MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill dwar id-definizzjoni ta’ kriterji li jiddeterminaw meta l-karta riċiklata ma tibqax titqies bħala skart skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart
4.12.2013 - (D021155/01 – 2012/2742(RPS))
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Chris Davies, Richard Seeber, Linda McAvan, Satu Hassi, Kartika Tamara Liotard, Oreste Rossi, Elisabetta Gardini
B7‑0553/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill dwar id-definizzjoni ta’ kriterji li jiddeterminaw meta l-karta riċiklata ma tibqax titqies bħala skart skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart
(D021155/01 – 2012/2742(RPS))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar id-definizzjoni ta’ kriterji li jiddeterminaw meta l-karta riċiklata ma tibqax titqies bħala skart skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart (COM(2013)0502),
– wara li kkunsidra r-rapport xjentifiku u tekniku tal-JRC "End-of-waste criteria for waste paper: technical proposals" ("Kriterji dwar it-tmiem tal-iskart għall-karti għar-rimi: proposti tekniċi") ta' Marzu 2011;
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi[1], u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar vjeġġi ta' skart[2] u b'mod partikolari l-Artikolu 49 tiegħu,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 753/2011 li tistabbilixxi regoli u metodi ta’ kalkolu biex tkun ivverifikata l-konformità mal-miri stipulati fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/98/KE, u b'mod partikolari l-Artikolu 2(2) tiegħu[3],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2011 bl-isem “Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza – Inizjattiva ewlenija taħt l-Istrateġija Ewropa 2020” (COM(2011)0021),
– wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija fid-9 ta' Lulju 2012 mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(4)(e) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni[4],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 88(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-Regolament tal-Kunsill propost jistipula li l-karti għar-rimi b'komponent mhux karta ekwivalenti għal 1,5 % ta' piż niexef ta’ arja jew inqas m'għandhomx jibqgħu jitqiesu bħala skart meta jkunu maħsuba għall-użu ta’ fibri tal-karta għall-manifattura tal-karti u meta jissodisfaw ċerti kriterji addizzjonali;
B. billi l-karta magħmula minn materjali multipli b’kontenut mhux karta ta’ aktar minn 30 % ta’ piż niexef ta’ arja għandu jitqies fit-totalità tiegħu bħala komponent mhux karta; billi kontenitur tipiku tal-karta magħmul minn materjali multipli jkun fih massimu ta' 30 % ta' komponenti mhux karta (24 % ta' polietilen, 6 % ta' aluminju) u għalhekk ma jgħoddx bħala komponent mhux karta; b'riżultat ta' dan, il-fluss ta' karti għar-rimi jista' jkun fih kwalunkwe ammont ta' kontenituri tal-karta magħmula minn materjali multipli (b'kontenut għoli ta' komponenti mhux karta kif ukoll kontenut mhux negliġibbli ta' likwidi, ikel u materjal organiku ieħor imwaħħal miegħu) u ma jibqax jitqies bħala skart, iżda bħala prodott;
C. billi skont l-Artikolu 3, punt 17 tad-Direttiva 2008/98/KE, "riċiklaġġ" hija definita bħala "kwalunkwe operazzjoni ta’ rkupru li biha l-materjali tal-iskart jiġu pproċessati mill-ġdid fi prodotti, materjali jew sustanzi għall-użu oriġinali jew għal skopijiet oħra".
D. billi, l-abbozz ta' regolament qed jiddefinixxi l-punt meta l-iskart ma jibqax jitqies bħala tali, bħala l-punt meta l-karta rkuprata tkun intiża għall-użu ta' fibri tal-karta għall-manifattura tal-karta, u għalhekk iqiegħed dan il-punt qabel ir-riproċessar proprja fil-fabbrika tal-karti; billi dan huwa f'kunflitt mad-definizzjoni eżistenti ta' "riċiklaġġ" li tirrikjedi r-riproċessar tal-materjal ta’ skart;
E. billi, tali materjal ta' skart wara li jinġabar u jiġi separat ikun biss preproċessat (mhux riproċessat) u ma jistax jintuża mingħajr riproċessar ulterjuri;
F. billi jekk id-definizzjoni tal-punt meta l-iskart ma jibqax jitqies bħala tali tiġi stabbilita qabel ma jsir effettivament ir-riċiklaġġ dan joħloq problemi fir-riwgard tal-korp tal-liġi tal-Komunità bħal pereżempju l-ekotikkettar, l-akkwist pubbliku, l-ekodisinn u r-REACH fejn "riċiklaġġ" tirreferi għal operazzjoni li tirriżulta fi prodott riċiklat lest biex jintuża u, barra minn hekk, tikkontradixxi l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 753/2011/KE fejn issir differenza ċara bejn "preproċessar" u "riċiklaġġ finali";
G. billi skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98/KE, ċertu skart speċifikat m'għandux jibqa' skart meta jkun għadda minn proċess ta' rkupru, inkluż riċiklaġġ, u jkun konformi ma' kriterji speċifiċi li għandhom jiġu żviluppati b'konformità mal-kundizzjonijiet stipulati f'dak l-Artikolu; dawk il-kundizzjoni jinkludu a) li s-sustanza jew l-oġġett jissodisfaw il-leġiżlazzjoni u l-istandards eżistenti applikabbli għall-prodotti (Artikoli 6(1c)) u b) li l-użu tas-sustanza jew l-oġġett ma jwassalx għal impatti li b'mod globali jkunu negattivi għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem (Artikolu 6(1d));
