MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sospensjoni tal-ftehim SWIFT b'riżultat tas-sorveljanza mill-NSA
16.10.2013 - (2013/2831(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Kyriacos Triantaphyllides, Cornelia Ernst, Willy Meyer, Marie-Christine Vergiat, Patrick Le Hyaric, Nikolaos Chountis, Jacky Hénin, Jean-Luc Mélenchon, Younous Omarjee f'isem il-Grupp GUE/NGL
<<<
B7‑0481/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sospensjoni tal-ftehim SWIFT b'riżultat tas-sorveljanza mill-NSA
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 87 tat-TFUE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 218 tat-TFUE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-TFUE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-TFUE,
– wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' Data ta’ Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea lejn l-Istati Uniti tal-Amerika għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2013 dwar il-programm ta’ sorveljanza tan-National Security Agency tal-Istati Uniti tal-Amerika, korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq il-privatezza taċ-ċittadini tal-UE[1],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/412/UE tat-13 ta' Lulju 2010 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu[2], u d-dikjarazzjonijiet li jakkumpanjawha mill-Kummissjoni u l-Kunsill,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-ftehim internazzjonali previst biex id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu data minn messaġġi ta' pagamenti finanzjarji għall-fini tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Frar 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data ta’ Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea lejn l-Istati Uniti tal-Amerika għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar ir-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill biex jawtorizza l-ftuħ ta' negozjati dwar ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika biex id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu data minn messaġġi ta' pagamenti finanzjarji għall-fini tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar l-abbożż ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu[6], u r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7‑0224/2010),
– wara li kkunsidra r-rapporti tat-30 ta' Marzu 2011 (SEC(2011)0438) u tal-14 ta' Diċembru 2012 (SWD(2012)0454) dwar ir-rieżami konġunt tal-implimentazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-1 ta' Marzu 2011 dwar l-ispezzjoni tal-implimentazzjoni min-naħa tal-Europol tal-Ftehim TFTP, li twettqet f'Novembru 2010 mill-Korp ta' Sorveljanza Konġunta tal-Europol,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni pubblika tal-Korp ta' Sorveljanza Konġunta tal-Europol tal-14 ta' Marzu 2012 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim TFTP,
– wara li kkunsidra l-valutazzjoni tat-18 ta' Marzu 2013 li saret mill-Korp ta' Sorveljanza Konġunta tal-Europol tal-eżitu tat-tielet spezzjoni tiegħu tal-implimentazzjoni min-naħa tal-Europol tal-kompiti li għandu taħt il-Ftehim TFTP,
– wara li kkunsidra l-ittra tat-18 ta’ April 2011 mingħand Paul Breitbarth, tal-Awtorità tal-Pajjiżi l-Baxxi tal-Protezzjoni tad-Data, lill-kap tad-delegazzjoni tat-Tim ta’ Rieżami Konġunt tal-UE dwar it-TFTP,
– wara li kkunsidra l-ittra tas-7 ta' Ġunju 2011 mingħand Jacob Kohnstamm, f'isem il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Artikolu 29 relatat mal-Protezzjoni tad-Data, lis-Sa Melissa A. Hartman, Deputat Assistent Segretarju, Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-21 ta' Diċembru 2012 mingħand Jacob Kohnstamm, f'isem il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Artikolu 29 relatat mal-Protezzjoni tad-Data, lis-Sur Juan Fernando López Aguilar, President tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,
