MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-flussi migratorji fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi ftit 'il barra minn Lampedusa
16.10.2013 - (2013/2827(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Juan Fernando López Aguilar, Sylvie Guillaume, Claude Moraes, Rita Borsellino f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0474/2013
B7‑0476/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-flussi migratorji fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi ftit 'il barra minn Lampedusa
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-diskussjonijiet tal-Kunsill tas-7 u t-8 ta' Ottubru 2013 dwar il-ġrajjiet reċenti f'Lampedusa,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-President tal-Kummissjoni u Kummissarju Cecilia Malmström tad-9 ta' Ottubru 2013,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) tat-12 ta' Ottubru 2013[1],
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1872(2012) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) intitolat ‘Ħajjiet mitlufa fil-Baħar Mediterran’: Min hu responsabbli’ u adottata fl-24 ta’ April 2012,
– warra li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem għall-migranti u l-aħħar rapport tiegħu tal-24 ta' April 2013 dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea u l-impatt tagħha fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti[2],
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħhom,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil[3],
– wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operattiva kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (COM(2013)0197),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1168/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea[4],
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari tal-10 ta' Ottubru 2013 bil-għan li jiġi adottat ir-Regolament (UE) Nru …/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà ta' l-Unjoni Ewropea (EUROSUR)[5],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-20 ta' Marzu 2013 bit-titlu 'Politika Ewropea tal-Viċinat: Naħdmu lejn sħubija aktar b'saħħitha' (JOIN/2013/0004),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ April 2011 dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dimensjoni tan-Nofsinhar[6],
– wara li kkunsidra l-mistoqija orali dwar "Skema ta' rilokazzjoni tal-Unjoni volontarja u permanenti" tal-20 ta' Mejju 2013,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern dwar iż-żjara tad-delegazzjoni tiegħu f'Lampedusa f'Novembru 2011,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 77, 78, 79 u 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-aħħar traġedja li seħħet ftit 'il barra minn Lampedusa fit-3 ta’ Ottubru 2013 ħalliet tal-inqas 360 migrant mejjet, b’mijiet oħra li ma nstabux; billi t-traġedja sussegwenti li seħħet ftit 'il barra minn Malta fil-11 ta’ Ottubru 2013 ħalliet tal-inqas 23 persuna mejta;
B. billi, skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, tal-inqas 20 000 persuna mietet fil-baħar mill-1993 'l hawn, filwaqt li dan juri għal darba oħra li hemm bżonn li jsir dak kollu li hu possibbli biex jiġu salvati l-ħajjiet tan-nies li jinsabu f'periklu, u l-bżonn li l-Istati Membri jwettqu l-obbligi internazzjonali tagħhom rigward is-salvataġġ fuq il-baħar;
C. billi għad hemm nuqqas ta' ċarezza fil-livell tal-UE dwar id-diviżjoni tar-responsabilità fost id-diversi entitajiet involuti fl-għoti ta' assistenza lill-bastimenti li jinsabu f'diffikultà, u dwar ir-responsabilità għall-koordinazzjoni tal-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ;
D. billi l-kuntrabandisti u t-traffikanti tal-bnedmin jisfruttaw il-migrazzjoni irregolari u l-vittmi huma sfurzati, imħajra jew imqarrqa sabiex jiġu lejn l-Ewropa permezz ta' netwerks kriminali, u billi dawk in-netwerks huma theddida serja għall-ħajja tal-migranti u sfida għall-UE;
E. billi l-prinċipju ta' solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà huma stipulati fl-Artikolu 80 tat-TFUE;
F. billi s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA) li ġiet riveduta mill-ġdid għandha l-għan li tipprovdi regoli aktar ċari u li tiggarantixxi protezzjoni ġusta u adegwata lill-persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali;
G. billi l-leġiżlazzjoni tal-UE diġà tipprovdi għadd ta' għodod, bħall-Kodiċi dwar il-Viżi u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, li jippermettu l-għoti ta' viżi umanitarji;
