Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0555/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0555/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom

6.12.2013 - (2013/2924(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7‑0528/2013
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Juan Fernando López Aguilar f'isem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, l-Ġustizzja u l-Intern


Proċedura : 2013/2924(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0555/2013
Testi mressqa :
B7-0555/2013
Testi adottati :

B7‑0555/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom

(2013/2924(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 8, 9 u 10 u 19(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ('il-Karta') u b'mod partikolari l-Artikolu 21tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali tal-1965, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa tal-1979, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dirttijiet tat-Tfal tal-1989, u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni li jappartjenu għal Minoranzi Nazzjonali, Etniċi, Reliġjużi u Lingwistiċi tal-1992,

–   wara li kkunsidra l-każistika rilevanti tal-QtĠ-UE u l-QEDB;

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa Roma fl-Unjoni Ewropea[1],

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali (id-Deċiżjoni Qafas dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2010 dwar is-sitwazzjoni tar-Roma u dwar il-moviment liberu fl-Unjoni Ewropea[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Roma[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Ġunju 2013 dwar l-akkomodazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea[4],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Marzu 2013 dwar it-tisħiħ tal-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u r-reati ta’ mibegħda[5],

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' April 2011 dwar Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom fl-2020 (COM(2011)0173) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2011,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Mejju 2012 bl-isem: ‘Strateġiji nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom: wieħed mill-ewwel passi fl-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE’ (COM(2012)0226),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 Ġunju 2013 dwar passi ’l quddiem fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom (COM(2013)0454),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar miżuri ta’ integrazzjoni tar-Rom effettivi fl-Istati Membri (COM(2013)0460),

–   wara li kkunsidra l-istudju tiegħu ta' Jannar 2011 dwar miżuri biex jippromwovu s-sitwazzjoni ta' ċittadini tal-UE Rom fl-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, ppreżentat f'Mejju tal-2012, bl-isem ‘The situation of Roma in 11 EU Member States’ (Is-Sitwazzjoni tar-Rom fi 11-il Stat Membru),

–   wara li kkunsidra s-smigħ tal-Qafas tal-UE għall-Istateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom li sar fit-18 ta' Settembru 2013 fil-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-4 ta' Settembru 2013 dwar ‘health inequalities in the European Union’ (l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea) (SWD(2013)0328),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2013 dwar l-impatt tal-kriżi fl-aċċess għall-kura tal-gruppi vulnerabbli,

–   wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 dwar ‘Investing in health’(l-investiment fis-saħħa) (SWD(2013)0043);

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Frar 2011 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE (2010/2089(INI)),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2012 bl-isem ‘Is-Solidarjetà tas-Saħħa: It-Tnaqqis tal-Inugwaljanzi fis-Settur tas-Saħħa fl-UE’ (COM(2009)0567),

–   wara li kkunsidra l-mistoqsija mressqa lill-Kummissjoni dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Istateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom (O-000117/2013 – B7–0528/2013),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

B.  billi r-Rom isofru diskriminazzjoni madwar l-Ewropa u billi s-sitwazzjoni soċjo-ekonomika u tad-drittijiet fundamentali tagħhom, f'diversi każijiet, hija agħar minn dik ta' persuni li mhumiex Rom f'sitwazzjonijiet komparabbli;

C. billi l-avvenimenti riċenti fl-Istati Membri tal-UE, l-atti ta' vjolenza kontra r-Rom, in-nuqqas ta' politiki ta' inklużjoni adegwati, l-użu ta' diskriminazzjoni retorika, strutturali u sistemika preġudikata kontra r-Rom, il-ksur ċar tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u n-nuqqas ta' investigazzjoni ġuridika u ta' prosekuzzjoni meta jkun hemm ksur tad-drittijiet fundamentali wrew li l-atteġġjament kontra r-Rom għadu prevalenti fl-UE u jeħtieġ li jkun indirizzat b'mod aktar vigoruż fil-livelli kollha;

D. billi l-faqar u l-esklużjoni soċjali fost diversi Rom laħaq livell kritiku li jillimita l-prospetti tal-ħajja tal-familji Rom u jqiegħed lir-Rom żgħażagħ f'riskju li jispiċċaw fil-faqar minn età żgħira ħafna;

