Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0474/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0474/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-flussi migratorji fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi ftit 'il barra minn Lampedusa

16.10.2013 - (2013/2827(RSP))

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Salvatore Iacolino, Véronique Mathieu Houillon, Manfred Weber, Roberta Angelilli, Ivo Belet, Marco Scurria, Hubert Pirker f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0474/2013

Proċedura : 2013/2827(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0474/2013
Testi mressqa :
B7-0474/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0474/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-flussi migratorji fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi ftit 'il barra minn Lampedusa

(2013/2827(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1168/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea[1],

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari tal-10 ta' Ottubru 2013 bil-għan li jiġi adottat ir-Regolament (UE) Nru …/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (EUROSUR)[2],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-20 ta' Marzu 2013 bit-titlu 'Politika Ewropea tal-Viċinat: Naħdmu lejn sħubija aktar b'saħħitha' (JOIN/2013/0004),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ April 2011 dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dimensjoni tan-Nofsinhar[3],

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil[4],

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali għalihom,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment[5],

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta' April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)[6],

–   wara li kkunsidra l-mistoqija orali dwar 'Skema ta' rilokazzjoni tal-Unjoni volontarja u permanenti' tal-20 ta' Mejju 2013,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern dwar iż-żjara tad-delegazzjoni tiegħu lejn Lampedusa f'Novembru 2011,

–   jieħu nota taż-żjara tal-President tal-Kummissjoni Jos Manuel Barroso u l-Kummissarju għall-Affarijiet Interni Cecilia Malmström f'Lampedusa fid-9 ta' Ottubru 2013 u d-dibattitu relatat fil-plenarja, li sar fl-istess jum, dwar il-flussi migratorji tal-UE fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi ftit 'il barra minn Lampedusa,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni finali tal-Kumitat Speċjali dwar il-Kriminalità Organizzata, il-Korruzzjoni u l-Ħasil ta' Flus, b'riferiment partikolari għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u t-traffikanti tal-mewt,

–   wara li kkunsidrat l-Artikoli 77 u 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi mijiet ta' migranti riċentament mietu viċin tal-Gżira Taljana ta' Lampedusa u eluf oħrajn mietu f'dawn l-aħħar deċennji fil-Baħar Mediterran;

B.  billi l-ġrajjiet traġiċi li seħħew 'il barra minn Lampedusa jridu jiġu kkunsidrati fil-kuntest ta' flussi migratorji fil-Mediterran, li huma permanenti u bla kontroll u jaffettwaw fil-parti l-kbira tagħhom lill-Istati Membri tan-nofsinhar tal-Ewropa, imma jikkostitwixxu tħassib serju għall-Istati Membri kollha,

C. billi l-inkwiet politiku fl-Afrika ta' Fuq, b'mod partikolari fl-Eġittu, il-Libja u t-Tuneżija, u aktar reċenti, il-kriżi Sirjana wasslu għal żieda inkwetanti fil-flussi migratorji irregolari, li rriżultaw f'sitwazzjoni eċċezzjonali;

D. billi s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA), li ġiet riveduta mill-ġdid, għandha l-għan li tipprovdi regoli aktar ċari u li tiggarantixxi protezzjoni ġusta u adegwata lil refuġjati fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali, fil-kuntest ta' flussi migratorji ordinarji u regolari;

E.  billi l-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà hu deskritt fl-Artikolu 80 tat-TFUE;

F.  billi l-Frontex tikkoordina, inter alia, rondi barra mill-kosta Taljana permezz ta' persunal, dgħajjes, ajruplani u ħelikopters li ssellfu minn numru ta' Stati Membri;

G. billi l-Kummissjoni pproponiet tisħiħ tar-rwol tal-Frontex fil-Baħar Mediterran, bl-iskjerament ta' operazzjoni ta' tiftix u salvataġġ li tagħmel rondi minn Ċipru sa Spanja u li tieħu vantaġġ mis-sistema EUROSUR;

H. billi f'dawn l-aħħar ġranet il-Kummissjoni wegħdet EUR 30 miljun f'fondi tal-UE lill-Italja b'rabta mal-flussi migratorji;

I.   billi l-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin jisfruttaw il-migrazzjoni irregolari u l-vittmi huma sfurzati, imħajra jew imqarrqa sabiex jiġu lejn l-Ewropa permezz ta' netwerks kriminali, u billi dawn il-problemi huma ta' theddida serja għas-sigurtà tal-UE u riskju serju għall-ħajja tal-migranti;

1.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-ġrajjiet traġiċi f'Lampedusa ma ġewx evitati minkejja l-miżuri li diġa' hemm fis-seħħ biex isalvaw il-ħajjiet fil-Mediterran;

2.  Iqis li l-istrumenti u l-miżuri li hemm fis-seħħ bħalissa ma jippermettux li jkun hemm soluzzjonijiet effettivi sabiex traġedja bħal din ma terġax tiġri, kif ġie direttament iddikjarat mill-awtoritajiet Taljani;

