MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja
18.11.2013 - (2013/2841(RSP))
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Pervenche Berès f'isem il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
B7‑0000/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja
Il-Parlament Ewropew,
- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ottubru 2013 bit-titolu "It-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja" (COM(2013) 690 final),
- wara li kkunsidra r-rapport tal-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy, lill-Kunsill Ewropew tas-26 ta' Ġunju 2012 bit-titolu "Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina"[1],
- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2012 bit-titolu "Pjan ta' azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina: It-tnedija ta’ Dibattitu Ewropew’ (COM(2012)0777),
- wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2012 dwar il-pjan direzzjonali għat-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja[2],
- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Marzu 2013 bit-titolu "Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina: L-introduzzjoni ta' Strument ta' Konverġenza u Kompetittività" (COM(2013)0165),
- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Marzu 2013 bit-titolu "Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina: Koordinazzjoni ex ante ta' pjanijiet għal riformi maġġuri ta' politika ekonomika" (COM(2013)0166),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-14 ta’ Marzu 2013[3], tat-28 ta' Ġunju 2013[4] u tal-25 ta’ Ottubru 2013[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2012 bit-titolu "Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina"[6],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu "Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020" (COM(2013) 0083) u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2013 dwarha[7],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Settembru 2013 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet għall-2013[8],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Ottubru 2009 bit-titolu "Is-solidarjetà fis-saħħa: it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE" (COM(2009)0567),
– wara li kkunsidra s-smigħ pubbliku organizzat mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali fid-9 ta' Lulju 2013 dwar "Id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) – Skema Ewropea għall-benefiċċji tal-qgħad",
– wara li kkunsidra d-Dokument dwar l-Istabbilizzaturi Awtomatiċi tal-4 ta' Ottubru 2013 imħejji mill-Grupp ta' Ħidma tad-DĠ Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni tal-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra n-nota ta' politika tat-13 ta' Settembru 2013 imħejjija miċ-Ċentru tal-Politika Ewropea (EPC) bit-titolu "Developing the social dimension of a deep and genuine Economic and Monetary Union" ("L-iżvilupp tad-dimensjoni soċjali ta' Unjoni Ekonomika u Monetarja profonda u ġenwina"),
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni ta' Notre Europe bit-titolu "Blueprint for a Cyclical Shock Insurance in the Euro Area" ("Pjan ta' Azzoni għal Assigurazzjoni kontra x-Xokkijiet Ċikliċi fiż-Żona tal-Euro") ta' Settembru 2013,
– wara li kkunsidra n-nota ta' diskussjoni tal-persunal tal-Fond Monetarju Internazzjonali ta' Settembru 2013 bit-titolu "Toward a Fiscal Union for the Euro area" ("Lejn Unjoni Fiskali għaż-Żona tal-Euro")[9],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2013 bit-titolu "L-impatt tal-kriżi fuq l-aċċess għall-kura tal-gruppi vulnerabbli"[10],
– wara li kkunsidra d-dokument tal-Kummissjoni bit-titolu "EU Employment and Social Situation: Quarterly Review" ("Is-sitwazzjoni tal-UE fil-qasam tal-impjiegi u dak soċjali: Eżami Trimestrali") ta' Ottubru 2013,
– wara li kkunsidra l-mistqoqsija lill-Kummissjoni dwar id-dimensjoni soċali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (O-000122/2013 – B7‑0524/2013),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-qgħad fl-UE laħaq livell allarmanti ta' 26,6 miljun persuna[11];
B. billi r-rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ laħqu livelli ogħla minn qatt qabel, b'medja ta' 23 % għall-UE b'mod globali;
C. billi l-qgħad fit-tul żdied fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u laħaq l-ogħla livell li qatt intlaħaq fl-UE kollha kemm hi;
D. billi l-qgħad strutturali u d-diskrepanzi bejn il-provvista u d-domanda tax-xogħol għadhom qed jiżdiedu;