H. billi l-Istati Membri għandhom jitħeġġu jagħmlu użu mill-fondi li se jkunu disponibbli taħt il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Asil u minn dawk disponibbli taħt l-Azzjoni Preparatorja ‘Il-possibilità tar-risistemazzjoni ta' refuġjati f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza’ li tkopri, fost ħwejjeġ oħra, il-miżuri li ġejjin: appoġġ lill-persuni li diġà huma rikonoxxuti bħala refuġjati mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR); appoġġ għal azzjoni ta’ emerġenza fil-każ ta’ gruppi ta’ refuġjati, identifikati bħala prijoritarji, li jinsabu taħt attakk armat u li jiffaċċjaw ċirkostanzi ta’ vulnerabbiltà estrema u ta’ natura li theddilhom ħajjithom; l-għoti, fejn meħtieġ, ta' appoġġ finanzjarju ulterjuri waqt każijiet ta' emerġenza lill-UNHCR u lill-organizzazzjonijiet marbuta miegħu fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE;
1. Huwa tal-opinjoni li dak li ġara f'Lampedusa għandu jservi ta' approċċ reali ġdid għall-UE u li l-uniku mod biex tiġi evitata traġedja oħra huwa li jiġi adottat approċċ koordinat imsejjes fuq is-solidarjetà u r-responsabbiltà, bl-appoġġ ta' strumenti komuni;
2. Jesprimi t-tħassib tiegħu li għadd dejjem jikber ta’ nies qed jissugraw ħajjithom billi jimbarkaw fuq vjaġġi perikolużi bid-dgħajsa biex jaqsmu l-Mediterran u jidħlu fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri li jiżguraw li n-nies jistgħu jiksbu aċċess għas-sistema ta' asil tal-UE b’mod sikur, mingħajr ma jkollhom jirrikorru għall-kuntrabandisti tal-bnedmin jew netwerks kriminali u mingħajr ma jpoġġu ħajjithom f'periklu;
3. Jistieden lill-Istati Membri jesploraw u jippromwovu l-leġiżlazzjoni u l-proċeduri eżistenti kollha tal-UE li jippermettu dħul sigur fl-UE; jinnota li d-dħul b'mod legali fl-UE huwa ppreferut mid-dħul b’mod irregolari u aktar perikoluż, li jista’ jinvolvi riskji ta’ traffikar tal-bnedmin;
4. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-għodod disponibbli taħt il-politika tal-UE dwar il-viżi fir-reġjun, bil-għan li jiġu ffaċilitati l-kanali legali għall-migrazzjoni fl-UE u b'hekk dan jgħin biex jitnaqqas l-impetu għall-immigrazzjoni irregolari lejn l-UE;
5. Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jimmonitorjaw il-flussi migratorji mħallta billi jużaw l-istrumenti Ewropej u nazzjonali disponibbli, u jżommu koordinazzjoni u komunikazzjonijiet tajbin, pereżempju permezz tal-ġbir u l-analiżi tal-informazzjoni relevanti;
6. Jistieden lill-UE, lill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Unjoni Ewropea (Frontex) u lill-Istati Membri jiżguraw li l-assistenza lill-migranti f'diffikultà u s-salvataġġ fil-baħar ikunu fost il-prijoritajiet prinċipali għall-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-EUROSUR li għadu kif ġie adottat;
7. Jitlob lill-UE żżid il-kooperazzjoni tagħha mal-pajjiżi terzi, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Politika tal-Viċinat, inter alia billi tappoġġja u tinkoraġġixxi lil dawk il-pajjiżi terzi jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-liġi internazzjonali, inkluż fir-rigward tas-salvataġġ fuq il-baħar, il-protezzjoni tar-refuġjati u r-rispett tad-drittijiet fundamentali;
8. Jenfasizza li huma meħtieġa approċċ aktar koerenti u solidarjetà akbar mal-Istati Membri li qed jiffaċċjaw pressjoni partikolari biex jilqgħu għandhom ir-refuġjati u l-migranti; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet kollha tal-istrumenti differenti tas-SEKA jiġu implimentati b’mod korrett;
9. Jenfasizza b'mod partikolari l-importanza tal-kondiviżjoni tar-responsabilità finanzjarja fil-qasam tal-asil u jirrakkomanda l-ħolqien ta' mekkaniżmu fornit tajjeb bir-riżorsi msejjes fuq kriterji oġġettivi biex jitnaqqas il-piż minn fuq l-Istati Membri li qed jirċievu numri akbar ta' persuni li jfittxu asil u benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, kemm jekk f’termini assoluti jew proporzjonali;
10. Ifakkar li s-solidarjetà tal-UE għandha tmur id f'id mar-responsabbiltà; ifakkar li l-Istati Membri fl-obbligu legali tagħhom li joħorġu jgħinu lill-migranti li jinsabu fuq il-baħar; jistieden lil dawk l-Istati Membri li naqsu milli jissodisfaw l-obbligi internazzjonali tagħhom sabiex jieqfu jibagħtu lura d-dgħajjes bil-migranti abbord;
11. Jistieden lill-koleġiżlaturi, b’mod partikolari l-Kunsill, jaqblu malajr dwar ir-regoli ta' interċezzjoni ġodda għall-operazzjonijiet fuq il-baħar ikkoordinati mill-Frontex sabiex jinkisbu miżuri ta' salvataġġ effikaċi u kkoordinati fil-livell tal-UE u sabiex jiġi żgurat li l-operazzjonijiet jitmexxew b'konformità sħiħa mad-dritt u mal-istandards internazzjonali relevanti għad-drittijiet tal-bniedem u r-refuġjati, u mal-obbligi li jaqgħu taħt id-dritt marittimu;
12. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirrevokaw u jirrevedu kwalunkwe leġiżlazzjoni li tikkriminalizza n-nies li jgħinu lill-migranti fuq il-baħar; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi li tiġi emendata d-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE li tiddefinixxi l-iffaċilitar tad-dħul, it-transitu u residenza mhux awtorizzati[7] sabiex jiċċara l-fatt li l-għoti ta' għajnuna umanitarja lill-migranti li jinsabu f'diffikultà fil-baħar għandu jintlaqa' tajjeb u mhux azzjoni li għandha qatt twassal għal xi forma ta' sanzjoni;
13. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li l-kaptani tal-vapuri li jwettqu operazzjonijiet ta' riċerka u salvataġġ ma jiġux akkużati bl-iffaċilitar tal-kuntrabandu tal-persuni salvati jew jiffaċċjaw akkużi kriminali;
14. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jistabbilixxu mekkaniżmi ta' identifikazzjoni u riferiment, inkluż aċċess għal proċeduri tal-asil ġusti u effiċjenti għal dawk li jista' jkollhom bżonn protezzjoni internazzjonali, abbażi tal-fehim li l-iżbark mhux neċessarjament jimplika responsabbiltà unika għall-ipproċessar u s-soluzzjonijiet min-naħa tal-Istat li fit-territorju tiegħu jiġu żbarkati l-persuni salvati fuq il-baħar;
15. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jaħdmu fuq it-twaqqif ta' mekkaniżmi effikaċi u previżibbli għall-identifikazzjoni ta' postijiet ta' sikurezza għall-iżbark ta' refuġjati u migranti salvati;
16. Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement, f'konformità mad-dritt internazzjonali u mad-dritt tal-UE eżistenti; jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu b’effett immedjat kwalunkwe prattika ta' detenzjoni li jkunu mhux xierqa jew estiżi bi ksur tad-dritt internazzjonali u tad-dritt Ewropew, u jirrimarka li l-miżuri biex migranti jiġu detenuti għandhom dejjem ikunu soġġetti għal deċiżjoni amministrattiva, u għandhom ikunu temporanji u sostanzjati kif dovut;
17. Ifakkar lill-Istati Membri li n-nies li qed jaħarbu l-kunflitt li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu riferuti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-asil u għandu jkollhom aċċess għal proċeduri tal-asil ġusti u effiċjenti;
18. Jistieden lill-Istati Membri biex, meta jkun meħtieġ, jikkunsidraw li japplikaw l-Artikolu 3(2) tar-Regolament 604/2013[8], sabiex jassumu r-responsabilità għall-applikazzjonijiet għall-asil tal-persuni li huma f’riskju li ma jkunux jistgħu igawdu mill-aċċess għad-drittijiet tagħhom f’xi Stat Membru li ma jkunx jista’ jissodisfa l-obbligi tiegħu; jafferma li, b'mod simili, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li japplikaw l-Artikolu 15 tar-regolament imsemmi hawn fuq sabiex jgħaqqdu l-membri tal-familja estiża;
19. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jindirizzaw il-ħtiġijiet akuti permezz ta’ risistemazzjoni minbarra l-kwoti nazzjonali eżistenti u permezz ta’ ammissjoni umanitarja; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-fondi li għadhom disponibbli fil-qafas tal-azzjoni preparatorja / il-proġett pilota dwar ir-risistemazzjoni;
20. Jitlob żieda fil-baġits rispettivi tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ għall-Asil (EASO) u tal-Frontex; ifakkar li l-finanzjament xieraq ta' dawn l-istrumenti huwa vitali biex jiġi żviluppat approċċ koordinat;
21. Jistieden lill-Frontex u lill-Istati Membri jiżguraw li l-gwardji kollha tal-fruntieri u l-persunal l-ieħor tal-Istati Membri li qed jipparteċipaw fit-Timijiet tal-Għassa tal-Fruntiera, flimkien mal-persunal tal-Frontex, jirċievu taħriġ dwar il-liġijiet tal-UE u internazzjonali relevanti, inkluż dwar id-drittijiet fundamentali, l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, u linji gwida dwar l-identifikazzjoni ta’ persuni li qed ifittxu l-protezzjoni u kif dawn jiġu gwidati lejn il-faċilitajiet xierqa, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament Frontex rivedut;
22. Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi forza ta’ ħidma dwar il-kwistjoni tal-flussi migratorji fil-Mediterran; jinsisti li dan jista’ jitqies biss li huwa l-ewwel pass lejn approċċ iktar ambizzjuż;
23. Jitlob, b’mod ġenerali, li jiġi adottat approċċ iktar olistiku fir-rigward tal-politika tal-UE dwar l-asil, il-migrazzjoni legali, l-impjiegi, l-immigrazzjoni irregolari, il-viżi, il-fruntieri esterni, l-affarijiet esteri u l-iżvilupp sabiex ikun żgurat approċċ komprensiv għall-kwistjonijiet interkonnessi dwar il-migrazzjoni;
24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] http://www.unhcr.org/print/52594c6a6.html
- [2] http://www.ohchr.org/Documents/HRBodies/HRCouncil/RegularSession/Session23/A.HRC.23.46_en.pdf
- [3] ĠU L 132, 29.5.2010, p. 11.
- [4] ĠU L 304, 22.11.2011, p. 1.
- [5] P7_TA(2013)0416.
- [6] ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 114.
- [7] ĠU L 328, 5.12.2002, p. 17.
- [8] ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31.