Proċedura : 2013/2827(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0475/2013

Testi mressqa :

B7-0475/2013

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 23/10/2013 - 11.13
CRE 23/10/2013 - 11.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0448

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 140kWORD 79k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0474/2013
16.10.2013
PE519.353v04-00
 
B7-0475/2013

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-flussi migratorji fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi ftit 'il barra minn Lampedusa (2013/2827(RSP))


Jan Mulder f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-flussi migratorji fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi ftit 'il barra minn Lampedusa (2013/2827(RSP))  
B7‑0475/2013

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħhom,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil(1),

–   wara li kkunsidra l-proposta dwar is-Sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operattiva kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1168/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX)(2),  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari tat-10 ta' Ottubru 2013 bil-għan li jiġi adottat ir-Regolament (UE) Nru …/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà ta' l-Unjoni Ewropea (EUROSUR)(3),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta Sigurtà tal-20 ta' Marzu 2013 bit-titlu 'Politika Ewropea tal-Viċinat: Naħdmu lejn sħubija aktar b'saħħitha' (JOIN/2013/0004),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ April 2011 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dimensjoni tan-Nofsinhar(4),

–   wara li kkunsidra l-mistoqija orali dwar "Skema ta' rilokazzjoni tal-Unjoni volontarja u permanenti" tal-20 ta' Mejju 2013,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-kumitat LIBE dwar id-delegazzjoni lejn Lampedusa ta' Novembru 2011,

–   wara li kkunsidra ż-żjara lejn Lampedusa tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso, u l-Kummissarju għall-Affarijiet Interni Cecilia Malmström f'Lampedusa fid-9 ta' Ottubru 2013 u d-dibattitu relatat fil-plenarja, li sar fl-istess jum, dwar il-politiki migratorji tal-UE fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi ftit 'il barra minn Lampedusa,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 77 u 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-aħħar traġedji li seħħew ftit 'il barra minn Lampedusa ħallew tal-inqas 360 migrant mejjet, b'ħafna oħrajn li ma nstabux;

B.  billi minn tal-inqas 20 000 persuna mietet fil-baħar mill-1993 skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, filwaqt li għal darba oħra tiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li jsir dak kollu li hu possibbli biex jiġu salvati l-ħajjiet tan-nies li jinsabu f'periklu, u l-bżonn li l-Istati Membri jwettqu l-obbligi internazzjonali tagħhom rigward is-salvataġġ fuq il-baħar;

C. billi l-kuntrabandisti u t-traffikanti tal-bnedmin jisfruttaw il-migranti irregolari, u l-vittmi huma sfurzati, imħajra jew imqarrqa sabiex jiġu lejn l-Ewropa permezz ta' netwerks kriminali; billi dawk in-netwerks kriminali joħolqu riskju serju għall-ħajja tal-migranti u jippreżentaw sfida lill-UE;

D. billi l-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà huwa definit fl-Artikolu 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

E.  billi s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA), li ġiet riveduta mill-ġdid, għandha l-għan li tipprovdi regoli aktar ċari u li tiggarantixxi protezzjoni ġusta u adegwata lil refuġjati fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali;

F.  billi l-leġiżlazzjoni tal-UE diġà tipprovdi ċerti għodod, bħall-Kodiċi dwar il-Viżi u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, li jippermettu l-għoti ta' viżi umanitarji għar-refuġjati;

G. billi l-Istati Membri għandhom jiġu inkoraġġiti jagħmlu użu mill-fondi li se jkunu disponibbli taħt il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Asil u l-fondi disponibbli taħt l-Azzjoni Preparatorja “Il-possibilità tar-risistemazzjoni ta' refuġjati f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza” li tkopri, fost ħwejjeġ oħra, il-miżuri li ġejjin: appoġġ lill-persuni li diġà huma rikonoxxuti bħala rifuġjati mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR); appoġġ għal azzjoni ta’ emerġenza fil-każ ta’ gruppi ta’ rifuġjati, identifikati bħala prijoritarji, li jinsabu taħt attakk armat u li jiffaċċjaw ċirkostanzi ta’ vulnerabbiltà estrema u ta’ natura li theddilhom ħajjithom; l-għoti, fejn meħtieġ, ta' appoġġ finanzjarju ulterjuri waqt każijiet ta' emerġenza lill-UNHCR u lill-organizzazzjonijiet marbuta miegħu fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE;

1.  Jesprimi dieqa u dispjaċir profond għat-telf traġiku tal-ħajja umana ftit 'il barra minn Lampedusa; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri biex jagħmlu aktar ħalli jevitaw it-telf tal-ħajja fil-baħar;

