-Riżoluzzjoni 67/183 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar is-Sirja, inkluża dik tat-22 ta’ Marzu 2013,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UNHCR tat-3 ta’ Settembru 2013,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta’ Inkjesta tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sirja tal-4 ta’ Ġunju 2013,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja, li s-Sirja hi firmatarja tagħhom,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni finali tal-Grupp ta’ Azzjoni għas-Sirja (id-Dikjarazzjoni ta’ Ġinevra) tat-30 ta’ Ġunju 2012,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħhom, il-Protokoll ta’ Ġinevra tal-1925 u l-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi tal-1993,

–   wara li kkunsidra l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–   wara li kkunsidra r-rapporti ta’ intelligence deklassifikati li saru pubbliċi min-naħa tal-awtoritajiet Franċiżi, Ġermaniżi, Brittaniċi u Amerikani fil-bidu ta' Settembru 2013,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi nqatlu u ndarbu mijiet ta’ ċivili Sirjani f’Ghutah fil-Lvant ta’ Damasku fil-21 ta’ Awwissu 2013; billi għadd ta’ gvernijiet, inklużi dawk tal-Istati Uniti, uħud mill-Istati Membri tal-UE, tat-Turkija u atturi reġjonali oħrajn, akkużaw lir-reġim Sirjan bl-użu ta' aġenti kimiċi kontra l-popolazzjoni tiegħu stess; billi dawn l-akkużi ġew miċħuda mir-reġim ta’ al-Assad u ddubitati minn bosta mill-allejati tiegħu, inklużi r-Russja u l-Iran;

B.  billi tim ta’ spetturi tal-armi kimiċi tan-NU setgħu jiġbru kampjuni u evidenza fuq il-post, iżda biss bosta ġranet wara l-allegat attakk kimiku li matulu ż-żona kienet suġġetta għal bumbardamenti qawwija minn truppi leali; billi t-tim ta’ investigazzjoni tan-NU mistenni jirrapporta lura lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU f’qasir żmien; billi l-mandat tat-tim investigattiv tan-NU huwa li jiddetermina l-użu tal-armi kimiċi u mhux min hu responsabbli; billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon appella bosta drabi li kull azzjoni li tittieħed għandha titwettaq fil-qafas tal-Karta tan-NU;

C. billi, abbażi ta’ rapporti ta’ intelligence, il-mexxejja tal-Istati Uniti, ir-Renju Unit, Franza u t-Turkija – Barak Obama, David Cameron, François Hollande u Tayyip Erdoğan – akkużaw lir-reġim Sirjan li wettaq attakk kimiku kbir f'Ghutah u ddikjaraw ir-rieda tagħhom li jwettqu attakki limitati u punittivi sabiex iżommu lir-reġim ta' al-Assad responsabbli għall-użu tiegħu tal-armi kimiċi, jiskoraġġixxu tali mġiba u jnaqqsu l-kapaċità tar-reġim li jwettaq attakki ulterjuri; billi l-mexxejja ddikjaraw il-prontezza tagħhom li jwettqu dawn l-attakki lil hinn mill-qafas tan-NU; billi l-Priministru tar-Renju Unit Cameron kien megħlub fil-parlament tar-Renju Unit b’rabta ma’ mozzjoni sabiex tiġi awtorizzata l-azzjoni militari u konsegwentement eskluda l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit f’attakk immexxi mill-Istati Uniti;

D. billi fl-1 ta’ Settembru 2013, il-Lega Għarbija stiednet lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-komunità internazzjonali inġenerali jeżerċitaw ir-responsabbiltajiet tagħhom skont il-liġi internazzjonali u 'jieħdu l-miżuri neċessarji' kontra l-Gvern Sirjan;

E.  billi l-Karta tan-NU tipprevedi żewġ eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni tal-użu tal-forza: id-difiża leġittima u l-awtorizzazzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; billi l-prinċipju ta’ intervent umanitarju ma ġiex rikonoxxut taħt il-liġi internazzjonali konswetudinarja; billi l-prinċipju tar-‘responsabbiltà ta’ protezzjoni' (R2P) jobbliga biċ-ċar lill-komunità internazzjonali tieħu azzjoni biex tħares lill-popolazzjoni mill-agħar forom ta’ kriminalità; billi azzjoni bil-forza meħuda fi ħdan il-qafas R2P għandha tkun awtorizzata wkoll mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

F.  billi s-Sirja mhijiex parti mill-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi, li tipprojbixxi l-iżvilupp, il-produzzjoni, il-ħżin, it-trasferiment u l-użu tal-armi kimiċi; billi s-Sirja saret parti mill-Protokoll tal-1925 ta’ Ġinevra għall-Projbizzjoni tal-Użu fil-Gwerra ta' Gassijiet Asfissjanti, Velenużi jew Gassijiet Oħra; billi f’Lulju 2012, is-Sirja ammettiet li tipposiedi ħażna tal-armi kimiċi;