E. billi l-livelli ta' faqar komplew jiżdiedu fl-UE mill-2007 'l hawn, filwaqt li l-introjtu tal-unitajiet domestiċi kompla jonqos, u dan wassal biex 24,2 % tal-popolazzjoni tal-UE bħalissa jinsabu f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali;
F. billi l-faqar fost dawk li jaħdmu kompla jiżdied b'mod kostanti minn meta bdiet il-kriżi;
G. billi ż-żieda fir-rata tal-faqar fost dawk li jaħdmu u l-għadd ta' unitajiet domestiċi mingħajr impjieg wasslu għal livelli li qed jiżdiedu ta' faqar fost it-tfal;
H. billi l-inugwaljanzi kemm fl-Istati Membri kif ukoll bejniethom, speċjalment fiż-żona tal-euro, komplew jiżdiedu;
I. billi hemm diverġenzi persistenti bejn l-Istati Membri, li qed jirriżultaw f’polarizzazzjoni rapida tar-rati tal-qgħad, u billi tali diverġenzi qed jiżdiedu wkoll fost ir-reġjuni u l-gruppi soċjali f’xi pajjiżi;
J. billi l-iżbilanċi soċjali kibru b'rata aktar mgħaġġla fiż-żona tal-euro milli fl-UE kollha kemm hi;
K. billi l-Monitoraġġ tal-Prestazzjoni tal-Protezzjoni Soċjali identifika tendenzi soċjali importanti li għandhom ikunu mħarsa;
L. billi r-rati ta' qgħad fil-periferija taż-żona tal-euro laħqu medja ta' 17,3 % fl-2012, apparagun ta' 7,1 % fil-qalba taż-żona tal-euro;
M. billi r-rata ta' żgħażagħ fil-periferija taż-żona tal-euro li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) laħqet medja ta' 22,4 % fl-2012, apparagun ta' 11,4 % fil-qalba taż-żona tal-euro;
N. billi l-livelli ta' faqar żdiedu f'żewġ terzi tal-Istati Membri, iżda stabbilizzaw ruħhom fit-terz l-ieħor;
O. billi ttieħdu passi kbar favur it-tisħiħ tal-governanza ekonomika tal-UE; billi, madankollu, il-bażi ta' integrazzjoni tal-UE, inklużi l-politika ta' koeżjoni, l-istandards soċjali u l-Istrateġija Ewropa 2020, attwalment hija mhedda;
P. billi d-diskussjoni dwar l-iżbilanċi soċjali għandha titqiegħed fuq l-istess livell bħad-diskussjoni dwar l-iżbilanċi makroekonomiċi;
Q. billi l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali organizza smigħ pubbliku fit-9 ta' Lulju 2013 dwar "Id-dimensjoni soċjali tal-UEM – Skema Ewropea għall-benefiċċji tal-qgħad", fejn ġiet diskussa u esplorata l-idea ta' stabbilizzaturi awtomatiċi fil-livell taż-żona tal-euro u l-arranġamenti possibbli għall-introduzzjoni tagħhom;
R. billi t-Trojka kkonfermat li l-parteċipazzjoni ta' kwalità għolja tas-sħab soċjali u djalogu soċjali b'saħħtu, anki fil-livell nazzjonali, huma neċessarji u jistgħu jikkontribwixxu għas-suċċess ta' kwalunkwe riforma, b'mod partikolari r-riformi tal-UEM;
S. billi l-miżuri ta' awsterità kkompromettew il-kwalità tal-impjiegi, il-protezzjoni soċjali u l-istandards tas-saħħa u s-sikurezza;
1. Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "It-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja" u jikkunsidraha bħala pass 'il quddiem lejn il-bini ta' dimensjoni soċjali tal-UEM;
2. Jemmen, madankollu, li hemm bżonn proposti aktar speċifiċi sabiex jiġi żgurat li l-governanza ekonomika tirrispetta d-dimensjoni soċjali;
3. Iħeġġeġ sabiex il-kunsiderazzjonijiet soċjali jitqiegħdu fil-qalba tal-integrazzjoni Ewropea u jiġu integrati fil-politiki u l-inizjattivi kollha tal-UE;
4. Iqis li d-dimensjoni soċjali għandha tkun fattur ta' rikonċiljazzjoni/kompromess f'termini ta' tagħlim komparattiv (benchlearning);
5. Jinnota li l-għan tad-dimensjoni soċjali tal-UEM huwa li tipprovdi sigurtà soċjali u livell ta' għajxien suffiċjenti għall-ġenerazzjonijiet attwali u futuri; għalhekk, iqis li huwa importanti li ċ-ċittadini tal-UE jaraw li l-Unjoni tagħhom hija kapaċi tippromwovi l-progress soċjali;
6. Iqis li l-iżvilupp ta' Ewropa soċjali, bil-mira ta' "unjoni soċjali", hija konsegwenza obbligatorja tal-integrazzjoni Ewropea;
7. Jappoġġa l-istabbiliment propost ta' klassifika ta' indikaturi ewlenin fil-qasam tal-impjiegi u f'dak soċjali li tkun tikkomplementa l-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku (MIP) bil-għan li tagħmel il-konsegwenzi soċjali tal-politiki ekonomiċi u oħrajn aktar trasparenti permezz ta' valutazzjonijiet tal-impatt ex ante u ex post u permezz tal-monitoraġġ, u li tista' tintuża għall-abbozzar tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi (JER) tal-Kummissjoni;
8. Jirrifjuta kwalunkwe armonizzazzjoni jew allinjament li jirriżultaw fit-tnaqqis tal-istandards soċjali fl-Istati Membri;
9. Jiddispjaċih għall-fatt li l-indikaturi proposti mhumiex biżżejjed biex jiżguraw kopertura komprensiva tas-sitwazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-impjiegi u f'dak soċjali;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-indikaturi rilevanti kollha jkunu sensittivi għad-differenza bejn is-sessi;
11. Jitlob li l-indikatur propost dwar il-livelli ta' qgħad fost iż-żgħazagħ jinkludi ż-żgħażagħ sal-età ta' 30 sena fuq bażi volontarja, kif previst mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ;
12. Jitlob li l-klassifika tkun tinkludi indikaturi dwar il-livelli tal-faqar fost it-tfal, l-aċċess għall-kura tas-saħħa, il-persuni mingħajr dar u indiċi tax-xogħol deċenti sabiex tkun tista' ssir valutazzjoni xierqa tas-sitwazzjoni soċjali fl-UE;
13. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jieħdu azzjoni konkreta biex jagħmlu l-impatt soċjali tal-politiki u r-riformi aktar trasparenti, permezz tal-valutazzjoni tal-impatt ex ante u ex post u permezz tal-monitoraġġ ta' riformi tal-politika;
14. Jistieden lill-Kunsill jiddefinixxi punti ta' riferiment speċifiċi għall-indikaturi tal-impjiegi u dawk soċjali fil-forma ta' bażi ta' protezzjoni soċjali tal-UE, bil-għan li jippromwovu l-konverġenza soċjali vertikali u l-progress soċjali;
15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippermettu lill-Parlament u lis-sħab soċjali jkunu involuti fid-definizzjoni tal-indikaturi tal-impjiegi u dawk soċjali;
16. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi appoġġat il-potenzjal kbir ta' intraprenditorija soċjali bir-rispett għall-aspetti kollha ta' innovazzjoni soċjali fil-livell Ewropew, sabiex jiġu promossi s-sistemi soċjali nazzjonali, jiġi stimolat it-tkabbir u jinħolqu impjiegi ġodda fl-ekonomija "bajda" u "ħadra", speċjalment għaż-żgħażagħ, fl-Istati Membri u r-reġjuni;
17. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-monitoraġġ tal-iżviluppi fil-qasam tal-impjiegi u f'dak soċjali jkun kapaċi jikkontribwixxi għal fehim aħjar u jimmira lejn it-tnaqqis tad-diverġenzi soċjali bejn l-Istati Membri u l-prevenzjoni tad-dumping soċjali;
18. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq monitoraġġ tal-konformità tar-rapporti tal-Istati Membri kollha mal-miri tal-Ewropa 2020, b'mod partikolari rigward it-tnaqqis tal-faqar u l-impjiegi, u tagħti ħarsa bir-reqqa lejn l-interkonnessjonijiet u l-interdipendenza bejn il-politiki;
19. Jiddispjaċih li l-valutazzjoni tar-riskju mwettqa bħala parti mill-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku (MIP) ma tqisx b'mod xieraq il-konsegwenzi soċjali tal-interdipendenza ekonomika bejn l-Istati Membri;
20. Jiddispjaċih għall-fatt li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq bid-data tat-2 ta' Ottubru 2013 ma tittrattax ir-rwol tal-istabbilizzaturi u l-arranġamenti relatati magħhom;
21. Jilqa' l-involviment propost tas-sħab soċjali fil-proċess tas-Semestru Ewropew, fost l-oħrajn fil-qafas tal-Kumitat għad-Djalogu Soċjali, qabel l-adozzjoni annwali tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT);
22. Jilqa' s-sejħa biex isir l-aħjar użu mill-baġit tal-UE bil-għan li tiġi żviluppata d-dimensjoni soċjali tal-UEM u li jingħata aktar appoġġ lill-mobbiltà volontarja tal-ħaddiema, sabiex b'hekk jinkiseb l-akbar benefiċċju mill-potenzjal tal-UE fil-qasam tal-impjiegi;
23. Jitlob lis-sħab soċjali jkollhom rwol saħansitra aktar attiv fis-Semestru Ewropew; iqis li n-natura formali żżejjed tad-djalogu makroekonomiku hija deplorevoli;
24. Jistieden lill-Kummissjoni tintegra aħjar ir-riżoluzzjoni tal-Parlament imsemmija hawn fuq bid-data tat-30 ta' Settembru 2013, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq bid-data tat-2 ta' Ottubru 2013 u r-riżoluzzjoni tal-Parlament dwarha fl-abbozzar tas-SAT 2014;
25. Ifakkar li l-governanza tajba tal-UEM u l-impatt tagħha jistgħu jkunu effikaċi biss jekk ikunu involuti l-partijiet interessati kollha, inklużi s-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw il-prinċipju demokratiku tad-djalogu ċivili permezz tal-involviment strutturat tal-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili fil-governanza ekonomika, u b'mod partikolari fil-proċess tas-Semestru Ewropew;
26. Jistieden lill-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2013 jiddefinixxi passi konkreti 'l quddiem fir-rigward tal-bini ta' pilastru soċjali bħala parti mill-UEM abbażi tal-metodu Komunitarju;
27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew.
- [1] EUCO 120/12.
- [2] EUCO 205/12.
- [3] EUCO 23/13.
- [4] EUCO 104/2/13.
- [5] EUCO 169/13.
- [6] P7_TA(2012)0430.
- [7] P7_TA(2013)0266.
- [8] P7_TA(2013)0447.
- [9] SDN/13/09.
- [10] P7_TA(2013)0328.
- [11] "EU Employment and Social Situation: Quarterly Review" ("Is-sitwazzjoni tal-UE fil-qasam tal-impjiegi u dak soċjali: Eżami Trimestrali"), Ottubru 2013.