2.  Huwa tal-opinjoni li dak li ġara f'Lampedusa għandu jservi ta' tbesbisa għall-Ewropa u li l-uniku mod biex tiġi evitata traġedja oħra huwa li jiġi adottat approċċ koordinat imsejjes fuq is-solidarjetà u r-responsabilità, bl-appoġġ ta' strumenti komuni;

3.  Jitlob għal assistenza umanitarja għas-superstiti ta' ġrajjiet traġiċi bħal dawn u jitlob li l-UE u l-Istati Membri jibqgħu impenjati sabiex jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali universali tagħhom, b'mod partikolari dawk tal-minorenni mhux akkumpanjati;

4.  Jenfasizza li d-dħul b'mod legali fl-UE huwa ppreferut mid-dħul b’mod irregolari u aktar perikoluż, li jista’ jinvolvi riskji ta’ traffikar tal-bnedmin u ta' telf tal-ħajja umana; għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex jesploraw il-liġi u l-proċeduri eżistenti kollha tal-UE li jipprovdu dħul sikur fl-UE sabiex jaċċettaw b'mod temporanju n-nies li jkollhom jaħarbu minn pajjiżhom; jinnota li l-leġiżlazzjoni tal-UE diġà tipprovdi ċerti għodod, bħall-Artikolu 25 tal-Kodiċi dwar il-Viżi u l-Artikolu 5 fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, li jippermettu l-għoti ta' viżi umanitarji għar-refuġjati;

5.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li għadd dejjem akbar ta’ nies qed jissugraw ħajjithom billi jitilqu fuq vjaġġi perikolużi bid-dgħajjes biex jaqsmu l-Mediterran lejn l-UE; jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri li jippermettu lill-persuni li jfittxu l-asil ikollhom aċċess għas-sistema ta’ asil tal-Unjoni b'mod sikur u ġust;

6.  Ifakkar li s-solidarjetà tal-UE għandha tmur id f'id mar-responsabbiltà; ifakkar li l-Istati Membri għandhom obbligu legali li joħorġu jgħinu lill-migranti li jinsabu fuq il-baħar;

7.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu użu mill-kompetenzi tagħhom u jużaw il-miżuri eżistenti kollha għas-salvataġġi fil-baħar;

8.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex irażżnu jew jirrevedu kwalunkwe leġiżlazzjoni li tikkriminalizza n-nies li jassistu l-migranti fuq il-baħar; jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrevedi d-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE li tiddefinixxi s-sanzjonijiet f'każ ta' ffaċilitar ta' dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati sabiex tiċċara l-fatt li l-għotja ta' għajnuna umanitarja lill-migranti fil-baħar li jinsabu f'diffikultà tkun ir-regola ġenerali u mhux azzjoni li għandha qatt twassal għal xi forma ta' sanzjoni;

9.  Jistieden lill-Unjoni tfassal malajr regoli ta' interċezzjoni ġodda għall-operazzjonijiet fuq il-baħar ikkoordinati mill-Frontex sabiex jinkisbu miżuri ta' salvataġġ effikaċi u kkoordinati fil-livell tal-UE u sabiex jiġi żgurat li l-operazzjonijiet jitmexxew b'konformità sħiħa mad-dritt u mal-istandards internazzjonali rilevanti għad-drittijiet tal-bniedem u r-rifuġjati, u mal-obbligi li jaqgħu taħt id-dritt marittimu;

10. Jistieden lill-Frontex u l-Istati Membri biex jiżguraw li l-gwardji tal-fruntieri kollha u persunal ieħor mill-Istati Membri li jipparteċipaw fit-Timijiet Ewropej tal-Għassa tal-Fruntieri, kif ukoll il-persunal tal-Aġenzija, jirċievu taħriġ fil-liġi relevanti tal-Unjoni u dik internazzjonali u d-drittijiet fundamentali, bi qbil mal-Artikolu 5 tar-Regolament Frontex kif inhu rivedut;

11. Jistieden lill-Unjoni u l-Istati Membri biex jaħdmu fuq it-twaqqif ta' mekkaniżmi effettivi għall-identifikazzjoni ta' postijiet ta' sikurezza għall-iżbark ta' refuġjati u migranti salvati;

12. Jistieden lill-Unjoni u l-Istati Membri biex jistabbilixxu aċċess għal proċeduri tal-asil ġusti u effiċjenti għal dawk li jistgħu possibilment ikollhom bżonn protezzjoni internazzjonali, ibbażati fuq il-qbil li l-iżbark mhux neċessarjament jimplika responsabilità unika għall-ipproċessar u s-soluzzjonijiet mill-Istat li fit-territorju tiegħu jiġu żbarkati l-persuni salvati;

