Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0560/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0560/2013

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tħejjija għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (19-20 ta' Diċembru 2013)

    9.12.2013 - (2013/2626(RSP))

    imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
    skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

    Elmar Brok, Corien Wortmann-Kool, Jean-Pierre Audy, Michael Gahler, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra f'isem il-Grupp PPE
    Roberto Gualtieri, Elisa Ferreira, Maria Eleni Koppa, Maria Eleni Koppa f'isem il-Grupp S&D
    Guy Verhofstadt f'isem il-Grupp ALDE


    Proċedura : 2013/2626(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B7-0560/2013

    B7‑0560/2013

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tħejjija għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (19–20 ta' Diċembru 2013)

    (2013/2626(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar it-tisħiħ tad-demokrazija Ewropea fl-UEM futura[1], tat-23 ta' Mejju 2013 dwar "proposti leġiżlattivi futuri dwar l-UEM: risposta għall-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni"[2] u tal-21 ta' Novembru 2013 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "It-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM)"[3],

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A. billi saru sforzi determinati mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-Istati Membri sabiex jerġgħu jinkisbu l-kredibilità u l-istabilità finanzjarja, b'mod partikolari permezz tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali u l-adozzjoni tal-qafas ġdid tal-governanza ekonomika; billi dawn l-isforzi għandhom jitwettqu minn Unjoni Bankarja ġenwina;

    B.  billi hija meħtieġa koordinazzjoni aħjar tal-politika ekonomika sabiex jissaħħu l-kompetittività, is-sostenibilità u l-ħolqien ta' impjiegi fl-UE;

    C. billi l-"metodu Komunitarju" huwa l-approċċ adattat sabiex jiġu ttrattati l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-UE u l-munita tagħha;

    D. billi d-deċiżjonijiet kollha għandhom ikunu sostnuti bi skrutinju parlamentari u responsabbilizzazzjoni fil-livell li jkunu ttieħdu;

    E.  billi r-rispett sħiħ għad-dritt tal-UE, u l-applikazzjoni bir-reqqa tiegħu, huwa l-element bażiku ta' din il-politika;

    F.  billi f'ambjent ġeostrateġiku volatili li qed jinbidel b'ritmu mgħaġġel, ikkaratterizzat minn sfidi ġodda dwar is-sigurtà, l-ibbilanċjar mill-ġdid tal-Istati Uniti lejn ir-reġjun tal-Asja-Paċifiku, u l-impatt tal-kriżi finanzjarja, l-UE teħtieġ li tassumi r-responsabilità tagħha bħala entità li tipprovdi sigurtà b'mod kredibbli b'awtonomija strateġika reali, b'mod partikolari fil-viċinat tagħha, u dan se jkollu l-effett li jsaħħaħ is-sigurtà tagħha stess;

    G. billi l-uniku mod għall-kapijiet ta' stati u gvernijiet li jindirizzaw dawn it-tendenzi ġeopolitiċi u t-tnaqqis mhux koordinat fin-nefqa fuq id-difiża huwa li titħaffef il-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni tad-difiża;

    Dwar l-Unjoni Bankarja

    1.  Ifakkar lill-Kunsill Ewropew fl-impenn politiku bil-għan li għandu jintlaħaq qbil fuq il-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni qabel tmiem il-mandat leġiżlattiv attwali; jappella lill-Kunsill Ewropew itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill tal-Ministri li n-negozjati dwar id-Direttiva ta' Garanzija tad-Depożiti u l-qafas ta' rkupru u ta' riżoluzzjoni għandhom jiġu konklużi b'suċċess qabel it-tmiem tal-2013;

    Dwar l-approfondiment tal-UEM

    2.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew jagħmel impenn politiku fir-rigward tal-preparazzjoni leġiżlattiva, abbażi tat-Trattati, għal koordinazzjoni aħjar tal-politika ekonomika; jistenna li l-Parlament u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE jaqblu, qabel tmiem il-mandat leġiżlattiv attwali, fuq il-karatteristiċi ewlenin ta' din il-koordinazzjoni aħjar tal-politika ekonomika;

    3.  Jitlob li, abbażi tal-koordinazzjoni aħjar tal-politika ekonomika msemmija hawn fuq, jiġi adottat att legali dwar "linji gwida ta' konverġenza" taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li jistabbilixxi, għal perjodu definit, għadd limitat ħafna ta' miri għall-miżuri ta' riforma l-aktar urġenti;