E.  billi l-attitudnijiet negattivi min-naħa ta' persuni li mhumiex Rom lejn ir-Rom u d-diskriminazzjoni espliċita jikkontribwixxu għall-esklużjoni tar-Rom;

F.  billi l-esklużjoni li qed tiżdied tar-Rom hija ta' ħsara għat-tkabbir u żżid id-defiċits baġitarji pubbliċi;

G. billi l-inugwaljanzi soċjali u d-disparitajiet reġjonali jirriżultaw fi kwalità ta' ħajja li qed tiddeterjora għall-komunitajiet rurali; billi żvilupp urban immexxi ħażin iżid il-faqar urban li qed jiżdied u jikkontribwixxi għalih;

H. billi l-komunikazzjoni tal-Kummisjoni tal-2013 dwar il-passi 'l quddiem fl-implimentazzjoni ta' strateġiji għall-integrazzjoni tar-Rom turi li nkiseb ftit progress mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Istrateġiji tagħhom għall-Integrazzjoni tar-Rom (NRIS), anki għat-twaqqif ta' prekondizzjonijiet strutturali għall-implimentazzjoni effettiva tagħhom;

I.   billi l-grupp ta' ħidma intern stabbilit mill-Kummissjoni fl-2010 eżamina l-użu tal-fondi tal-UE għall-inklużjoni tar-Rom fi 18-il pajjiż u sab li l-Istati Membri ma jużawx b'mod xieraq il-flus tal-UE u li għalkemm il-fondi tal-UE għandhom potenzjal konsiderevoli għall-promozzjoni tal-inklużjoni tar-Rom, l-ostakli fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali jwaqqfuhom milli jrawmu integrazzjoni soċjali u ekonomika effettiva tar-Rom;

J.   billi fil-maġġoranza tal-Istati Membri, ir-rappreżentazzjoni leġittima tar-Rom u l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti fl-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' strateġiji nazzjonali għadhom insuffiċjenti;

K. billi l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, il-valutazzjoni u r-rieżami tal-politiki tar-Rom huwa element ewlieni għall-implimentazzjoni effettiva tal-NRIS, meta jiġi kkunsidrat li dawn jiffurmaw livell ta' governanza mal-maġġoranza tar-responsabbiltajiet prattiċi għall-integrazzjoni tar-Rom iżda li l-livell ta' involviment tagħhom mill-Istati Membri huwa baxx;

L.  billi l-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji mmirati għandha tkun akkumanpanjata minn rieda politika ġenwina min-naħa tal-Istati Membri, peress li din hija prekondizzjoni assoluta għas-suċċess tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji, u billi huma biss ftit Stati Membri li għandhom approċċ integrat għall-allokazzjoni tar-riżorsi minn fondi tal-UE u nazzjonali, filwaqt li f'oħrajn ikun hemm dewmien fl-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali minħabba li l-fondi tal-UE ma jintużawx biżżejjed, speċjalment fl-assenza ta' miżuri konkreti;

M. billi t-total tal-ammont ta' fondi Ewropej iddedikati speċifikament għall-integrazzjoni tal-popolazzjonijiet Rom għadu mhuwiex ċar; billi, għalhekk, huwa kruċjali li l-Kummissjoni tkompli tissorvelja kif l-Istati Membri jonfqu l-fondi tal-UE u takkwista garanziji dwar l-użu adegwat ta' dawn il-fondi;

N. billi l-monitoraġġ tajjeb u valutazzjoni sistematika u konsistenti tar-riżultati tal-miżuri għall-integrazzjoni tar-Rom jirrappreżentaw fattur kruċjali għall-implimentazzjoni effiċjenti tal-NRIS u billi anqas minn nofs l-Istati Membri ppjanaw xi mekkaniżmu għal rapportar u valutazzjoni regolari;

O. billi l-Qafas tal-UE ppreveda t-twaqqif ta' Punti ta' Kuntatt Nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom għal kull Stat Membru u enfasizza li dawn għandhom ikollhom is-setgħa sħiħa biex jikkoordinaw b'mod effettiv l-inklużjoni tar-Rom fl-oqsma politiċi;

P.  billi l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw li ma jkunx hemm diskriminazzjoni kontra r-Rom u li d-drittijiet tal-bniedem tagħhom, kif stabbilit fil-Karta u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll fid-dritt tal-UE, jiġu rispettati, imħarsa u promossi;