13. Jistieden lill-Unjoni u l-Istati Membri biex jimmaniġġjaw flussi migratorji billi jużaw l-istrumenti Ewropej u nazzjonali disponibbli, u biex jiżguraw koordinazzjoni u komunikazzjonijiet tajbin bħall-iffaċilitar tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn il-gwardji kostali nazzjonali;

14. Jistieden lill-Unjoni, il-Frontex u l-Istati Membri biex jiżguraw li l-assistenza tal-migranti f'diffikultà u s-salvataġġ fuq il-baħar huma fost il-prijoritajiet ewlenin tal-implimentazzjoni tar-Regolament EUROSUR li għadu kemm ġie adottat;

15. Jitlob għal żieda fil-baġit għall-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO) u għall-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX) sabiex l-Istati Membri jiġu megħjuna f'ċirkustanzi li jeħtieġu assistenza teknika u operattiva miżjuda mal-fruntieri esterni, billi jitqies li ċerti sitwazzjonijiet jistgħu jinvolvu emerġenzi umanitarji u salvataġġ fuq il-baħar; ifakkar li l-finanzjament xieraq ta' dawn l-istrumenti huwa vitali biex jiġi żviluppat approċċ koordinat; jistieden ukoll lill-Istati Membri biex iżidu l-kooperazzjoni prattika tagħhom mal-EASO u l-Frontex inkluż permezz ta' għajnuna mhux finanzjarja (uffiċjali stazzjonati, appoġġ materjali eċċ.);

16. Jiddispjaċih li l-UE ma kinetx kapaċi jew ma wrietx xewqa li tiżviluppa strateġija komprensiva għall-Mediterran li tqiegħed il-migrazzjoni tax-xogħol fil-kuntest tal-iżvilupp soċjali, ekonomiku u politiku tal-viċinat; iħeġġeġ lill-VP/HR biex tagħti prominenza akbar lill-miżuri li jiskoraġġixxu l-emigrazzjoni kif ġie ġie u tagħti inċentiv lill-gvernijiet tal-istati tan-nofsinhar tal-Mediterran biex jeżerċitaw aktar kontroll effettiv fil-fruntieri tagħhom;

17. Jistieden lill-UE tkompli toffri għajnuna umanitarja, finanzjarja u politika fiż-żoni ta' kriżi fl-Afrika ta' Fuq u l-Lvant Nofsani sabiex jiġu indirizzati l-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni;

18. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet kollha tal-istrumenti differenti tas-SEKA jiġu implimentati b’mod korrett; ifakkar lill-Istati Membri li n-nies li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu riferuti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-asil u għandu jkollhom aċċess għal proċeduri tal-asil ġusti u effiċjenti;

19. Jenfasizza b'mod partikolari l-importanza tal-kondiviżjoni tar-responsabilità finanzjarja fil-qasam tal-asil u jirrakkomanda l-ħolqien ta' mekkaniżmu fornit tajjeb bir-riżorsi msejjes fuq kriterji oġġettivi biex jitnaqqas il-piż minn fuq l-Istati Membri li qed jirċievu numri akbar ta' persuni li jfittxu asil u benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, kemm jekk f’termini assoluti jew proporzjonali;

20. Jistieden lill-UE u l-Istati Membri biex jieħdu miżuri responsabbli xierqa rigward influss ta’ rifuġjati li jista’ jseħħ fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jimmonitorjaw is-sitwazzjoni attwali u jaħdmu fuq ippjanar ta’ kontinġenza, inkluża l-possibilità li tiġi applikata d-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, jekk il-kundizzjonijiet jirrikjedu hekk;

21. Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement, f'konformità mad-dritt internazzjonali u mad-dritt tal-UE eżistenti; jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu b’effett immedjat kwalunkwe prattiki ta' detenzjoni li jkunu mhux xierqa jew estiżi bi ksur tad-dritt internazzjonali u tad-dritt Ewropew, u jirrimarka li l-miżuri biex migranti jiġu detenuti għandhom dejjem ikunu soġġetti għal deċiżjoni amministrattiva, u għandhom ikunu temporanji u sostanzjati kif dovut;

22. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jindirizzaw il-ħtiġijiet akuti permezz ta’ risistemazzjoni minbarra l-kwoti nazzjonali eżistenti u permezz ta’ ammissjoni umanitarja; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-fondi li għadhom disponibbli fil-qafas tal-azzjoni preparatorja/il-proġett pilota dwar ir-risistemazzjoni;

23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Parlamenti u lill-Gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati.

 

(1)

ĠU L 132, 29.5.2010, p.11.

(2)

ĠU L 304, 22.11.2011, p.1.

(3)

Testi adottati, P7­_TA(2013)0416.

(4)

ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 114..

Avviż legali - Politika tal-privatezza