G. billi l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu, Sergey Lavrov, ippropona fid-9 ta’ Settembru 2013 li jipperswadi lir-reġim ta' al-Assad jagħti l-ħażna kimika tiegħu lis-superviżjoni internazzjonali bil-ħsieb li tinqered u li jingħaqad mal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi; billi l-President tal-Istati Uniti Barack Obama laqa' din il-proposta bħala żvilupp potenzjali;

H. billi f’dawn l-aħħar xhur is-sitwazzjoni drammatika tad-drittijiet tal-bniedem, dik umanitarja u tas-sigurtà fis-Sirja kompliet tmur għall-agħar, bil-vjolenza armata żżid fl-intensità u tkompli tinfirex aktar madwar il-pajjiż; billi t-truppi tal-Gvern Sirjan komplew jużaw il-forza b’mod sistematiku kontra viċinati b’popolazzjoni għolja; billi l-fergħa militari tal-Hezbollah, rikonoxxuta mill-UE bħala organizzazzjoni terroristika, ilha tgħin lill-Gvern Sirjan sa mir-rebbiegħa tal-2013; billi fuq livell aktar baxx, hemm ukoll rapporti kontinwi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja mill-forzi tal-oppożizzjoni; billi ż-żieda fil-forzi tal-jihad fost l-oppożizzjoni militari hija sors ta' tħassib kbir; billi l-Kurdi Sirjani qegħdin jidħlu dejjem aktar fil-kunflitt b’attakki miż-żewġ naħat, inkluż aktar reċentement bejn il-Partit tal-Unjoni Demokratika Kurda (PYD) u l-gruppi Iżlamiċi ribelli fit-Tramuntana tas-Sirja; billi l-Kunsill Nazzjonali Kurd iffirma ftehim fit-28 ta’ Awwissu 2013 mal-Koalizzjoni Nazzjonali Sirjana li jiggarantixxi d-drittijiet taċ-ċittadini Kurdi, li jwitti t-triq għas-sħubija tiegħu;

I.   billi f’Settembru 2013, l-Osservatorju Sirjan għad-Drittijiet tal-Bniedem ħareġ bi stima li nqatlu 110 000 persuna sa mill-bidu tal-kunflitt; billi l-maġġoranza ta’ dawn il-vittmi huma persuni ċivili;

J.   billi l-kunflitt tas-Sirja qed jaffetwa l-istabilità tar-reġjun kollu, u qed jifrex il-vjolenza lejn il-pajjiżi ġirien, partikolarment il-Libanu, il-Ġordan, it-Turkija u l-Iraq; billi l-atturi esterni huma dejjem aktar involuti fl-appoġġ ta’ parti waħda tal-kunflitt;

K. billi l-pajjiżi ġirien ukoll qed jesperjenzaw ukoll żieda drammatika fin-numru ta’ refuġjati mis-Sirja, li issa jlaħħaq aktar minn 2 miljuni, b’4.25 miljun persuna oħra spustata internament, skont il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHCR); billi ‘l fuq minn 97 % tar-refuġjati Sirjani huma ospitati mill-pajjiżi direttament madwar ir-reġjun, u dan qed jitfa' piż kbir fuq l-infrastrutturi, l-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħhom; billi figuri mill-UNHCR tat-3 ta’ Settembru 2013 jirrappurtaw 716 000 refuġjat Sirjan fil-Libanu, 515 000 fil-Ġordan, 460 000 fit-Turkija, 168 000 fl-Iraq u 110 000 fl-Eġittu; billi 525 000 refuġjat Palestinjan fis-Sirja jikkostitwixxu grupp partikolarment vulnerabbli affetwat mill-kunflitt; billi dan il-grupp għandu ftit wisq għażliet sabiex isib post ta’ kenn barra mis-Sirja; billi l-ħarba tagħhom lejn pajjiżi ġirien, partikolarment il-Ġordan, tikkostitwixxi riskju ulterjuri ta’ destabilizzazzjoni;

L.  billi l-UE hija l-akbar donatur sa issa, billi tipprovdi 'l fuq minn EUR 515 miljun f’assistenza umanitarja għas-Sirja permezz ta’ ECHO u 'l fuq minn EUR 493 miljun mill-Istati Membri tal-UE;

1.  Jikkundanna l-attakk li kkawża mijiet ta’ mwiet u eluf ta’ feruti fost iċ-ċivili Sirjani fis-subborg ta’ Ghutah f’Damasku fil-21 ta’ Awwissu 2013; jindika li dan huwa l-eżempju l-aktar reċenti ta’ atroċitajiet imwettqa sa mill-2011 fil-massakru li għadu għaddej fis-Sirja;