    4.  Itenni t-talba tiegħu li l-Istati Membri jiżguraw li l-programmi ta' riforma nazzjonali, li għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-linji gwida ta' konverġenza msemmija hawn fuq u verifikati mill-Kummissjoni, huma diskussi u adottati mill-parlamenti nazzjonali tagħhom; iqis li dan huwa essenzjali għat-tisħiħ tas-sjieda u tar-responsabilità demokratika tal-proċess kollu;

    5.  Iqis li huwa xieraq li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom sabiex jimplimentaw bis-sħiħ il-programmi ta' riforma nazzjonali tagħhom, kif verifikat; jissuġġerixxi li, fuq din il-bażi, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu "sħubija ta' konverġenza" mal-istituzzjonijiet tal-UE, bil-possibilità ta' finanzjament kundizzjonali għall-attivitajiet ta' riforma;

    6.  Itenni li l-kooperazzjoni ekonomika aktar b'saħħitha għandha timxi id f'id ma' mekkaniżmu bbażat fuq l-inċentivi; iqis li kull finanzjament jew strument addizzjonali, bħall-mekkaniżmu ta' solidarjetà, jeħtieġ ikun parti integrali tal-baġit tal-UE, iżda barra mil-limiti miftiehma tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP);

    7.  Ifakkar li t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza (TSKG) għandu jkun integrat fid-dritt tal-UE sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2018, abbażi ta' valutazzjoni tal-esperjenza mal-implimentazzjoni tiegħu, kif stipulat fl-Artikolu 16 tat-TSKG;

    8.  Ifakkar fil-pożizzjoni fundamentali tiegħu li l-UEM msaħħa ma għandhiex tifred lill-UE iżda, għall-kuntrarju, għandha tistabbilixxi integrazzjoni aktar profonda u governanza aktar b’saħħitha, li għandha tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha li m’humiex fiż-żona tal-euro, fuq bażi volontarja;

    9.  Jappella lill-Kunsill Ewropew jikkonforma bis-sħiħ mal-Artikolu 15(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE);

    Dwar il-politika tad-difiża

    10. Huwa tal-fehma li, f'ambjent ġeostrateġiku volatili li qed jinbidel b'ritmu mgħaġġel, ikkaratterizzat minn sfidi ġodda dwar is-sigurtà, l-ibbilanċjar mill-ġdid tal-Istati Uniti lejn ir-reġjun tal-Asja-Paċifiku, u l-impatt tal-kriżi finanzjarja, l-UE teħtieġ li tassumi r-responsabilità tagħha bħala protagonista politika globali u entità li tipprovdi s-sigurtà b'mod kredibbli, u b'awtonomija strateġika reali partikolarment fil-viċinat tagħha, mingħajr ma jiġu ripetuti attivitajiet eżistenti fil-qafas tan-NATO, biex tippromwovi l-paċi u s-sigurtà internazzjonali, biex tħares l-interessi tagħha fid-dinja u biex tiżgura s-sigurtà taċ-ċittadini tagħha; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li l-UE tkun konsistenti fil-politiki tagħha u aktar veloċi u effiċjenti meta tassumi r-responsabilitajiet imsemmija hawn fuq;

    11. Jinnota li bħalissa l-UE qiegħda tiffaċċja restrizzjonijiet finanzjarji sinifikanti u li l-Istati Membri, minħabba raġunijiet finanzjarji, baġitarji u politiċi, li jistgħu jkunu jew ma jkunux marbuta mal-kriżi li qiegħda tolqot iż-żona tal-euro, qegħdin f'fażi ta' tnaqqis mhux koordinat tal-livell tagħhom tan-nefqa tad-difiża; jenfasizza l-impatt negattiv potenzjali ta' dawn il-miżuri fuq il-kapaċitajiet militari tagħhom u, għalhekk, fuq il-kapaċità tal-UE li tassumi b'mod effettiv ir-responsabilitajiet tagħha fl-oqsma taż-żamma tal-paċi, tal-prevenzjoni tal-kunflitti u tat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali;

    12. Huwa tal-fehma li, sabiex jindirizzaw l-isfidi msemmija hawn fuq, Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-UE għandhom jaħtfu l-opportunità, mogħtija mill-Kunsill ta' Diċembru 2013, billi jieħdu pożizzjoni ċara favur sistema Ewropea tad-difiża aktar b'saħħitha;

    13. Jilqa', f'dan ir-rigward, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2013 bl-isem "Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti" (COM(2013)0542) u r-rapport finali tal-15 ta' Ottubru 2013 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Kap tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża;

    14. Jistieden lill-Kunsill Ewropew jimplimenta s-suġġerimenti li saru fir-rapporti tal-Parlament dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) u l-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB);

