Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0424/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0424/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja

10.9.2013 - (2013/2819(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Willy Meyer, Takis Hadjigeorgiou, Kyriacos Triantaphyllides, Sabine Lösing, Younous Omarjee, Sabine Wils f'isem il-Grupp GUE/NGL <<<

Proċedura : 2013/2819(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0424/2013
Testi mressqa :
B7-0424/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0424/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja

(2013/2819(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (CWC) u l-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi (BTWC),

–   wara li kkunsidra d-Dritt Umanitarju Internazzjonali,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra dwar ir-Rifuġjati,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-6 ta’ Settembru 2013,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi, skont diversi sorsi, armi kimiċi allegatament intużaw f’Ghouta, fil-periferija ta’ Damasku, fil-21 ta’ Awwissu 2013, bil-konsegwenza li mijiet ta’ nies sfaw maqtula jew midruba;

B.  billi għad m'hemmx konferma dwar min wettaq l-attakk allegat bl-armi kimiċi; billi għandna nżomu quddiem għajnejna li asserzjonijiet foloz rigward l-eżistenza ta' armi tal-qerda tal-massa (WMD) fl-Iraq wasslu lil dak il-pajjiż fi gwerra u fi traġedja li għadha għaddejja, u billi dan m’għandux jerġa’ jseħħ;

C. Billi tim tan-NU għall-ispezzjoni tal-armi kimiċi ġabar kampjuni fis-sit tal-użu allegat tal-armi kimiċi, u billi l-proċess ta’ analiżi jinsab għaddej, skont l-ogħla standards ta’ verifika rikonoxxuti mill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni tal-Armi Kimiċi (OPCW); billi l-gvernijiet m’għandhomx jadottaw pożizzjoni dwar il-kwistjoni qabel ma jsiru magħrufa r-riżultati;

D. billi l-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika u Franza qed jheddu li jagħmlu attakk militari fuq is-Sirja minkejja l-assenza ta' deċiżjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;

E.  billi n-NATO diġà hija involuta fit-tħejjijiet għal attakk militari fuq is-Sirja;

F.  billi s-sitwazzjoni madwar il-fruntieri tas-Sirja fuq l-art u l-baħar, kif ukoll fil-Lvant tal-Mediterran, hija estremament instabbli, fid-dawl tal-preżenza ta’ diversi armati u flotot fir-reġjun; billi dan jista’ faċilment jixtered lil hinn mill-fruntieri u fiż-żona mqallba kolha kemm hi, b’konsegwenzi li ma jistgħux jitbassru;

G. billi nhar it-Tnejn 9 ta’ Settembru 2013 il-gvern tal-President Sirjan Bashar al-Assad qal li jilqa’ proposta Russa li tevita attakki militari tal-Istati Uniti billi s-Sirja tgħaddi l-kontroll tal-armi kimiċi tagħha f’idejn monituri internazzjonali,

H. billi l-kunflitt fis-Sirja, li beda f’Marzu 2011 bir-ripressjoni brutali tar-reġim Sirjan kontra l-istess popolazzjoni tiegħu, eskala fi gwerra ċivili u saħansitra settarja, bi ġlied armat bejn il-forzi militari u tas-sigurtà Sirjani u diversi gruppi armati appoġġjati minn forzi u pajjiżi barranin; billi mat-tixrid tad-demm ta’ kuljum imorru vjolazzjonijiet sfaċċati tad-dritt umanitarju, u skont stimi tan-NU dwan ikkawża aktar minn 100 000 mewt flimkien mal-ħrib ta’ 7 miljun ruħ bejn rifuġjati u persuni spustati internament;

I.   billi f’Mejju 2013 l-UE neħħiet l-embargo tal-armi fuq is-Sirja, u dan ħarrax il-kunflitt minħabba li kattar il-volum ta’ armi u tagħmir, inkluż dak b’użu doppju, li ddaħħal illegalment fis-Sirja biex jarma lid-diversi gruppi ribelli, billi l-UE, f’dawn l-aħħar sentejn, imponiet sanzjonijiet immirati fuq is-Sirja f'diversi fażijiet, fosthom projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar, iffriżar tal-assi u projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta' oġġetti lussużi u oġġetti b'użu doppju lejn il-pajjiż, iżda dawn is-sanzjonijiet ma ħallew l-ebda riżultat f’dak li jirrigwarda soluzzjoni tal-kunflitt;