2.  Jemmen, li jekk konfermat, dan ir-rikors għall-armi kimiċi min-naħa tar-reġim ta’ al-Assad jew minn belliġerent ieħor jirrikjedi rispons li jaqbel mal-gravità ta’ delitt tant ta’ stmerrija;

3.  Jenfasizza l-importanza li tiġi sostnuta projbizzjoni madwar id-dinja kollha tal-użu tal-armi kimiċi skont il-liġi internazzjonali u li tali att li jikkostitwixxi ksur serju tal-liġi internazzjonali, partikolarment delitt kontra l-umanità, għandha tittieħed responsabbiltà għalih;

4.  Jemmen bis-sħiħ li t-turija ta’ evidenza konvinċenti ta’ responsabbiltà għall-massakru ta’ Ghutah huwa essenzjali sabiex jissawwar rispons magħqud u effettiv mill-komunità internazzjonali għal wieħed mill-aktar rifronti gravi għall-umanità f’deċennji;

5.  Jinsisti dwar l-importanza li l-ispetturi tal-armi tan-NU jitħallew ilestu l-investigazzjoni tagħhom u jirrapurtaw is-sejbiet tagħhom lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU); jiddeplora l-fatt li l-KSNU sa issa ma ħax ir-responsabbiltajiet tiegħu bħala l-garanti finali tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali; iħeġġeġ lir-Russja u liċ-Ċina jaġixxu b’mod kostruttiv f’dan ir-rigward bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-adozzjoni rapida ta’ pożizzjoni komuni dwar is-Sirja biex ikunu żgurati l-miżuri neċessarji sabiex jitħarsu ċ-ċivili;

6.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, partikolarment dawk li huma membri tal-Kunsill tas-Sigurtà, iressqu u jappoġġaw riżoluzzjoni tal-KSNU li tirreferi s-sitwazzjoni fis-Sirja lill-Qorti Kriminali Internazzjonali; jinsisti li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri kollha tagħha għandhom jippromwovu r-responsabbiltà għall-ksur kollu tal-liġi internazzjonali umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem li twettaq mill-atturi kollha statali u mhux statali involuti fil-kunflitt tas-Sirja, inkluż kull użu ta’ armi kimiċi u l-qtil tal-priġunieri;

7.  Jenfasizza, li kwalunkwe intervent militari, bl-awtorizzazzjoni tan-NU jew mingħajrha, fis-Sirja mistenni li jkollu konsegwenzi gravi u mhux prevedibbli bil-bosta u li l-iggravar tas-sitwazzjoni fuq il-post ma tistax tiġi eskluża, partikolarment f'termini umanitarji;

8.  Iqis li intervent militari mhuwiex ġustifikat jekk ma tkunx tista’ tinkiseb protezzjoni reali, jew jekk il-konsegwenzi tat-tnedija ta’ intervent bħal dan mistennija jkunu agħar minn jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni; jenfasizza li intervent militari għal finijiet limitati ta’ ħarsien tal-bniedem ma jistax ikun ġustifikat jekk iġib miegħu kunflitt akbar;

9.  Jinsab konvint li l-ebda forma ta’ rispons militari waħdu ma huwa se jiskoraġġixxi b’mod effettiv l-użu futur tal-armi kimiċi jew isolvi l-kunflitt fis-Sirja; jemmen, għal kuntrarju, li n-nuqqas ta’ rispons internazzjonali b’saħħtu għal użu konfermat ta’ armi kimiċi jġib miegħu l-prospett terribbli ta’ gwerra kimika mingħajr limiti fis-Sirja u lil hinn minnha; itenni li huwa biss approċċ strateġiku u globali li jesprimi dimensjonijiet umanitarji u politiċi li jista’ jġib fi tmiem il-vjolenza u l-ksur tal-massa tad-drittijiet tal-bniedem u jippromwovi tranżizzjoni demokratika fis-Sirja;

10. Jistieden lill-partijiet kollha jerġgħu jniedu l-isforzi dipolmatiċi skont l-hekk imsejjaħ Proċess Ġinevra II, bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni li tirrispetta l-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-poplu Sirjan, bid-direzzjoni attiva tal-Mibgħut Speċjali tan-NU u l-Lega Għarbija, Lakhdar Brahimi; jenfasizza li ż-żewġ naħat għandhom jaċċettaw parteċipazzjoni li tinkludi kollox mingħajr prekundizzjonijiet; jenfasizza li l-UE għandha tagħti attenzjoni partikolari sabiex tavviċina lir-Russja u lill-Iran u tippromwovi proċess għat-tnaqqis tal-eskalazzjoni madwar ir-reġjun kollu;