H. billi l-livell limitu għall-komponent mhux karta ta' 1,5 % huwa bbażat fuq l-istandard Ewropew EN 643; billi skont l-istudju tal-JRC, dan l-istandard huwa element ċentrali fil-kummerċ tal-karti għar-rimi" u "jispeċifika lista ta' gradi standard ta' skart Ewropej; billi l-użu ta' dan l-istandard biex jiġu stabbiliti l-kriterji għal meta l-iskart ma jibqax skart imur, b'mod ċar, kontra l-Artikolu 6(1c) tad-Direttiva 2008/98/KE, li jirrefereri b'mod espliċitu għal "standards [...] applikabbli għall-prodotti", u mhux għal standards applikabbli għall-iskart;
I. billi l-istandards rilevanti għal prodott tal-karta, bħal pereżempju l-ISO 1762 għal impuritajiet organiċi, l-ISO 5350/1 & 5350/2 għal ħmieġ li jidher u l-ISO 624 għal sustanzi estratti (karboidrati b'piż molekulari baxx) jirrikjedu livell ta' purità ta' 1 ppm - 15.000 darba inqas mil-livell propost;
J. billi l-inklużjoni ta' karta magħmula minn materjali multipli tmur kontra r-rakkomandazzjoni espliċita fl-istudju tal-JRC li teskludi l-karti għar-rimi b'diversi saffi mill-ambitu tal-kriterji dwar meta l-iskart ma jibqax skart minħabba r-riskju ambjentali intrinsiku addizzjonali li joħoloq f'każ li l-materjal jiġi esportat, speċjalment barra mill-UE;
K. billi, kif deskritt fl-Artikolu 49(2) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006, fil-każ ta' esportazzjonijiet mill-Komunità, l-awtorità kompetenti li tibgħat fil-Komunità għandha teħtieġ u tirsisti biex kwalunkwe skart esportat ikun ġestit b'mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent fil-pajjiżi terz ta' destinazzjoni, inter alia, billi jkun jista' jintwera b'mod ċar li l-faċilità li tilqa' l-iskart se topera b'konformità mal-istandards ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent li huma ekwivalenti b'mod wiesa' għall-istandards stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità;
L. billi jekk jingħata l-istatus ta' tmiem tal-iskart għall-karti użati, inklużi l-karti għar-rimi magħmula minn materjali multipli, qabel ma jkunu ġew riċiklati kif xieraq, dan il-materjal ikun jista' jiġi kkummerċjalizzat liberament fis-swieq globali u s-salvagwardji tar-Regolament dwar il-Ġarr tal-Iskart fir-rigward tal-ġestjoni ambjentalment soda ma jibqgħux japplikaw; billi l-eżenzjoni ta' flussi tal-iskart b'livell għoli ta' materjal mhux karta, li barra minn hekk imur sew lil hinn mil-livell limitu ta' 1,5 % minħabba ma tibqax titqies il-karta magħmula minn materjali multipli, mir-rekwiżiti tar-regolament dwar il-ġarr tal-iskart taf tmur kontra b'mod ċar l-Artikolu 6(1d) tad-Direttiva 2008/98/KE li jgħid li l-użu tas-sustanza m'għandux iwassal għal impatti ambjentali negattivi;
M. billi l-istimulazzjoni ta' żieda fil-kummerċ globali ta' din il-karta li allegatament "m'għadhiex skart" billi jiġu evitati s-salvagwardji ta' protezzjoni ambjentali u tas-saħħa mhux biss ikollha impatt ambjentali negattiv addizzjonali, iżda tista' twassal ukoll għal tnaqqis tar-rata Ewropea ta' riċiklaġġ ta' karti minħabba tnaqqis fid-disponibilità ta' karti għar-rimi, b'mod li l-produtturi tal-karta jaf ikollhom jissostitwixxu għall-inqas parzjalment, bi produzzjoni ikbar ta' produzzjoni bbażata fuq fibri ġodda fl-Ewropa, b'input enerġetiku ikbar u b'iktar emissjonijiet relatati ta' CO2, u dan ukoll imur kontra l-kriterju li jiġu evitati impatti ambjentali globali negattivi;
N. billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Ewropa effiċjenti fir-riżorsi" tinkludi strateġija biex l-UE ssir "ekonomija ċirkolari", bbażata fuq soċjetà ta' riċiklaġġ bl-għan li titnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart u sabiex l-iskart jintuża bħala riżorsa; billi t-titjib ulterjuri fir-rati ta' riċiklaġġ fl-UE jaf jiddgħajjef b'mod serju bil-kriterji proposti għal meta l-iskart ma jibqax skart, u l-proposta attwali għalhekk tmur kontra l-Artikolu 6(1d) tad-Direttiva 2008/98/KE;
1. Jopponi l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi kriterji li jiddeterminaw meta ċerti tipi ta’ karta riċiklata ma jibqgħux jitqiesu bħala skart skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart;
2. Iqis li dan l-abbozz ta’ Regolament tal-Kunsill mhuwiex kompatibbli mal-għan u l-kontenut tal-att bażiku;
3. Iqis li l-abbozz ta’ Regolament tal-Kunsill jeċeedi s-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni skont l-att bażiku;
4. Iqis li l-Kummissjoni ma vvalutatx sew l-impatti tal-abbozz ta' Regolament dwar ir-riċiklaġġ tal-karti u l-ġarr ta' karti għar-rimi fil-vesti ta' prodott lejn pajjiżi terzi u ma ppreżentatx ġustifikazzjoni lill-Kumitat fir-rigward ta' għalfejn ċaqilqet il-punt meta l-iskart ma jibqax jitqies bħala tali mill-punt attwali wara r-ripproċessar fil-fabbriki tal-karti għal qabel ir-riproċessar;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.