J.   billi l-Konferenza ta’ Ġinevra II ġiet posposta; billi f’dawn l-aħħar jiem bosta pajjiżi u mexxejja tennew l-appoġġ tagħhom favur soluzzjoni politika għall-kunflit fis-Sirja;

1.  Jiddenunzja bil-qawwa l-użu ta’ armi kimiċi kontra l-poplu Sirjan, kien min kien il-perpetratur; jinsisti li t-tim ta’ spetturi tal-armi kimiċi tan-NU għandu jingħata ż-żmien jikkompleta l-missjoni tiegħu;

2.  Jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Sirjan li fiha laqa’ l-proposta Russa li pajjiżu jgħaddi l-kontroll tal-armi kimiċi tiegħu f’idejn monituri internazzjonali, u jappella għall-implimentazzjoni ta’ din il-proposta;

3.  Jinsisti li l-allegazzjonijiet li l-Arabja Sawdija forniet armi kimiċi l-“forzi ribelli” għandhom jiġu investigati;

4.  Jopponi bil-qawwa kwalunkwe attakk militari fuq is-Sirja; huwa kontra , b’mod partikolari, l-attakk imħabbar mill-Istati Uniti u Franza mingħajr biss deċiżjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jenfasizza li mossa bħal din tikkostitwixxi vjolazzjoni tal-Karta tan-NU u tkompli tgħarraq is-sitwazzjoni, b’konsegwenzi imprevedibbli għar-reġjun tal-Lvant Nofsani kollu kemm hu;

5.  Jinsisti li d-destin ulterjuri tas-Sirja jeħtieġ li jkun f’idejn il-poplu Sirjan; huwa favur soluzzjoni politika tal-kunflitt bil-qbil tas-Sirjani, bla kwalunkwe forma ta’ intervent barrani, li jippermetti djalogu nazzjonali inklussiv immirat lejn indirizzar effikaċi tal-aspirazzjonijet u l-preokkupazzjonijiet leġittimi tal-poplu Sirjan għal tibdiliet politiċi u demokratiċi;

6.  Jappella biex il-partijiet interessati kollha u l-membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurta tan-NU jaħdmu biex titlaqqa’ l-Konferenza ta’ Ġinevra II;

7.  Jopponi bil-qawwa l-użu tar-“responsabbiltà ta’ protezzjoni” bħala skuża biex tiġġustifika intervent militari; jenfasizza li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-użu tal-armi kimiċi u d-WMD ntużaw fl-imgħoddi biex jiġġustifikaw gwerer kontra l-Jugoslavja u l-Iraq, u issa gwerra kontra s-Sirja;

8.  Jissottolinja l-fatt li, f’bosta pajjiżi, perċentwal għoli tal-popolazzjoni huma kontra attakk fuq is-Sirja, u jħeġġeġ lill-gvernijiet biex jisimgħu l-appell tal-popli tagħhom għal soluzzjoni politika;

9.  Jopponi bil-qawwa pjanijiet għall-partizzjoni tal-pajjiż;

10. Jappoġġja kull sforz li jaħdem favur li tinstab soluzzjoni paċifika għall-kunflitt Sirjan;

11. Jenfasizza li l-kummerċ tal-armi, il-forniment tal-armi u saħansitra ta’ tagħmir mhux letali wasslu biex il-kunflitt jiħrax; jappella biex il-pajjiżi kollha jtemmu l-forniment ta’ armi ta’ kull tip; jistieden lill-Kunsill biex jerġa’ jintroduċi l-embargo fuq l-esportazzjoni tal-armi lejn is-Sirja;

12. Jappella għal aktar appoġġ u għajnuna internazzjonali għar-rifuġjati, sew dawk spustati internament kif ukoll dawk li marru jew sejrin f’pajjiżi ġirien; idoqq l-allarm dwar numri dejjem akbar ta’ rifuġjati li jissugraw ħajjithom f’dgħajjes miftuħa huma u jaħarbu lejn l-Ewropa, u jitlob li jingħataw asil u sostenn;

13. Jistieden lill-Kunsill biex ikun minn ta’ quddiem fit-tlaqqigħ ta’ konferenza internazzjonali għall-projbizzjoni u l-qerda, b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, tal-ħażna sħiħa tad-dinja ta’ armi tal-qerda tal-massa – nukleari, kimiċi u batterjoloġiċi;

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Għarbija Sirjana, lis-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran u lill-Lega tal-Istati Għarab.