MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-abbozz ta’ regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-abbozz ta’ Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru .../... ta' XXX li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
2.10.2013 - (D028112/02 – 2013/2758(RPS))
Brian Simpson f'isem il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
B7‑0440/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta’ regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-abbozz ta’ Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru .../... ta’ XXX li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(D028112/02 – 2013/2758(RPS))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni (D028112/02),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE[1], u b’mod partikolari l-Artikolu 8(5) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija fit-12 ta’ Lulju 2013 mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 65 tar-regolament imsemmi hawn fuq,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(3)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni[2],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 88(2), (3) u (4)(c) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-Regolament 216/2008/KE jikkonferixxi fuq il-Kummissjoni setgħat ta' implimentazzjoni b'ambitu ġenerali maħsub biex jemenda elementi mhux essenzjali tar-Regolament, inter alia, billi jissupplimentah b'elementi ġodda mhux essenzjali;
B. billi r-rekwiżiti essenzjali relatati mal-limiti fuq il-ħinijiet tat-titjir huma stabbiliti fl-Artikolu 8(f) tal-Anness 4 tar-Regolament 216/2008/KE, li jesiġi li r-regoli dwar l-għeja għandhom jikkunsidraw numru ta' fatturi elenkati fl-istess artikolu;
C. billi l-proposta tipprovdi l-interpretazzjoni tagħha stess ta' mill-inqas tlieta minn dawn il-fatturi – l-għeja, is-sigħat ta' bil-lejl u tiċħid mill-irqad – b'kontradizzjoni għall-evidenza xjentifika disponibbli pprovduta f'mill-inqas ħames rapporti (2009-2013), mingħajr ebda parir xjentifiku li jsostni r-regoli proposti; billi dan iffisser li dawk il-fatturi ma ġewx ikkunsidrati b'mod xieraq;
D. billi bin-nuqqas ta' kunsiderazzjoni tal-fatturi kollha preskritti mir-rekwiżiti essenzjali fl-Artikolu 8(f) tar-Regolament 216/2008/KE u billi filwaqt li bbażat il-proposta tagħha fuq fatturi oħra mhux relatati mas-sikurezza, il-Kummissjoni qed tissupplimenta r-regolament b'rekwiżiti essenzjali, u b'hekk qed tbiddel il-leġiżlazzjoni primarja;
E. billi l-Artikolu 22(2)(a)) tar-Regolament 216/2008/EC jipprovdi li r-regoli ta' implimentazzjoni relatati mal-ħinijiet tat-titjir u tax-xogħol u r-rekwiżiti tal-mistrieħ għandhom inizjalment jinkludu d-dispożizzjonijiet sostantivi kollha tas-subparti Q tal-Anness III tar-Regolament 3922/91/KEE, filwaqt li titqies l-evidenza xjentifika u teknika l-aktar reċenti;
F. billi l-Kummissjoni, minħabba l-fatt li ma għamlitx analiżi tagħha stess dwar il-bażi xjentifika tal-proposta, naqset milli taġixxi b'manjiera kawta u prekawzjonarja u milli tosserva b'mod xieraq il-mandat tagħha, li jikkonsisti f’li tikkunsidra l-evidenza xjentifika disponibbli meta jeżistu dubji dwar is-sikurezza ta' partijiet mill-proposta dwar il-limiti fuq il-ħinijiet tat-titjir (il-proposta FTL);
G. billi, differenti mill-Istati Membri li attendew il-laqgħa tal-Kumitat EASA, il-Parlament Ewropew ma kellux aċċess għad-dispożizzjonijiet sostantivi tal-Ispeċifikazzjonijiet ta' Ċertifikazzjoni, u għalhekk ma tħalliex jeżerċita d-dritt tiegħu ta' skrutinju b'għarfien sħiħ tal-kwistjonijiet involuti u ma’ kienx fuq l-istess livell mal-Istati Membri;
H. billi dan huwa kuntrarju għall-prattika regolatorja, li biha r-regoli tal-operazzjonijiet bl-ajru għandu jkun fihom id-dispożizzjonijiet relevanti u sostanzjali kollha. billi l-għoti tas-setgħa lill-EASA li tiddeċiedi dwar rekwiżiti essenzjali jeċċedi l-mandat skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 u jċaħħad lill-Parlament Ewropew mill-possibilità li jeżerċita kwalunkwe sura ta’ kontroll demokratiku;
1. Jopponi l-adozzjoni tal-abbozz ta’ regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni;
2. Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta’ regolament ta’ implimentazzjoni tagħha dwar l-abbozz ta’ Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru .../... ta’ XXX li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
3. Jenfasizza l-fatt li r-regolamenti dwar il-ħinijiet tat-titjir għandhom impatt qawwi fuq is-sikurezza tat-trasport bl-ajru u l-interessi soċjali tal-persunal, kif inhu l-każ għall-ħinijiet tas-sewqan u l-mistrieħ fit-trasport bit-triq, u li d-deċiżjonijiet dwar dawn ir-regolamenti huma ta' natura politika ċara; jenfasizza li dawn ir-regolamenti dwar il-ħinijiet tat-titjir huma kwistjonijiet politiċi importanti, li għandhom jiġu indirizzati fi stadju bikri waqt it-tħejjija ta' rapporti ta' kodeċiżjoni leġiżlattiva, bi trasparenza sħiħa fil-konfront taċ-ċittadini Ewropej, il-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew;
4. Jinsab konvint li l-Kummissjoni eċċediet il-mandat tagħha skont ir-Regolament KE Nru 216/2008 meta ttrasferiet lill-Aġenzija l-kompetenza li tbiddel partijiet essenzjali mir-Regolament Nru 216/2008/KE permezz ta' speċifikazzjonijiet ta' ċertifikazzjoni fl-oqsma tal-istandby u ta’ mistrieħ imnaqqas;
5. Iqis li partijiet sostanzjali tal-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni ma ġewx ibbażati xjentifikament, kif stabbilit fir-Regolament 216/2008/KE, li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi evidenza xjentifika suffiċjenti biex tneħħi d-dubji raġonevoli dwar ir-riskju għas-sikurezza fl-oqsma tas-sigħat ta' bil-lejl u tat-tiċħid mill-irqad u li l-proposta tagħha hija għalhekk kuntrarja għall-prinċipju ta' proporzjonalità u teċċedi s-setgħat ta' implimentazzjoni li huma pprovduti fir-Regolament 216/2008/KE;
6. Iqis li huwa meħtieġ li jiġu adottati regoli ġodda biex tiġi pprevenuta l-għeja tal-ekwipaġġ tal-ajru u jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tippreżenta, b'urġenza, proposta ġdida li tissodisfa r-rekwiżiti tal-mandat u li tkun konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi l-punti li ġejjin fil-proposta riveduta tagħha: Limiti tal-Perjodi tax-Xogħol ta’ Ħinijiet tat-Titjir ta' mhux aktar minn10 sigħat, id-durata kkombinata massima ta' standby u l-Perjodi tax-Xogħol ta’ Titjir soġġetti għal limitu massimu ta' 18-il siegħa;
7. Jenfasizza li, abbażi ta' ‘Klawżola tat-Tisħiħ tas-Sikurezza’, l-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li japplikaw dispożizzjonijiet ta' natura aktar protettiva b'żieda ma' dawk tar-regolament fejn iqisu li dan ikun meħtieġ, u kemm-il darba d-dispożizzjonijiet kollha tar-regolament jiġu rispettati;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.