MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-flussi migratorji fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi ftit 'il barra minn Lampedusa
16.10.2013 - (2013/2827(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Daniel Cohn-Bendit, Hélène Flautre, Franziska Keller, Jean Lambert, Judith Sargentini, Jean-Jacob Bicep, Rebecca Harms f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0474/2013
B7‑0480/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-flussi migratorji fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-avvenimenti traġiċi li seħħew qrib Lampedusa
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali għalihom,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil[1],
– wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' April 2013 li jistabbilixxi regoli dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operattiva kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (COM(2013)0197),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1168/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea[2],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-20 ta' Marzu 2013 bit-titlu "Politika Ewropea tal-Viċinat: Ħidma favur sħubija aktar b'saħħitha" (JOIN/2013/0004),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ April 2011 dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dimensjoni tan-Nofsinhar[3],
– wara li kkunsidra l-mistoqija orali dwar "Skema ta' rilokazzjoni tal-Unjoni volontarja u permanenti" tal-20 ta' Mejju 2013,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern dwar iż-żjara tad-delegazzjoni tiegħu f'Lampedusa f'Novembru 2011,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 77 u 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi fl-aħħar traġedja li saret ftit 'il bogħod minn Lampedusa fit-3 ta' Ottubru 2013 aktar minn 300 migrant tilfu ħajjithom;
B. billi skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni tal-anqas 20 000 ruħ mietu fil-baħar mill-1993 'l hawn, fatt li mill-ġdid jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn urġenti li ssir reviżjoni tal-approċċ tal-UE lejn il-politika tal-migrazzjoni u l-asil sabiex tagħmel ħilitha kollha niex issalva l-ħajja ta' dawk li jinsabu fil-periklu, u għall-bżonn li l-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi internazzjonali tagħhom fir-rigward tas-salvataġġ fuq il-baħar;
C. billi f'April 2012 l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) adottat ir-Riżoluzzjoni 1872(2012) intitola "Lives lost in the Mediterranean Sea: Who is responsible?" ("Ħajjiet mitlufa fil-Baħar Mediterran – min hu responsabbli?"), li kkonkludiet li, jekk żona ta' tiftix u salvataġġ ma tkunx koperta għax l-istat responsabbli għal dik iż-żona jonqos milli jissodisfa d-dover legali tiegħu li "jagħti l-għajnuna", allura l-istat li jirċievi t-talba inizjali għall-għajnuna jkun responsabbli biex jikkoordina l-operazzjoni ta' tiftix u salvataġġ;
D. billi għad hemm konfużjoni fil-livell tal-UE dwar il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà fost id-diversi entitajiet involuti (in-NATO, l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni (Frontex), l-Istati Membri) fir-rigward tal-għoti ta' għajnuna lil bċejjeċ tal-baħar li jinsabu f'diffikultà u fir-rigward tar-responsabbiltà għall-koordinament ta' operazzjoni ta' tiftix u salvataġġ;
E. billi d-Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2002 li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta' dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati 2002/90/KE[4] qajmet inċertezzi fost is-sajjieda u baħħara oħra fir-rigward tar-responsabbiltà u l-probabbiltà tal-impunità fil-każ li jsalvaw ħajjiet fil-baħar;
F. billi l-leġiżlazzjoni tal-UE diġà tipprovdi għadd ta' għodod, bħall-Kodiċi dwar il-Viżi u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, li jippermettu l-għoti ta' viżi umanitarji;