Q. billi r-Rom isofru minn diskriminazzjoni u esklużjoni soċjali u għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-minuri u lin-nisa fi ħdan il-komunitajiet Rom, partikolarment fir-rigward tad-drittijiet fundamentali tagħhom, inklużi d-drittijiet tagħhom għal edukazzjoni u għall-integrità fiżika, kif ukoll il-projbizzjoni ta' skjavitù u ta' xogħol forzat, kif imnaqqxa fl-Artikoli 3 u 5 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

R.  billi l-ġlieda effettiva kontra l-preġudizzji kontra r-Rom u l-attitudnijiet negattivi jirrikjedu kampanji ta' sensibilizzazzjoni b'saħħithom, inizjattivi li jrawmu d-djalogu u l-kooperazzjoni interkulturali, u kultivazzjoni tal-appoġġ tal-maġġoranza favur l-inklużjoni tar-Rom;

S.  billi r-Rom, li huma ċittadini tal-Unjoni Ewropea, għandhom igawdu bis-sħiħ u jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet u l-obbligi tagħhom assoċjati maċ-ċittadinanza Ewropea;

T.  billi r-Rom jikkondividu r-responsabbiltà għas-sitwazzjoni diffiċli attwali tagħhom mas-soċjetà aktar wiesgħa u billi jeħtieġ li l-komunitajiet Rom jindirizzaw il-problemi fl-ambitu tal-komunitajiet tagħhom;

1.  Jikkundanna bil-qawwa d-diskriminazzjoni u r-razziżmu kontra r-Rom, u jiddispjaċih dwar il-fatt li fl-Unjoni Ewropea d-drittijiet fundamentali tal-persuni Rom mhux dejjem jinżammu b'mod sħiħ; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiġġieldu d-diskriminazzjoni u jiżguraw li d-direttivi rilevanti tal-UE, bħad-Direttivi 2000/43/KE[6] u 2012/29/UE[7], jiġu trasposti u implimentati b'mod adegwat;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf mekkaniżmu effettiv fl-UE kollha għall-monitoraġġ dwar il-jeddijiet fundamentali tar-Roma, l-inċidenti anti-Roma u r-reati tal-mibegħda kontra r-Roma, u li tieħu azzjoni f'saħħitha - inkluż bi proċeduri ta' ksur, fejn dawn ikunu rilevanti - f'każijiet ta' vjolazzjonijiet ta' jeddijiet fundamentali tar-Roma fl-Istati Membri, l-aktar vjolazzjonijiet ta' aċċess għall-jeddijiet ekonomiċi u soċjali u l-eżerċizzju tal-istess, tal-jedd għal-libertà tal-moviment u tar-residenza, tal-jedd għall-aċċess għall-kura tas-saħħa u tal-edukazzjoni, tal-jedd għall-ugwaljanza u n-non-diskriminazzjoni (inkluża d-diskriminazzjoni multipla), tal-jedd għall-ħarsien tad-data personali u l-projbizzjoni tal-ħolqien ta' reġistri msejsin fuq l-etniċità u r-razza;

3.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tiżviluppa għodda onlajn li tgħin lill-awtoritajiet lokali jifhmu u japplikaw il-jeddijiet tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE; jikkundanna, b'dana kollu, kull tentattiv li jkun limitat illegalment il-jedd għall-moviment liberu tar-Roma u jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu l-espulsjonijiet illegali;

4.  Jikkundanna l-forom kollha ta' anti-Zingariżmu, u b'mod partikolari d-diskorsi ta' mibegħda fit-taħdit pubbliku u politiku; iħeġġeġ lill-Istati Membri jġeddu l-impenn tagħhom fit-taqbida kontra l-anti-Zingariżmu, billi jirrikonoxxulu r-rwol fl-imminar tal-implementazzjoni b'suċċess tal-NRIS; iħeġġeġ lill-partijiet kollha joqogħdu lura mid-dikjarazzjonijiet anti-Roma li jqanqlu l-mibeghħda;