3.  Iqis li s-salvataġġ ta' ħajjiet fil-Mediterran jibda f'pajjiżi terzi u dan jitlob kooperazzjoni aħjar u aktar effiċjenti bejn l-UE u pajjiżi terzi biex jipprevjenu r-repetizzjoni ta' ġrajjiet bħal dawk li seħħew ftit 'il barra minn Lampedusa;

4.  Jilqa' r-rondi ġodda Mare Nostrum, operazzjoni ta' salvataġġ u sorveljanza mnedija mill-Italja sabiex issaħħaħ attivitajiet ta' salvataġġ umanitarji fil-Mediterran;

5.  Jitlob għal assistenza umanitarja għas-superstiti ta' ġrajjiet traġiċi bħal dawn u lill-UE u lill-Istati Membri biex jibqgħu impenjati sabiex jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali universali ta' dawk is-superstiti, b'mod partikolari l-minorenni mhux akkumpanjati;

6.  Jenfasizza l-fatt li, filwaq li tiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem tal-migranti kollha, l-UE għandha tikkonċentra fuq refuġjati ġenwini taħt il-Konvenzjoni ta' Ġinevra sabiex tipprovdi l-aħjar assistenza u protezzjoni possibbli lil dawk li huma intitolati għalihom;

7.  Jirrikonoxxi l-isforzi kbar li saru mill-awtoritajiet Taljani, organizzazzjonijiet mhux governattivi bħall-Caritas u r-Red Cross, u l-popolazzjoni lokali fir-rigward tal-ewwel akkoljenza u operazzjonijiet ta' salvataġġ tal-migranti u refuġjati kollha, u jisteiden lill-Kummissjoni biex fil-futur qarib tagħmel disponibbli r-riżorsi mħabbra mill-President Barroso;

8.  Jenfasizza li hemm bżonn approċċ aktar koerenti u solidarjetà akbar ma' dawk l-Istati Membri li qed jiffaċċjaw pressjoni partikolari biex jilqgħu għandhom ir-rifuġjati;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi assistenza lil pajjiżi terzi, speċjalment pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu lejn l-UE, billi ssaħħaħ l-infrastruttura lokali, l-assistenza medika, il-kontrolli mal-fruntieri, is-sistemi tal-asil u l-kondizzjonijiet ta' akkoljenza;

10. Iqis li l-ftehimiet bilaterali dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni bejn l-UE u pajjiżi ta' tranżitu lejn l-UE għandhom ikunu ta' prijorità għall-Unjoni fil-futur qarib, inkluż il-finanzjament ta' faċilitajiet għall-pulizija u taħriġ fil-kapaċitajiet tal-infurzar tal-liġi, u assistenza għal dawn il-pajjiżi - u l-pajjiżi ta' oriġini tal-migranti - biex jiddiversifikaw u jtejbu l-ekonomiji tagħhom;

11. Jilqa' l-istabbiliment tal-Kunsill, kif propost mill-Italja, għal task force sabiex jitjiebu l-għodod disponibbli għall-UE, li jistgħu jintużaw b'mod aktar effettiv permezz tal-metodu ta' kooperazzjoni;

12. Jitlob, bħala prijorità, koordinazzjoni aħjar tal-mezzi u r-riżorsi tal-UE, fosthom dawk disponibbli għall-Frontex (bħal EUROSUR) u l-Europol, sabiex tiżdied, flimkien ma' pajjiżi terzi, il-ġlieda kontra netwerks kriminali ta' traffikanti tal-bnedmin u kuntrbandisti;

13. Jilqa' l-proposti tal-Kummisjoni sabiex iniedi operazzjoni ta' tiftix u salvataġġ minn Ċipru sa Spanja u sabiex isaħħaħ il-Frontex billi jiżdiedu l-baġit u l-kapaċitajiet biex isalvaw il-ħajjiet u jiġġieldu t-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu; iħeġġeġ lill-Istati Membri jibagħtu aktar gwardji tal-fruntieri, mezzi u tagħmir sabiex jgħinu lill-Frontex, u biex jevalwaw il-possibbiltà li jitwaqqaf tim ta' gwardji kostali taħt l-awspiċi tal-Frontex;

14. Jitlob li s-sanzjonijiet għall-kuntrabandisti u t-traffikanti tal-bnedmin ikunu aktar stretti u għal kampanji ta' informazzjoni fuq firxa wiesgħa biex tinħoloq sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji differenti li jaffaċċjaw dawk li jpoġġu ħajjithom f'idejn it-traffikanti u l-kuntrabandisti;

15. Jenfasizza l-fatt li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu proċess ta' rilokazzjoni fl-UE, fuq bażi volontarja;

16. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jikkunsidraw il-possibbiltà li jiġi stabbilit uffiċċju operattiv ieħor tal-Frontex fir-reġjun tal-Mediterran, bl-ispejjeż kollha li għandhom jitħallsu mill-Istat Membru magħżul;

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.