– wara li kkunsidra l-ittra tat-12 ta' Settembru 2013 mingħand il-Kummissarju Malmström lis-Sur David Cohen, Sotto Segretarju tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għat-Terroriżmu u l-Intelligence Finanzjarja, u r-risposta tas-Sotto Segretarju Cohen tat-18 ta' Settembru 2013,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-13 ta' Lulju 2011 bit-titolu ‘Sistema Ewropea ta' traċċar ta' finanzjament tat-terroriżmu: l-alternattivi disponibbli" (COM (2011)429),
– wara li kkunsidra l-Mistoqsijiet bil-Miktub E-11200/2010, E-2166/2011, E-2762/2011, E‑2783/2011, E-3148/2011, E-3778/2011, E-3779/2011, E-4483/2011, E-6633/2011, E‑-8044/2011, E-8752/2011, E-617/2012, E-2349/2012, E-3325/2012, E-7570/2012 u E‑000351/2013,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (minn hawn 'il quddiem 'il-Ftehim') daħal fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2010;
B. billi, wara li rrifjuta l-Ftehim TFTP temporanju, maġġoranza mill-Parlament Ewropew tat l-approvazzjoni tagħha għall-Ftehim TFTP attwali biss minħabba protezzjoni msaħħa li tissalvagwardja d-drittijiet ta' data personali u ta' privatezza taċ-ċittadini tal-UE;
C. billi t-Teżor tal-Istati Uniti kklassifika kwantità kbira ta' informazzjoni rilevanti b'rabta ma' dan il-Ftehim bħala 'Sigriet tal-UE';
D. billi, skont il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Artikolu 29 relatat mal-Protezzjoni tad-Data, il-proċedura attwali għall-eżerċizzju tad-dritt ta' aċċess tista' ma tkunx adegwata, u jista' ma jkunx possibbli li jiġi eżerċitat id-dritt ta' rettifika, tħassir u mblukkar;
E. billi fir-rapport ta' implimentazzjoni tiegħu tal-2012, il-Korp ta' Sorveljanza Konġunta tal-Europol issottolinja l-lakuni fil-qalba tal-Ftehim billi ddikjara espliċitament: 'L-Europol jirċievi talba kull xahar bħala medja. Kull talba normalment tkopri perjodu ta' xahar f'termini ta' tul ta' żmien. It-talbiet, meta meqjusa bħala grupp, għalhekk, essenzjalment ikopru perjodu kontinwu ta' żmien. Għaċ-ċarezza, dan ifisser li konsegwenza waħda tal-Ftehim, kif qed jiġi implimentat attwalment, hija li data relatata ma' ċerti tranżazzjonijiet finanzjarji hija pprovduta mill-fornitur magħżul lill-Istati Uniti għal tul ta' żmien, li jinkludi kull ġurnata tas-sena, sena wara sena. Jekk ikun il-każ li, fir-realtà, il-perjodu ta' żmien jitnaqqas jew in-nuqqas ta' talba għat-trasferiment ta' data bejn ċerti pajjiżi/territorji transkonfinali ma jkunx prattiku meta titqies in-natura tal-programm, dan jista' jindika li mhuwiex possibbli li s-salvagwardji kollha intenzjonati tal-Artikolu 4 jiġu sodisfatti’;
F. billi l-Kummissjoni ġiet mistiedna tressaq lill-Parlament u lill-Kunsill, sa mhux iktar tard mill-1 ta' Awwissu 2011, qafas legali u tekniku għall-estrazzjoni ta' data fit-territorju tal-UE u, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Awwissu 2013, rapport ta' progress dwar l-iżvilupp tas-sistema ekwivalenti tal-UE fir-rigward tal-Artikolu 11 tal-Ftehim;
G. billi, minflok ma ressqet il-qafas legali u tekniku għall-estrazzjoni ta’ data fit-territorju tal-UE, fit-13 ta' Lulju 2011 il-Kummissjoni ppreżentat deskrizzjoni tal-passi differenti li kienet ħadet biex tersaq lejn l-istabbiliment ta' tali qafas legali u tekniku, filwaqt li kkomunikat ir-riżultati preliminari u xi għażliet teoretiċi għal sistema Ewropea ta' traċċar ta' finanzjament tat-terroriżmu, mingħajr ma daħlet fid-dettall;
H. billi r-rapport ta' progress dwar l-iżvilupp ta' sistema tal-UE ekwivalenti skont l-Artikolu 11 tal-Ftehim qatt ma ġie ppreżentat;
I. billi rapporti tal-istampa jindikaw li n-National Security Agency (NSA) tal-Istati Uniti kellha aċċess dirett għas-sistemi tal-IT ta' għadd ta' kumpaniji privati u kisbet aċċess dirett għal messaġġi ta' pagamenti finanzjarji li jirreferu għal trasferimenti finanzjarji u data relatata minn fornitur ta' servizzi ta' messaġġi dwar pagamenti finanzjarji internazzjonali li huma attwalment koperti mill-Ftehim;