G. billi l-Istati Membri għandhom jiġu inkoraġġiti jagħmlu użu mill-fondi li se jkunu disponibbli permezz tal-Fond għall-Migrazzjoni u l-Asil u l-Fond għas-Sigurtà Interna, u mill-fondi disponibbli fil-qafas tal-Azzjoni Preparatorja “Il-possibilità tar-risistemazzjoni ta' refuġjati f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza” li tkopri, fost ħwejjeġ oħra, il-miżuri li ġejjin: appoġġ lill-persuni li diġà huma rikonoxxuti bħala rifuġjati mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR); appoġġ għal azzjoni ta’ emerġenza fil-każ ta’ gruppi ta’ rifuġjati, identifikati bħala prijoritarji, li jinsabu taħt attakk armat u li jiffaċċjaw ċirkostanzi ta’ vulnerabbiltà estrema u ta’ natura li theddilhom ħajjithom; l-għoti, fejn meħtieġ, ta' appoġġ finanzjarju ulterjuri waqt każijiet ta' emerġenza lill-UNHCR u lill-organizzazzjonijiet marbuta miegħu fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE;
H. billi l-UE bħalissa għaddejja b'negozjati dwar sħubijiet ta' mobbiltà ma' pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran, inkluż b'relazzjoni mal-ġestjoni tal-fruntieri; billi f’Lulju 2013 l-Italja u l-Libja ddeciew li jirrinforzaw il-kooperazzjoni tagħhom fir-rigward tal-kontroll tal-migrazzjoni wara l-ftehim iffirmat f’April 2012; billi f’Settembru 2013 bosta Stati Membri (Spanja, l-Italja, Franza, Malta, il-Portugall, Ċipru u l-Greċja) u l-Libja ddeċidew li jingħaqdu bħala parti mill-proġett Seahorse Mediterraneo;
1. Huwa tal-fehma li l-avvenimenti ta' Lampedusa għandhom tassew jiftħu għajnejn l-Ewropa u li l-uniku mod biex tiġi evitata traġedja ieħor huwa li jiġi rikonoxxut politikament li l-obbligu ta' salvataġġ jipprevali fuq ir-regoli u l-liġijiet l-oħra kollha u li jiġi adottat approċċ ikkoordinat imsejjes fuq is-solidarjetà u r-responsabbiltà u appoġġjat minn strumenti komuni;
2. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, f’termini ta’ azzjoni esterna, biex ma jikkooperawx mal-pajjiżi ġirien dwar il-kontroll tal-migrazzjoni dment li dawn ma jkunux urew ir-rispett tagħhom għad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, tar-refuġjati u ta' dawk li jfittxu l-asil, inkluż billi jistabbilixxu sistema effikaċi għall-valutazzjoni tat-talbiet għall-asil u l-protezzjoni tar-refuġjati; jitlob żieda fl-għajnuna finanzjarja lill-UNHCR; jirrakkomanda li l-Libja jkollha ftehim dwar is-sede mal-UNHCR; jitlob aktar għajnuna teknika, inklużi r-riżorsi umani, għal monitoraġġ aħjar tar-refuġjati u l-iffaċilitar tar-risistemazzjoni;
3. Jitlob, f’termini ta’ miżuri interni tal-UE, żieda fil-baġit għall-Uffiċju Ewropew ta' Appoġġ għall-Asil (EASO);
4. Jenfasizza li r-rilokazzjoni ta' dawk li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali u ta' dawk li jfittxu l-asil hija waħda mill-aktar forom konkreti ta' solidarjetà u kondiviżjoni ta' responsabbiltà; Jisħaq fuq l-importanza ta’ proġetti bħall-Proġett Pilota tar-Rilokazzjoni interna fl-UE minn Malta (EUREMA) u l-estensjoni tiegħu, li bis-saħħa tiegħu dawk li jibbenefkaw minn protezzjoni internazzjonali ġew, u qegħdin jiġu, rilokati minn Malta lejn Stati Membri oħra, u huwa favur li jiġu żviluppati aktar inizjattivi ta’ dan it-tip; jiddispjaċih għall-fatt li dan il-proġett ma kisibx is-suċċess mistenni minħabba li l-Istati Membri mhumiex ħerqana biex jieħdu sehem; jistieden lill-Istati Membri jieħdu sehem b’mod aktar attiv fil-proġett EUREMA fi spirtu ta’ solidarjetà u kondiviżjoni tar-responsabbiltà; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi mekkaniżmu permanenti u effikaċi għar-rilokazzjoni interna fl-UE;
5. Jitlob lill-Frontex tassisti lill-Istati Membri f’ċirkostanzi li jeħtieġu aktar assistenza teknika u operazzjonali fil-fruntieri esterni tal-UE, b'kont meħud tal-fatt li xi sitwazzjonijiet jistgħu jinvolvu emerġenzi umanitarji u ta' salvataġġ fuq il-baħar (Artikolu 2 tar-Regolament tal-Frontex imsemmi hawn fuq); iħeġġeġ lill-Frontex tagħmel użu sħiħ mill-istrumenti li jinsabu għad-dispożizzjoni tagħha sabiex timplementa l-istrateġija tagħha għad-drittijiet fundamentali fil-Mediterran, partikolarment billi titlob lill-Uffiċjal tagħha għad-Drittijiet Fundamentali evalwazzjoni tal-operazzjoni Hermes, b’enfasi speċifika fuq it-traġedji reċenti fil-Kanal ta’ Sqallija;
6. Jissottolinja, b'mod partikolari, l-importanza tal-kondiviżjoni tar-responsabilità fil-qasam tal-asil u jirrakkomanda l-ħolqien ta' mekkaniżmu fornit tajjeb bir-riżorsi msejjes fuq kriterji oġġettivi u fuq id-dritt ta' dawk li jfittxu l-asil u ta' dawk li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali li jagħżlu fejn japplikaw, sabiex titnaqqas il-pressjoni fuq dawk l-Istati Membri li jirċievu numri akbar ta' persuni li jfittxu l-asil u ta' benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, kemm jekk f’termini assoluti jew proporzjonali;
