MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja
10.9.2013 - (2013/2819(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Fiorello Provera, Nigel Farage, Bastiaan Belder, Magdi Cristiano Allam, Mara Bizzotto, Lorenzo Fontana, Jaroslav Paška, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFD <<<
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, partikolarment dawk tas-16 ta' Frar[1] u tat-13 ta' Settembru 2012[2] u tat-22 ta' Mejju 2013[3],
– wara li kkunsidra l-Protokoll ta’ Ġinevra, iffirmat fl-1925, li jipprojbixxi l-użu tal-armi kimiċi fil-gwerra,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi, li nfetħet għall-firem fl-1972 u daħlet fis-seħħ fl-1975,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħżin u l-Użu tal-Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom, iffirmata fl-1993,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kap tal-UE kontra t-terroriżmu Gilles de Kerckhove dwar il-“ġellieda barranin” Ewropej fis-Sirja tad-19 ta’ Ġunju 2013,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ Carla del Ponte, membru tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta tan-NU dwar is-Sirja, rigward l-użu ta’ armi kimiċi minn terroristi Iżlamiċi fis-Sirja tal-5 ta' Mejju 2013,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi fil-21 ta' Awissu 2013 mijiet ta’ ċivili Sirjani – fosthom nisa u tfal – inqatlu f’attakk bl-użu ta’ armi kimiċi fi bliet lejn il-Lvant ta’ Damasku;
B. billi investigazzjoni tan-NU dwar il-qtil tal-massa fis-Sirja qed issir bħalissa u billi, meta tasal fi tmiemha, sejjer jingħata rapport lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, li mbagħad jaqsam ir-riżultati mal-193 Stat Membru, u mal-15-il membru tal-Kunsill tas-Sigurtà;
C. billi l-mandat tat-tim tan-NU fis-Sirja kien dak li jinvestiga l-użu allegat ta’ armi kimiċi f’għadd ta’ inċidenti li seħħew fis-Sirja aktar kmieni din is-sena;
D. billi fid-29 ta’ Awwissu il-House of Commons tar-Renju Unit irrifjutat li tapprova azzjoni militari fis-Sirja;
E. billi fil-31 ta’ Awwissu l-President tal-Istati Uniti tal-Amerika Barack Obama ħabbar li kien iddeċieda li jwettaq attakki limitati u punittivi fuq is-Sirja b’risposta għall-attakki kimiċi f’Damasku fil-21 ta’ Awwissu, filwaqt li madankolllu żied jgħid li kien sejjer jitlob l-approvazzjoni tal-Congress qabel ma jsiru l-attakki;
F. billi wara tliet snin ta’ gwerra ċivili l-kriżi umanitarja fis-Sirja għadha serja ħafna, hekk kif l-għadd tar-rifuġjati Sirjani qabeż 2 miljun ruħ – nofshom tfal;
1. Jikkundanna bl-akbar qawwa possibbli l-qtil tal-massa ta’ ċivili permezz ta’ armi kimiċi fis-Sirja; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; jikkundanna bl-istess mod il-qtil u l-massakri mwettqa miż-żewġ naħat mill-bidu tal-kunflitt ‘il hawn;
2. Jistieden lin-Nazzjonijiet Uniti biex jikkompletaw mill-aktar fis investigazzjoni eżawrjenti dwar il-qtil tal-massa fis-Sirja u jivvalutaw ir-responsabbiltajiet; jilqa’ l-attività tal-Kummissjoni Indipendenti ta’ Inkjesta dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana; jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt Sirjan biex jagħtu aċċess lill-kumissjoni ta’ inkjesta tan-NU;
3. Huwa kontra kwalunkwe tip ta’ intervent bl-armi fis-Sirja;
4. Jenfasizza li kwalunkwe użu tal-forza kontra s-Sirja għandu jseħħ biss fil-qafas ta’ mandat espress f’riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;
5. Jenfasizza li intervent militari punittiv fis-Sirja, anki jekk ikun limitat fiż-żmien u fl-ambitu tiegħu, jista’ jwessa’ l-kunflitt fir-reġjun, bi prospetti perikolużi ta’ eskalazzjoni;
6. Huwa mħasseb profondament dwar il-fatt li meta jerġgħu lura l-mijiet ta’ ċittadini Ewropej li llum qed jiġġieldu bħala ġiħadisti mal-forzi rebelli u ma’ gruppi konnessi ma’ al-Qaeda fis-Sirja bħal Jabhat al Nusra, jistgħu jużaw iż-żelu ideoloġiku u l-esperjenza tagħhom tal-ġlied biex jispiraw lil ħaddieħor biex isir radikalizzat u jagħmel ġiħad;
7. Jemmen li l-muftieħ għas-soluzzjoni tal-kunflitt jinsab f’soluzzjoni politika maqbula flimkien ma’ dawk li huma tassew kommessi favur tranżizzjoni, fl-iżgurar ta’ rispett sħiħ għall-valuri universali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b'attenzjoni speċjali għad-drittijiet tal-minoranzi etniċi, kulturali u reliġjużi, kif ukoll dawk tan-nisa;
8. Jikkundanna l-persekuzzjoni u l-massakri ta’ Nsara u Alawiti, il-qerda ta’ mijiet ta’ knejjes, u l-atti ta’ ħtif, stupru u qtil;
9. Jappella biex dawk kollha fil-bżonn fis-Sirja, speċjalment il-feruti, ir-refuġjati, il-persuni spustati internament, in-nisa u t-tfal, jingħataw għajnuna umanitarja immedjata;
10. Jistieden lill-UE u lill-gvernijiet nazzjonali biex jieħdu miżuri adegwati u responsabbli biex ikunu mħejjija għal deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja fis-Sirja;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2012)0057.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2012)0351.
- [3] Testi adottati, P7_TA(2013)0223.