J. billi t-taħditiet kunfidenzjali bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti ma jistgħux jitqiesu bħala investigazzjoni, u lanqas ma jista’ jitqies bħala tali s-sempliċi serħan fuq id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Istati Uniti;
1. Itenni ir-rifjut tiegħu li jsir skambju ta’ massa ta’ data mal-Istati Uniti u mal-pajjiżi terzi kollha b’mod ġenerali f’isem il-ġlieda kontra t-terroriżmu;
2. Jiċħad id-dikotomija falza tas-sigurtà kontra l-libertà; huwa tal-fehma li l-libertà individwali u r-rispett tad-drittijiet fundamentali huma s-sisien tas-sigurtà fi ħdan soċjetà;
3. Ifakkar li kwalunkwe miżura ta' sigurtà, inklużi miżuri kontra t-terroriżmu, għandha tkun ikkonċepita b'appoġġ għall-garanzija tal-libertà tal-individwu u għandha tkun kompletament konformi mal-istat tad-dritt u suġġetta għall-obbligi tad-drittijiet fundamentali, inklużi dawk relatati mal-protezzjoni tal-privatezza u tad-data;
4. Jenfasizza li l-eżami tan-neċessità u tal-proporzjonalità ta’ kwalunkwe miżura li tillimita d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali jeħtieġ li jqis il-korp kollu kemm hu ta' miżuri ta' sigurtà eżistenti li huma mmirati għat-terroriżmu u għad-delitti serji; huwa tal-fehma, għalhekk, li kull miżura legali addizzjonali proposta fil-qafas tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u d-delitti serji jeħtieġ li tissodisfa l-prova ta' neċessità u proporzjonalità saħansitra ta' livell ogħla u aktar riġidu; jopponi, f'dan il-kuntest, it-tendenza ta' ġustifikazzjonijiet ġenerali ta' kwalunkwe miżura ta' sigurtà permezz ta' referenza ġenerali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu jew delitti serji;
5. Itenni li kwalunkwe ftehim dwar l-iskambju tad-data jista' biss ikun ibbażat fuq qafas koerenti u ġuridiku dwar il-protezzjoni tad-data li joffri standards legalment vinkolanti għall-protezzjoni tad-data personali, speċjalment fir-rigward tal-limitazzjoni tal-iskop, il-minimizzazzjoni tad-data, l-informazzjoni, l-aċċess, il-korrezzjoni, it-tħassir u r-rimedju ġudizzjarju;
6. Huwa estremament imħasseb dwar rapporti mill-midja dwar l-attivitajiet tal-NSA u l-aċċess allegat fis-servers tas-SWIFT;
7. Jitlob li ssir investigazzjoni teknika independenti kompleta fuq il-post tal-allegazzjonijiet li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti għandhom aċċess mhux awtorizzat għas-servers tas-SWIFT jew li sabu kif jidħlu fihom mill-bieb ta' wara; jenfasizza li tali investigazzjoni għandha titwettaq minn esperti independenti tal-IT u tas-sigurtà ċibernetika;
8. Jifhem, mill-interpretazzjoni tiegħu, li l-interċettazzjoni ta' data ta' SWIFT mill-NSA barra mill-Ftehim tista' minnha nnifisha tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 4 tal-Ftehim, u għalhekk awtomatikament għandha twassal għal terminazzjoni tal-Ftehim;
9. Jinsab konvint li, b'mod ġenerali, il-Ftehim ma ġiex implimentat skont id-dispożizzjonijiet tiegħu, b'mod partikolari kif stabbilit fl-Artikoli 4, 12, 13, 15 u 16 tiegħu, u għalhekk naqas milli jirrispetta l-prinċipji dwar il-protezzjoni tad-data, jiġifieri l-limitazzjoni tal-iskop, in-neċessità u l-proporzjonalità;
10. Jitlob lill-Kummissjoni tieħu l-passi neċessarji sabiex ittemm il-Ftehim immedjatament;
11. Iħeġġeġ bil-qawwa lit-tliet istituzzjonijiet jiddeliberaw b’attenzjoni dwar kull alternattiva futura tal-iskambju ta’ data, u speċjalment biex iwettqu valutazzjoni tal-impatt profond profondi dwar l-implikazzjonijiet li jirriżultaw, fuq il-bażi ta' rispett sħiħ lejn il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data, speċjalment l-eżami tan-neċessità u tal-proporzjonalità;
12. Jitlob li l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti kollha skambjati bejn il-Kummissjoni, il-gvernijiet nazzjonali u l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti jiġu magħmula disponibbli immedjatament għad-deliberazzjoni lill-parlamenti nazzjonali u lill-Parlament Ewropew, inkluż l-intelligence sottostanti;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Europol.