7. Ifakkar li s-solidarjetà tal-UE għandha tmur id f'id mar-responsabbiltà; ifakkar li l-Istati Membri għandhom obbligu legali li joħorġu jgħinu lill-migranti li jinsabu fuq il-baħar; jistieden lil dawk l-Istati Membri li naqsu milli jissodisfaw l-obbligi internazzjonali tagħhom biex jieqfu jibagħtu lura d-dgħajjes bil-migranti abbord;
8. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jeliminaw jew iħassru kwalunkwe leġiżlazzjoni li tikkriminalizza n-nies li jgħinu lill-migranti fuq il-baħar; jitlob lill-Kunsill jirrevedi d-Direttiva 2002/90/KE sabiex jiġi ċċarat li l-għoti ta' għajnuna umanitarja lill-migranti fil-baħar li jinsabu f'diffikultà għandu jintlaqa’ b'mod pożittiv, u ma jikkostitwixxix azzjoni li għandha qatt twassal għal kwalunkwe forma ta’ sanzjoni; jistieden lill-Istati Membri jirrevokaw kwalunkwe leġiżlazzjoni li tagħmel id-dħul jew ir-residenza irregolari fit-territorju tagħhom reat kriminali;
9. Jesprimi t-tħassib tiegħu li għadd dejjem jikber ta’ nies qed jissugraw ħajjithom billi jimbarkaw fuq vjaġġi perikolużi bid-dgħajsa biex jaqsmu l-Mediterran u jidħlu fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri li jippermettu lil dawk li jfittxu l-asil ikollhom aċċess għas-sistema ta’ asil tal-Unjoni b'mod sigur, mingħajr ma jkollhom jirrikorru għall-kuntrabandisti tal-bnedmin jew netwerks kriminali u mingħajr ma jpoġġu ħajjithom f'periklu;
10. Jenfasizza li huma meħtieġa approċċ aktar koerenti u solidarjetà akbar mal-Istati Membri li qed jiffaċċjaw pressjoni partikolari biex jilqgħu għandhom ir-rifuġjati u l-migranti; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li d-dispożizzjonijiet kollha tal-istrumenti differenti tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA) jiġu implimentati u infurzati;
11. Jitlob is-sospensjoni ta’ trasferimenti fil-qafas ta' Dublin II meta d-drittijiet ta’ dawk li jfittxu l-asil ma jistgħux jiġu garantiti, b’referenza għall-Italja, il-Greċja u Malta; iqis li r-regolament Dublin II[5], li jirregola l-allokazzjoni tar-responsabbiltà għall-applikazzjonijiet għall-asil, ipoġġi piż sproporzjonat fuq dawk l-Istati Membri li jikkostitwixxu l-punti ta’ dħul fl-UE, u ma jipprevedix distribuzzjoni ġusta tar-responsabbiltà fil-qasam tal-asil fost l-Istati Membri; jinnota li sistema ta’ Dublin II, kif ġiet applikata s'issa, f’kuntest li huwa kkaratterizzat minn sistemi tal-asil differenti u livelli insuffiċjenti ta’ implimentazzjoni tal-acquis fir-rigward tal-asil, wasslet għal trattament inugwali ta’ dawk li jfittxu l-asil filwaqt li kellha wkoll impatt negattiv fuq ir-riunifikazzjoni tal-familja u l-integrazzjoni; jisħaq, barra minn hekk, fuq in-nuqqasijiet tagħha f’termini ta’ effiċjenza u kosteffettività, billi aktar minn nofs it-trasferimenti miftiehma qatt ma jseħħu u għad hemm numri sinifikanti ta’ applikazzjonijiet multipli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li persuni li jfittxu l-asil li jintbagħtu lura lejn Stat Membru abbażi tar-Regolament Dublin II ma jiġux diskriminati għall-unika raġuni li ġew trasferiti bis-saħħa ta' Dublin II;
12. Huwa tal-opinjoni li d-dħul sigur u legali fl-UE hija għodda aktar effikaċi minn dħul irregolari, bir-riskji kollha assoċjati ma’ kuntrabandu tal-bnedmin, traffikar u periklu fuq il-baħar; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jaċċettaw in-nies li għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali permezz tas-sistema tal-viżi u, b’mod partikolari, jagħmlu użu mill-Artikolu 25 tal-Kodiċi dwar il-Viżi, skont liema artikolu Stat Membru jista' joħroġ viżi b’validità territorjali limitata meta jqis li dan huwa meħtieġ għal raġunijiet umanitarji, jew l-Artikolu 5(4)(c) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li jirreferi għall-possibbiltà li Stat Membru jawtorizza lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi jidħlu fit-territorju tiegħu għal raġunijiet umanitarji; jistieden lill-Istati Membri jirrinfurzaw il-kapaċitajiet konsulari tagħhom b'persunal kompetenti f’reġjuni b’għadd kbir ta’ refuġjati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jesploraw, bħala kwistjoni ta’ prijorità, aktar possibbiltajiet biex jinħoloq aċċess legali għall-UE għall-migranti; jistieden lill-Istati Membri jikkonkludu negozjati dwar il-proposta għal direttiva dwar il-ħaddiema staġonali migranti[6] bħala kwistjoni ta’ prijorità; jitlob lill-Kummissjoni tħejji pjan direzzjonali għat-twaqqif ta’ sistema ta’ migrazzjoni legali għall-UE;