    15. Jemmen li l-Istati Membri għandhom l-ewwel jimpenjaw ruħhom biex jegħlbu n-nuqqasijiet tal-operat tal-PSDK billi jwegħdu l-appoġġ tagħhom kemm għall-missjonijiet ċivili tal-PSDK kif ukoll għall-operazzjonijiet militari, b'mod partikolari permezz ta' kontribut ta' kapaċità;

    16. Jissottolinja l-fatt li t-Trattat ta' Lisbona introduċa bosta strumenti ġodda relatati mal-PSDK, li għadhom ma tpoġġewx fil-prattika; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġu implimentati dawk id-dispożizzjonijiet sabiex tissaħħaħ aktar il-PSDK, u jistieden lill-Kunsill jieħu vantaġġ sħiħ tal-istrumenti msemmija hawn fuq (bħall-kooperazzjoni strutturata permanenti fost l-Istati Membri (Artikolu 46(6) TUE) u l-possibilità li l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK b'mod partikolari jiġu fdati lil dak il-grupp ta' Stati Membri (Artikoli 42(5) u 44(1) TUE));

    17. Jenfasizza l-importanza li jitnieda proċess ta' riflessjoni strateġika bil-għan li jiġu definiti l-għanijiet u l-prijoritajiet tal-UE u jiġi stabbilit pjan direzzjonali bi skedi ta' żmien, għal kooperazzjoni tad-difiża aktar profonda (White Book li jista' jservi bħala qafas biex issir riflessjoni dwar proċessi nazzjonali);

    18. Jistieden lill-Kunsill jimpenja ruħu fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-armamenti, b'mod partikolari billi jsaħħaħ l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża sabiex t-tiżvolġi r-rwol sħiħ tagħha fil-promozzjoni tal-koordinazzjoni, fis-superviżjoni tal-impenji, tagħti prijorità lill-investiment fit-teknoloġiji (inklużi strumenti strateġiċi bħal riforniment ta' fjuwil fl-ajru, komunikazzjoni bis-satellita, trasport bl-ajru strateġiku, sistemi tal-ajru telepilotati, difiża ċibernetika u l-Ajru Uniku Ewropew), fil-ftehim fuq l-użu akbar ta' koalizzjonijiet tal-voluntiera / gruppi ristretti, u biex tinstab soluzzjoni prattika għall-użu ta' Gruppi Tattiċi;

    19. Jappella lill-Istati Membri jwegħdu l-appoġġ tagħhom għal EDTIB robusta li tista' tegħleb il-frammentazzjoni, u biex isaħħu l-kreattività u s-saħħa tal-industriji Ewropej permezz ta' koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-ippjanar tal-baġits tad-difiża nazzjonali (potenzjalment permezz tat-twaqqif ta' "Semestru Ewropew" għal kwistjonijiet tad-difiża) u koordinazzjoni aktar mill-qrib fil-livell industrijali (l-armonizzazzjoni ta' standards u ċ-ċertifikazzjoni ta' tagħmir tad-difiża); jappella li jiġu provduti aktar inċentivi u appoġġ għall-industrija tad-difiża, b'impenn għall-iżvilupp ta' tekonoloġiji u sistemi ewlenin tad-difiża (inċentivi fiskali, għajnuna finanzjarja għal riċerka u żvilupp, u l-istituzzjonalizzazzjoni ta' sinerġiji bejn kapaċitajiet ċivili u militari);

    20. Jenfasizza li s-saħħa tal-UE, meta mqabbla ma' organizzazzjonijiet oħra, tikkonsisti fil-potenzjal uniku tagħha li timmobilizza l-firxa sħiħa ta' strumenti politiċi, ekonomiċi, tal-iżvilupp u umanitarji biex tappoġġa l-ġestjoni tal-kriżijiet, il-missjonijiet u l-operazzjonijiet ċivili u militari tagħha fil-kuntest ta' awtorità politika unika – il-VP/RGħ – u li dan l-approċċ komprensiv, jew permezz tas-"soft power" tagħha jew, jekk ikun meħtieġ, permezz ta' azzjonijiet aktar robusti, jagħtiha flessibilità u effiċjenza unika u aktar apprezzata;

    21. Jappoġġa t-twaqqif ta' Kunsill tal-Ministri tad-Difiża biex jagħtu d-difiża l-valur li jistħoqqilha;

    22. Iħeġġeġ lill-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern, fid-dawl tal-importanza strateġika tad-difiża Ewropea u l-iskala tal-isfidi li qed tiffaċċja l-Unjoni, biex jerġgħu jqisu f'Diċembru 2015 il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill f'Diċembru 2013, abbażi ta' rapport ta' implimentazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà;

    23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni.