Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0478/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0478/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-flussi migratorji fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi ftit 'il barra minn Lampedusa

16.10.2013 - (2013/2827(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Timothy Kirkhope, Susy De Martini, Cristiana Muscardini f'isem il-Grupp ECR

Proċedura : 2013/2827(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0478/2013
Testi mressqa :
B7-0478/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0478/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-flussi migratorji fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi ftit 'il barra minn Lampedusa

(2013/2827(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Laqgħa Ministerjali tal-Pajjiżi li Jmissu mas-Sirja organizzata mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati fl-4 ta’ Settembru 2013,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sirja,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali għalihom,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1168/2011 tal-25 ta’ Ottubru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex),

–   wara li kkunsidra l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil,

–   wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament li jistabbilixxi regoli dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operattiva kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (COM(2013)0197),

–   wara li kkunsidra r-regolament li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi fl-aħħar traġedji li seħħew ftit 'il barra minn Lampedusa fit-3 ta' Ottubru 2013, tal-inqas 360 migrant tilfu ħajjithom, filwaqt li ħafna aktar għadhom mitlufa;

B.  billi skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, tal-inqas 20 000  ruħ mietu fil-baħar mill-1993 'l hawn;

C. billi skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR), il-gżira żgħira ta' Lampedusa għandha popolazzjoni ta' bejn 4 500 u 5 000 ruħ;

D. billi fl-Unjoni Ewropea, il-Ġermanja (14 842) u l-Isvezja (14 083) irċevew 59 % tat-talbiet li tressqu (fl-UE28) minn refuġjati Sirjani, filwaqt li pajjiżi oħra esperjenzaw żieda sinifikanti fl-applikazzjonijiet, u Stat Membru wieħed biss (ir-Renju Unit b'2 634) irċieva aktar minn 2 000 talba;

E.  billi hemm nuqqas ta’ dejta għalkollox eżatta u affidabbli dwar l-għadd totali ta' dawk li jfittxu l-asil fl-Ewropa u l-għadd totali preżenti; billi jeħtieġ li jiġu indirizzati mhux biss il-pressjonijiet f'termini ta' punti ta' dħul, iżda wkoll is-sitwazzjoni ta' dawk il-pajjiżi li qegħdin taħt pressjoni minħabba l-għadd kbir ta' applikazzjonijiet;

F.  billi l-Istati Membri għandhom jiġu inkoraġġiti jagħmlu użu mill-fondi li se jkunu disponibbli permezz tal-Fond għall-Migrazzjoni u l-Asil u mill-fondi disponibbli li diġà huma disponibbli;

1.  Jesprimi dieqa u dispjaċir profondi għat-telf traġiku tal-ħajja umana f'Lampedusa, u jħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jagħmlu aktar biex jevitaw it-telf tal-ħajja umana fuq il-baħar u jikkumbattu t-traffikar tal-bnedmin mal-fruntieri tal-Unjoni;

2.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li għadd dejjem akbar ta’ dawk li jfittxu l-asil qed jissugraw ħajjithom billi jitilqu fuq vjaġġi perikolużi bid-dgħajjes biex jaqsmu l-Mediterran lejn l-UE;

3.  Ifakkar lill-Istati Membri dwar il-possibilità li jużaw il-miżuri eżistenti għas-salvataġġ fuq il-baħar;

4.  Jinnota li huwa ppreferut li wieħed jidħol b'mod legali u proċedurali fl-UE milli jidħol b’mod irregolari u aktar perikoluż, li jista’ jinvolvi riskji ta’ traffikar tal-bnedmin u ta' telf tal-ħajja umana, u jkattar l-immigrazzjoni irregolari; jitlob lill-Istati Membri, għalhekk, biex jistabbilixxu sanzjonijiet kriminali qawwija għal dawk l-individwi li huma involuti fit-traffikar tal-bnedmin kemm lejn l-UE kif ukoll fi ħdanha;

5.  Jinsab imħasseb ferm dwar il-kriżi umanitarja u l-instabbiltà politika li għaddejjin bħalissa fl-Afrika ta' Fuq, li b'konsegwenza tagħhom il-pajjiżi ġirien qed jitqiegħdu taħt pressjoni qawwija u għadd kbir ta' refuġjati qed ikomplu jfittxu l-asil fl-UE;

6.  Jilqa' l-isforzi tal-pajjiżi ġirien fiż-żoni ta' kunflitt fl-Afrika ta' Fuq biex jipprovdu asil għall-miljuni ta' persuni spostati;

7.  Jitlob li l-UE tkompli toffri għajnuna umanitarja, finanzjarja u politika fiż-żoni ta' kriżi fl-Afrika ta' Fuq sabiex il-pressjonijiet umanitarji u migratorji jiġu indirizzati fl-għeruq kawżali tagħhom;

8.  Jitlob li l-UE twettaq monitoraġġ tad-distribuzzjoni ta’ dawn il-fondi, u żżid r-reponsabilità demokratika għal din l-għajnuna, sabiex dawn ir-riżorsi jħallu xi effetti pożittivi, li s'issa għad ma kienx hemm;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw it-twessigħ tar-responsabilitajiet tal-aġenzija Frontex, u jilqa' r-Regolament EUROSUR li għadu kemm ġie adottat u l-proposta dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operattiva kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri, bħala mezzi biex jissorveljaw tajjeb il-fruntiera tal-UE u jevitaw telf traġiku ieħor tal-ħajja umana;

10. Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex iwettqu monitoraġġ tal-flussi ta' dawk li jfittxu l-asil billi jużaw l-istrumenti Ewropej u nazzjonali disponibbli, u biex iżommu koordinazzjoni u komunikazzjonijiet tajbin bħall-iffaċilitar tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn il-gwardji kostali nazzjonali;

11. Jinkoraġġixxi djalogu regolari mal-pajjiżi tal-Magreb bħala mezz għat-tħejjija u t-trattament effikaċi tal-fluss ta' dawk li jfittxu l-asil fl-Unjoni Ewropea;

12. Jisħaq fuq l-importanza li l-Istati Membri jesprimu solidarjetà billi jsaħħu b'mod proattiv ir-rispons kumplessiv ta' protezzjoni fl-Unjoni Ewropea permezz ta' kooperazzjoni msaħħa, kondiviżjoni tal-informazzjoni, ġestjoni tal-fruntiera, tisħiħ tal-kapaċitajiet u djalogu politiku, u billi jirrispettaw l-obbligi interni tagħhom rigward id-drittijiet tal-bniedem;

13. Ifakkar lill-Istati Membri li dawk li jfittxu l-asil u l-protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu riferuti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-asil u għandu jkollhom aċċess għal proċeduri tal-asil ġusti u effiċjenti;

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati u lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija.