Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0479/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0479/2013

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-flussi migratorji fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi ftit 'il barra minn Lampedusa

    16.10.2013 - (2013/2827(RSP))

    imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
    skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

    Marie-Christine Vergiat, Patrick Le Hyaric, Cornelia Ernst, Alda Sousa, Marisa Matias f'isem il-Grupp GUE/NGL

    Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0474/2013

    Proċedura : 2013/2827(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B7-0479/2013
    Testi mressqa :
    B7-0479/2013
    Dibattiti :
    Testi adottati :

    B7‑0479/2013

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-flussi migratorji fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi ftit 'il barra minn Lampedusa

    (2013/2827(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

    –   wara li kkunsidra d-diskussjonijiet tal-Kunsill tas-7 u t-8 ta' Ottubru 2013 dwar il-ġrajjiet reċenti f'Lampedusa,

    –   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-President tal-Kummissjoni u tal-Kummissarju Cecilia Malmström tad-9 ta' Ottubru 2013,

    –   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) tat-12 ta' Ottubru 2013,

    –    wara li kkunsidra r-rapport ta' April 2012 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) intitolat ‘Ħajjiet mitlufa fil-Baħar Mediterran’,

    –   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti u l-aħħar rapport, ippubblikat f'April 2013, tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Migranti dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE u l-impatt tagħha fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti,

    –   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

    –   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

    –   wara li kkunsidra l-Artikoli 78, 79 u 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    –   wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħhom,

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    A. billi fl-aħħar traġedji li seħħew ftit 'il barra minn Lampedusa u Malta, fit-3 u l-11 ta' Ottubru 2013, mietu aktar minn 400 migrant waqt li bosta baqgħu ma nstabux;

    B.  billi minn tal-inqas 20 000 persuna mietu fil-baħar mill-1993 'l hawn skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, fatt li għal darba oħra juri l-ħtieġa li jsir dak kollu li hu neċessarju biex jiġu salvati l-ħajjiet tan-nies li jinsabu f'periklu, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mar-rispett min-naħa tal-Istati Membri tal-obbligi internazzjonali rigward is-salvataġġ fuq il-baħar dwar in-non-refoulement tal-persuni li jfittxu asil;

    C. billi dawn it-traġedji jpoġġu f'dubju l-prinċipji fundamentali tal-politika dwar il-migrazzjoni tal-Unjoni Ewropea li jagħmlu fortizza mill-Ewropa u jġiegħlu lill-migranti jieħdu dejjem aktar riskji biex jaslu fit-territoru tal-UE.

    D. billi l-Istati Membri għandhom jitħeġġu jagħmlu użu mill-finanzjament li se jkun disponibbli taħt il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Asil u l-fondi disponibbli taħt l-Azzjoni Preparatorja ‘biex tippermetti r-risistemazzjoni tar-rifuġjati f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza’, li tkopri, fost ħwejjeġ oħra, il-miżuri li ġejjin: appoġġ lill-persuni li diġà huma rikonoxxuti bħala rifuġjati mill-UNHCR; appoġġ għal azzjoni ta' emerġenza fil-każ ta' gruppi ta' rifuġjati, identifikati bħala prijoritarji, li jkunu jinsabu taħt attakk armat u li jkunu qed iħabbtu wiċċhom ma' ċirkostanzi ta' vulnerabilità estrema u ta' natura li thedded il-ħajja tagħhom u l-għoti, fejn meħtieġ, ta' appoġġ finanzjarju ulterjuri waqt l-emerġenzi lill-UNHCR u lill-organizzazzjonijiet marbuta magħha fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE;

    1.  Jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji ta' dawk il-ħafna li tilfu ħajjithom fil-baħar fil-ġrajjiet reċenti li seħħew fil-Mediterran;

    2.  Huwa tal-fehma li dak li ġara f'Lampedusa għandu jqajjem lill-UE u lill-Istati Membri tagħha min-nagħsa u li l-uniku mod biex nevitaw traġedja oħra huwa li jiġi adottat approċċ koordinat imsejjes fuq is-solitarjetà u r-responsabilità, bl-appoġġ ta' strumenti komuni.

    3.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-passi rilevanti biex ma jħallux li nies li jkunu qed ifittxu protezzjoni jissugraw ħajjithom fit-tentattiv li jaslu fit-territorju tal-UE; jirrifjuta l-azzjonijiet attwali tal-Frontex u jiddeplora l-fatt li l-miżuri previsti mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fl-essenza tagħhom jipprovdu għat-tisħiħ tas-sorvelljanza u l-kontroll tal-fruntieri li jistgħu jikkontribwixxu biss għat-tisħiħ progressiv tal-fortizza Ewropa; jitlob deroga tal-mekkaniżmu ta' Dublin II; jistieden lill-Istati Membri biex joqogħdu lura milli jiddelegaw ir-responsabilitajiet tagħhom rigward l-ilqigħ tal-migranti lil pajjiżi ġirien li ma jirrispettawx id-drittijiet tal-bniedem,

    4.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li għadd dejjem akbar ta’ nies qed jissugraw ħajjithom billi jitilqu fuq vjaġġi perikolużi bid-dgħajjes biex jaqsmu l-Mediterran lejn l-UE; jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri li, b'mod partikolari, jippermettu li l-persuni li jfittxu l-asil ikollhom aċċess għas-sistema ta’ asil tal-Unjoni b'mod sigur, mingħajr ma jkollhom jirrikorru għall-kuntrabandisti tal-bnedmin jew netwerks kriminali u mingħajr ma jpoġġu ħajjithom f'periklu.

    5.  Ifakkar li s-solidarjetà tal-UE għandha tmur id f'id mar-responsabilità, ifakkar li l-Istati Membri għandhom obbligu legali li joħorġu jgħinu lill-migranti li jinsabu fuq il-baħar; jistieden lill-Istati Membri biex jirrispettaw l-obbligi internazzjonali u ma jibqgħux jibagħtu lura d-dgħajjes bil-migranti abbord

    6.  Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement, skont id-dritt internazzjonali u d-dritt tal-UE eżistenti; jistieden lill-Istati Membri biex itemmu minnufih kwalunkwe prattika ta' detenzjoni li jkunu mhux xierqa u estiża bi ksur tad-dritt internazzjonali u tad-dritt Ewropew, u jirrimarka li l-miżuri għad-detenzjoni tal-migranti għandhom dejjem ikunu soġġetti għal deċiżjoni amministrattiva, u għandhom ikunu temporanji u sostanzjati debitament;

    7.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex irażżnu jew jirrevedu kwalunkwe leġiżlazzjoni li tikkriminalizza n-nies li jassistu lill-migranti fuq il-baħar; jitlob li l-Kunsill jirrevedi d-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE li tiddefinixxi s-sanzjonijiet f'każ ta' tħaffif ta' dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati sabiex jiċċara l-fatt li l-għotja ta' għajnuna umanitarja lill-migranti f'sitwazzjoni gravi fuq il-baħar għandha tintlaqa' u mhijiex azzjoni li għandha qatt twassal għal kwalunke forma ta' sanzjoni;

    8.  Jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-kaptani ta' vapuri li jwettqu operazzjonijiet ta' riċerka u salvataġġ ma jiġux akkużati li ffaċilitaw il-kuntrabandu tal-persuni salvati jew jiffaċċaw akkużi kriminali;

     

    9.  Jenfasizza b'mod partikolari l-importanza tal-kondiviżjoni tar-responsabilità fil-qasam tal-asil u jirrakkomanda l-ħolqien ta' mekkaniżmu mogħni b'riżorsi tajba msejjes fuq kriterji oġġettivi biex jitnaqqas il-piż minn fuq l-Istati Membri li qed jirċievu numri akbar ta' persuni li jfittxu asil u benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, f’termini jew assoluti jew proporzjonali;

    10. Jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri konkreti sabiex isaħħu s-solidarjetà fis-servizzi ta' salvataġġ, l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-asil, ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni sabiex jiġu evitati traġedji bla bżonn fil-baħħar filwaqt illi jaqsmu r-responsabilità ma' dawk l-Istati Membri li għandhom fruntieri esterni u li jħabbtu wiċċhom ma' flussi migratorji li dejjem qed jiżdiedu.

    11. Jisħaq li hemm bżonn ta' approċċ aktar koerenti u solidarjetà akbar bejn l-Istati Membri meta jirċievu l-migranti u persuni li jfittxu l-asil; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet kollha tal-istrumenti differenti tas-SEKA jiġu implimentati b’mod korrett;

    12. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu viżi umanitarji b'mod partikolari lis-Sirjani spustati, biex jużaw id-dispożizzjonijiet ta' Artikoli 25 u 5(4c) b'mod partikolari dawk tal-Viża u tal-Kodiċi tal-Fruntiera ta' Schengen rispettivament u biex itemmu r-rekwiżit ta' viżi ta' tranżitu għaċ-ċittadini Sirjani kif inhu mitlub mill-Kummissjoni u l-Viċi-President tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin, ladarba huwa kważi impossibbli li japplikaw għall-asil minn barra l-UE;

    13. Jisħaq fuq il-bżonn li d-dritt għall-asil jiġi rispettat f'kull ħin mill-Istati Membri u li n-nies li qed jaħarbu mill-konflitt u li qed ifittxu l-asil jingħataw aċċess għat-territorju tal-UE; ifakkar lill-Istati Membri li n-nies li qed jaħarbu l-kunflitt u li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu riferuti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-asil u għandu jkollhom aċċess għal proċeduri tal-asil ġusti u effiċjenti;

    14. Jitlob li l-UE tieħu miżuri responsabbli xierqa rigward influss ta’ rifuġjati li jista’ jseħħ fl-Istati Membri tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jimmoniterjaw is-sitwazzjoni attwali u jaħdmu fuq ippjanar ta’ kontinġenza, inkluża l-possibilità li japplikaw id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja(8), jekk u meta l-kundizzjonijiet jirrikjedu hekk;

    15. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu ħsieb il-ħtiġijiet akuti permezz tar-risistemazzjoni u l-ammissjoni umanitarja; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jagħmlu użu mill-fondi li għadhom disponibbli taħt l-azzjoni preparatorja / il-proġett pilota dwar ir-risistemazzjoni;

    16. Jitlob żieda fil-baġit għall-Uffiċju Ewropew ta' Appoġġ għall-Asil (EASO); ifakkar li finanzjament xieraq ta' dan l-istrument huwa vitali biex jiġi żviluppat approċċ koordinat;

    17. Jistieden lill-Unjoni,lill-Frontex u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-assistenza tal-migranti f'diffikultà u s-salvataġġ fuq il-baħar ikunu fost il-prijoritajiet ewlenin tal-implimentazzjoni tar-Regolament EUROSUR li għadu kemm ġie adottat;

    18. Jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri biex ifasslu malajr regoli għall-operazzjonijiet fuq il-baħar kkoordinati mill-Frontex sabiex jinkisbu miżuri ta' salvataġġ effettivi u kkoordinati fuq livell tal-UE u biex jiġi żgurat li l-operazzjonijiet jitmexxew b'konformità sħiħa mal-istandards u l-liġijiet internazzjonali rilevanti għad-drittijiet tal-bniedem u r-rifuġjati, u l-obbligi skont il-Liġi tal-Baħar;

    19. Jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri biex jiddefinixxu mekkaniżmi effikaċi għall-ilqigħ tar-rifuġjati u l-migranti filwaqt li jippermettu, b'mod partikolari, l-aċċess għal proċeduri tal-asil.

    20. Jistieden lill-Unjoni, lill-Frontex u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-persunal u l-gwardji tal-fruntieri kollha li jipparteċipaw fit-Timijiet tal-Għassa tal-Fruntiera jirċievu t-taħriġ skont il-liġijiet internazzjonali u tal-UE rilevanti, fost l-oħrajn dwar id-drittijiet fundamentali u l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, u linji gwida dwar kif jidentifikaw persuni li jkunu qed ifittxu l-protezzjoni u jiggwidawhom lejn il-faċilitajiet skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Frontex rivedut, b'tali mod li ssir bidla sostanzjali fil-prijoritajiet tal-operazzjonijiet u fl-imġiba tal-gwardji tal-fruntieri;

    21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli għar-Rifuġjati u lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijet tal-Bniedem tal-Migranti.