13. Ifakkar lill-Istati Membri li n-nies li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu riferuti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-asil u għandu jkollhom aċċess għal proċeduri tal-asil ġusti u effiċjenti u għal kundizzjonijiet ta' akkoljenza umani;
14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jimmonitorjaw is-sitwazzjoni attwali u jaħdmu fuq ippjanar ta’ kontinġenza, inkluża l-possibbiltà li japplikaw id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja[7], jekk u meta l-kundizzjonijiet jirrikjedu hekk;
15. Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement, f'konformità mad-dritt internazzjonali u mad-dritt tal-UE eżistenti; jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu b’effett immedjat kwalunkwe prattika ta' detenzjoni mhux xierqa jew estiża bi ksur tad-dritt internazzjonali u tad-dritt Ewropew, b'mod partikolari fir-rigward tad-detenzjoni tal-minorenni, u jirrimarka li l-miżuri għad-detenzjoni tal-migranti jridu dejjem jintużaw bħala l-aħħar alternattiva, ikunu soġġetti għal deċiżjoni amministrattiva u jkunu debitament sostanzjati u temporanji;
16. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jindirizzaw il-ħtiġijiet akuti permezz ta’ risistemazzjoni minbarra l-kwoti nazzjonali eżistenti u permezz ta’ ammissjoni umanitarja; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-fondi li għadhom disponibbli fil-qafas tal-azzjoni preparatorja / il-proġett pilota dwar ir-risistemazzjoni; jitlob lill-Istati Membri jiddefinixxu kontribuzzjoni, filwaqt li jżidu l-ammont għal kull ras;
17. Jistieden lill-Unjoni tfassal malajr regoli ġodda għall-operazzjonijiet fuq il-baħar ikkoordinati mill-Frontex sabiex jinkisbu miżuri ta' salvataġġ effikaċi u kkoordinati fil-livell tal-UE u sabiex jiġi żgurat li l-operazzjonijiet jitmexxew b'konformità sħiħa mad-dritt u mal-istandards internazzjonali rilevanti għad-drittijiet tal-bniedem u r-rifuġjati, u mal-obbligi li jaqgħu taħt id-dritt marittimu; jappoġġja bis-sħiħ l-argument li r-regola dwar it-tiftix u s-salvataġġ għal operazzjonijiet konġunti għandha tkun legalment vinkolanti u jistieden lill-Istati Membri japprovaw dan;
18. Jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha biex jaħdmu fuq it-twaqqif ta' mekkaniżmi effikaċi u prevedibbli għall-identifikazzjoni ta' postijiet ta' sikurezza għall-iżbark ta' refuġjati u migranti salvati; ifakkar li post ta’ sikurezza huwa post fejn is-sikurezza tas-superstiti u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom, inkluż il-prinċipju ta’ non-refoulment, ma jkunux mhedda;
19. Jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha biex jistabbilixxu mekkaniżmi ta' identifikazzjoni u riferiment, inkluż aċċess għal proċeduri tal-asil ġusti u effiċjenti għal dawk li jista' jkollhom bżonn protezzjoni internazzjonali, abbażi tal-fehim li l-iżbark mhux neċessarjament jimplika responsabbiltà unika għall-ipproċessar u s-soluzzjonijiet min-naħa tal-Istat li fit-territorju tiegħu jiġu żbarkati l-persuni salvati fuq il-baħar;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.
- [1] ĠU L 132, 29.5.2010, p.11.
- [2] ĠU L 304, 22.11.2011, p.1.
- [3] ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 114.
- [4] ĠU L 328, 5.12.2002, p. 17.
- [5] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta' Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz, ĠU L 50, 25.2.2003, p. 1.
- [6] Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-iskop ta' impjieg staġonali (COM(2010)0379).
- [7] Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta' Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta' influss bil-massa ta' persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta' dawn, ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12.