11. Jenfasizza li s-sitwazzjoni fis-Sirja tirrikjedi approċċ rapidu, magħqud u b’saħħtu mill-Istati Membri tal-UE; jistieden għaldaqstant lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsejħu Kunsill Affarijiet Barranin straordinarju sabiex jiddiskutu s-sitwazzjoni fis-Sirja u jivvalutaw kwalunkwe miżura li l-UE tista’ tadotta sabiex tipprovdi appoġġ aktar effiċjenti għall-forzi demokratiċi fl-oppożizzjoni Sirjana, jipproteġu liċ-ċivili u jiffaċilitaw id-djalogu u approċċ komuni ma' atturi internazzjonali oħrajn, bħar-Russja, l-Iran jew il-Lega Għarbija;

12. Jistieden f’dan ir-rigward, lill-Kunsill u lir-RGħ/VP sabiex jieħdu l-inizjattiva li jitolbu laqgħa tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar is-Sirja bil-ħsieb li jingħeleb l-istaġnar attwali fil-Kunsill tas-Sigurtà, u biex jagħmlu l-isforzi diplomatiċi kollha sabiex tinstab soluzzjoni politika; jilqa’ b’kawtela l-proposta reċenti Russa sabiex l-armi kimiċi Sirjani jitqiegħdu taħt kontroll internazzjonali, u jħeġġeġ lir-reġim Sirjan jirrispondi b’mod pożittiv u sinċier għal din il-proposta, li toffri żvilupp potenzjali għall-kriżi attwali;

13. Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-ħidma tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar is-Sirja u jilqa' l-aħħar rapport tagħhom;

14. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jerfgħu r-responsabbiltà umanitarja tagħhom u jżidu l-assistenza tagħhom lir-refuġjati Sirjani; jistieden lill-Istati Membri kollha b’mod partikolari, ineħħu kwalunkwe ostakolu li qed jipprevjeni lir-refuġjati milli jfittxu protezzjoni fl-UE; jesprimi tħassib dwar il-perjodi ta’ detenzjoni eċċessivi li ġew rappurtati għar-refuġjati Sirjani fl-UE; jikkundanna lill-Istati Membri, partikolarment lill-Greċja, li jibgħatu lura r-refuġjati, bi ksur tal-liġi internazzjonali u tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-prattiki tal-Istati Membri u tal-Frontex, partikolarment fil-fruntiera tal-UE u dik tat-Turkija; jistieden lill-Istati Membri jattivaw id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta' influss bil-massa ta' persuni spostati; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi b’urġenza skema volontarja ta’ rilokazzjoni permanenti, biex ikun hemm lok għal responsabbiltà kondiviża akbar u solidarjetà bejn l-Istati Membri; jiddeplora bil-qawwa l-fatt li sa issa waslu inqas minn 50 % mit-EUR 3.3 biljun f’fondi meħtieġa mill-UNHCR sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet bażiċi tar-refuġjati; jitlob diversifikazzjoni aħjar tal-kanali umanitarji bil-ħsieb li jissaħħaħ l-aċċess għall-għajnuna internazzjonali u jintbagħtu preżenzi f’żoni li mhimiex taħt il-kontroll tar-reġim; jiddispjaċih dwar is-sospensjoni tar-reġim ħieles mill-viżi Eġizzjan favur iċ-ċittadini Sirjani u jappella għar-rispett tad-drittijiet tar-refuġjati min-naħa tal-awtoritajiet Eġizzjani;

15. Jemmen bis-sħiħ li l-UE għandha, fuq perjodu twil, tisfrutta l-protesti globali b’rabta mas-Sirja sabiex tippromwovi riforma tal-KSNU favur l-Assemblea Ġenerali tan-NU (AĠNU), u tieħu inizjattivi diplomatiċi kuraġġużi sabiex tmexxi l'quddiem aġenda dwar in-nonproliferazzjoni, inkluż permezz tal-promozzjoni żona ħielsa mill-armi ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani, partikolarment billi tniedi l-konferenza internazzjonali li ilha tant posposta dwar dan is-suġġett, tippromwovi r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-istrumenti internazzjonali rilevanti, tindirizza l-użu tal-fosfru abjad u l-uranju mfaqqar, u żżid l-isforzi tagħha sabiex tnaqqas l-istokkijiet kimiċi madwar id-dinja;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u lill-Federazzjoni Russa, lill-President u lill-Kungress tal-Istati Uniti, lis-Segreatrju Ġenerali tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, u lill-gvern u lill-parlament tas-Sirja.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2012)0057.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2012)0351.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2013)0223.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2013)0228.

Avviż legali - Politika tal-privatezza