5.  Jitlob lill-Istati Membri jinvestigaw u jtemmu l-għemil tal-profili etniċi, l-abbuż mill-pulizija u l-vjolazzjonijiet l-oħrajn tal-jeddijiet tal-bniedem kontra r-Roma, ħalli jkun żgurat li r-reati kkawżati mill-preġudizzju jkunu kastigabbli u rreġistrati u investigati b'mod xieraq u li l-vittmi tingħatalhom l-assistenza u l-protezzjoni xierqa, u jinħolqu programi ta' taħriġ speċifiku għall-pulizija u għall-uffiċjali pubbliċi l-oħrajn li jaħdmu mal-komunitajet tar-Roma;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-kwestjoni tan-nuqqas ta' reġistri u ċertifikati tat-twelid għar-Roma li jirrisjedu fl-UE;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu respons effikaċi għall-esklużjoni tar-Roma billi jimplementaw il-miżuri li jinsabu fl-NRIS tagħhom b'miri, termini u baġits allokati konkreti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu attivament lir-rappreżentanti tar-Roma u lis-soċjetà ċivili fl-iżvilupp, il-ġestjoni, l-implementazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-politiki f'dak li għandu x'jaqsam mal-NRIS u mal-proġetti li jolqtu l-komunitajiet tagħhom, billi jwaqqfu mekkaniżmi għad-djalogu regolari u trasparenti skont il-prinċipji tal-'Kodiċi tal-Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija'; jistieden lill-Istati Membri jidentifikaw fl-NRIS tagħhom kif eżattament beħsiebhom jagħtu s-setgħa u jinvolvu lir-Roma fil-proċess; jistenna lill-Kummissjoni tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri billi tqanqal kuxjenza fost ir-rappreżentanti tar-Roma dwar l-opportunitajiet ippreżentati mill-NRIS, u tinkoraġġihom ikollhom rwol aktar attiv fil-proċess ta' integrazzjoni;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw finanzjament suffiċjenti għall-bini ta' soċjetà ċivili Roma f'saħħitha li jkollha l-kapaċità, l-għarfien u l-għarfien tekniku li twettaq il-monitoraġġ u l-valutazzjoni;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi kurrenti tagħha ħalli taħdem mal-Istati Membri, mal-awtoritajiet lokali u mal-atturi relevanti l-oħrajn ħalli tiżgura komunikazzjoni effettiva f'dak li għandu x'jaqsam mal-implementazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali u l-benefiċċji tal-integrazzjoni soċjali tar-Roma, tippromwovi d-djalogu interkulturali u l-kampanji ta' tqanqil tal-kuxjenza li jippruvaw itemmu l-preġudizzju kontra r-Roma u l-attitudnijiet negattivi billi jinbidlu l-viżjonijiet mentali, u biex ikunu ffaċilitati l-inizjattivi ħalli jinkiseb appoġġ maġġoritarju għall-politiki għall-promozzjoni tal-inklużjoni tar-Roma;

10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissottolinjaw id-dimensjoni tas-sessi fl-NRIS u li jinvolvu n-nisa Roma kif ukoll liż-żgħażagħ Roma fil-proċess tal-implementazzjoni u l-monitoraġġ tal-NRIS;

11. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rieżami, il-ġestjoni, l-implementazzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġiji nazzjonali tagħhom, u li jassistu u jappoġġjaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-miżuri li jeħtieġu ħalli jwettqu r-realizzazzjoni tal-inklużjoni tar-Roma skont l-erba' pilastri tal-NRIS, kif ukoll fl-implementazzjoni tal-miżuri anti-diskriminatorji;

12. Jistiednu lill-Istati Membri jipproduċu data segregata bl-assistenza tal-FRA, l-UNDP u l-Bank Dinji dwar is-sitwazzjoni soċjo-ekonomika tar-Roma, sa liema grad ir-Roma jesperjenzaw id-diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini etnika, il-krimini tal-mibegħda kommessi kontra tagħhom, filwaqt li jkun hemm rispett sħiħ tal-istandards tal-protezzjoni tad-data u l-jedd għall-privatezza, u li jiżviluppaw, b'koperazzjoni mal-Kummissjoni, l-indikaturi tal-linja bażi u l-miri miżurabbli li huma essenzjali għal monitoraġġ robust ħalli jkun żgurat feedback affidabbli fuq il-progress magħmul fl-implementazzjoni tal-NRIS u fit-titjib ta' qagħdet ir-Roma, billi jitqiesu b'mod partikolari l-minorenni u n-nisa; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb ir-rwol ta' kordinazzjoni tal-FRA u tuża b'mod sħiħ il-ħiliet tagħha;

13. Jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi timeline u miri u indikaturi ċari u miżurabbli għall-implementazzjoni tal-NRIS għall-Istati Membri, skont l-istrateġija tal-Ewropa 2020, li tassisti lill-Istati Membri fit-titjib tal-ħila tagħhom ta' assorbiment tal-fondi tal-UE, u li tħejji rapporti pajjiż b'pajjiż u rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;

14. Jistieden lill-Istati Membri jqisu l-aspetti multidimensjonali u territorjali tal-faqar, jimmobilizzaw biżżejjed riżorsi baġitarji mill-baġit nazzjonali u mill-programmi tal-UE – primarjament mill-Fond Soċjali Ewropew, mill-Fond Reġjonali Ewropew għall-Iżvilupp u l-Fond Ewropew għall-Agrikoltura – fost l-oħrajn permezz tal-użu tal-Żvilupp lokali mmexxi mill-Komunità, Pjanijiet ta' Azzjoni Konġunta, Investiment Territorjali Integrat u Operazzjonijiet Integrati ħalli jwettqu l-objettivi li jimmiraw lejn il-mikro-reġjuni li għandhom in-nuqqasijiet, ħalli jinkludu l-integrazzjoni tar-Roma fil-ftehimiet ta' sħubija għall-perijodu ta' programmazzjoni 2014-2020, u biex jistabbilixxu l-Programmi Operattivi tagħhom għall-promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs u l-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni u s-segregazzjoni;

15. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jdaħħlu skemi ta' għotjiet speċjali fil-forma ta' fondi żgħar u flessibbli għall-proġetti tal-komunità u għall-mobilizzazzjoni tal-komunitajiet lokali dwar il-kwestjonijiet ta' inklużjoni soċjali;

16. Jistieden lill-Istati Membri jinnormalizzaw l-edukazzjoni ġenerali, l-impjiegi, il-housing u l-politiki tas-saħħa tagħhom mal-objettivi tal-NRIS;

17. Jistieden lill-Kummissjoni u lit-Task Force Roma jissoktaw jivvalutaw kif l-Istati Membri jonfqu l-fondi tal-UE miżmumin għall-inklużjoni tar-Roma, kif ukoll l-impatt tal-politiki nazzjonali tagħhom fuq il-ħajja tar-Roma, li jirrapportaw dak li jsibu lill-Parlament u lill-Kunsill fuq bażi ta' kull sena, u li jidentifikaw mezzi konkreti ta' titjib tal-effikaċja tal-fondi tal-UE fir-rapporti; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-input strutturat mill-esperti u mis-soċjetà ċivili, u li tiżgura koperazzjoni effettiva bejn il-Pjattaforma għall-Inklużjoni tar-Roma u l-presidenzi rotanti tal-UE;

18. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni esterna perijodika tal-impatt tal-finanzjament tal-UE fuq l-inklużjoni soċjali tar-Roma, u li tidentifika l-prattiki tajbin u l-proġetti magħmulin bl-għajnuna tal-finanzjament tal-UE u tissalvagwardja s-sostenibilità tagħhom fit-tul;

19. Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali ħalli jeliminaw is-segregazzjoni spazzjali, iwaqqfu l-evizzjonijiet furzati illegali u jipprevjenu l-qagħda li jkunu mingħajr abitazzjoni li issa qed iħabbtu wiċċhom magħha r-Roma, kif ukoll li jsiru politiki effettiva u inklussivi tal-housing, inkluż billi jingħata housing xieraq, u assistenza soċjali u tas-saħħ fil-każ ta' evizzjonijiet;

20. Jistieden lill-Istati Membri jużaw l-ippjanar urban għall-integrazzjoni u d-desegregazzjoni u li jiżviluppaw l-kwalitajiet infrastrutturali u ambjentali tal-ibliet li l-aktar intlaqtu mill-iskwilibriji soċjali, kif ukoll għat-tisħiħ tar-rabtiet bejn iz-zoni urbani u rurali bl-iskop li jkun promoss l-iżvilupp inklussiv;

21. Jistieden lill-Istati Membri jeliminaw is-segregazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u t-tqegħid illeċitu tat-tfal Roma fl-iskejjel speċjali, fejn dan ikunu relevanti, u li joħolqu l-infrastruttura u l-mekkaniżmi neċessarji ħalli jkun iffaċilitat l-aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità għat-tfal Roma kollha, li jindirizzaw it-tluq bikri mill-iskola fost l-allievi Roma, inter alia bl-involviment tal-ġenituri fil-proċess tal-edukazzjoni, li jippromwovu l-aċċess tat-tfal Roma għall-edukazzjoni mit-tfjulija bikrija u għas-servizzi tal-iżvilupp, li jagħtu strutturi inklussivi ta' appoġġ bħalma huma t-tutoring u l-mentoring lill-istudenti Roma ħalli ma jħalluhomx jaqgħu mill-edukazzjoni sekondarja u terzjarja, li jiżguraw l-aċċess tagħhom għall-programm Erasmus, u li jippromwovu l-opportunitajiet ta' apprentistat ħalli jkunu jistgħu jiksbu l-esperjenza tax-xogħol li tkun xierqa;

22. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-livelli għoljin ta' qgħad fost ir-Roma u jneħħu x-xkiel kollu għall-aċċess għall-impjiegi, inkluż bl-użu ta' mekkaniżmi eżistenti bħalma hi l-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-inizjattivi ewlenin tal-istrateġiji tal-Ewropa 2020; jistieden lill-Istati Membri jikkreaw mekkaniżmi anti-diskriminatorji, programmi ta' taħriġ speċjalizzat u programmi li jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tal-impjiegi, inkluża r-rappreżentanza proporzjonata tar-Roma fis-servizzi pubbliċi, it-tħeġġiġ ta' min ikun impjegat għal rasu, il-mobilizzazzjoni tal-beni għall-ħolqien ta' aktar impjiegi f'setturi bl-ogħla potenzjal ta' impjiegi – bħalma hi l-ekonomija ambjentali inklussiva, is-servizzi ta-saħħa u s-servizzi soċjali, u l-ekonomija diġitali – u l-ħolqien ta' sħubijiet bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-impjegati;

23. Jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej joħolqu programmi ta' skemi ta' taħriġ u jimpjegaw lir-Rom fl-istituzzjonijiet kollha;

24. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jindirizzaw id-disparitajiet eżistenti fis-saħħa li jaffaċċjaw ir-Rom u d-diskriminazzjoni prevalenti rigward l-aċċess tagħhom għall-kura tas-saħħa, biex jistabbilixxu programmi mmirati speċifikament u jallokaw riżorsi finanzjarji biżżejjed minn fondi nazzjonali u tal-UE, b'enfasi partikolari fuq is-saħħa tat-tfal u tal-ommijiet;

25. Jistieden lill-Istati Membri jiddeterminaw b'mod preċiż il-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali għall-Inklużjoni tar-Rom u r-responsabbiltajiet tagħhom fl-implimentazzjoni tal-NRIS, filwaqt li jiżguraw li jkollhom awtorità, kapaċità u appoġġ finanzjarju biżżejjed biex jissodisfaw ir-rwol tagħhom b'mod effettiv, kif ukoll rabiet adegwati mal-komunità tar-Rom u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, biex jiżguraw li l-Punti ta' Kuntatt ikunu aċċessibbli billi jiġu identifikat b'mod ċar u jiġi żgurat li l-komunikazzjoni tagħhom mal-partijiet interessati fil-livelli kollha tkun trasparenti;

26. Ifakkar l-Istati Membri li prattiki tajbin, bħall-programmi ta' medjaturi Rom u l-Alleanza Ewropea tal-Bliet u r-Reġjuni għall-Inklużjoni tar-Rom implementati mill-Kunsill tal-Ewropa, jkollhom suċċess fit-territorju, li għandu jinkoraġġixxi Stati Membri juru aktar determinazzjoni politika favur l-inklużjoni effettiva tar-Rom;

27. Jappoġġa bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri għall-integrazzjoni effettiva tar-Rom fl-Istati Membri, u jħeġġeġ lill-Kunsill biex jappoġġaha malajr;

28. Jenfasizza li l-integrazzjoni hija eżerċizzju fuq żewġ binarji u li kull sforz ta' integrazzjoni jimplika responsabbiltajiet kondiviżi iżda asimettriċi tal-partijiet fid-dawl tal-kapaċitajiet tagħhom u tar-riżorsi ekonomiċi, politiċi u soċjali tagħhom;

29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, il-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri u l-Kunsill tal-Ewropa.