Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0585/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0585/2013

PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI LILL-KUNSILL dwar l-impenn umanitarju ta' atturi mhux statali armati fil-protezzjoni tat-tfal

19.12.2013

imressqa skont l-Artikolu 121(1) tar-Regoli ta' Proċedura

Eva Joly, Catherine Grèze, Keith Taylor, Judith Sargentini, Bart Staes, Isabella Lövin f'isem il-Grupp Verts/ALE

B7‑0585/2013

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar l-impenn umanitarju ta' atturi mhux statali armati fil-protezzjoni tat-tfal

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-2013 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar it-tfal u l-kunflitti armati u rapporti oħrajn minn atturi relevanti,

–   wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE tal-2008 dwar it-tfal u l-kunflitti armati, l-istrateġija ta' implimentazzjoni tal-2010 għal-linji gwida tal-UE dwar it-tfal u l-kunflitti armati u l-Lista ta' kontroll tal-2008 għall-Integrazzjoni tal-Protezzjoni tat-Tfal affettwati mill-Kunflitti Armati fl-Operazzjonijiet tal-ESDP,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2008 dwar "il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal fl-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea – id-dimensjoni tal-iżvilupp u dik umanitarja",

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar post speċjali għat-tfal fl-azzjoni esterna tal-UE[1], tas-16 ta' Jannar 2008 intitolata "Lejn strateġija Ewropea għad-drittijiet tat-tfal"[2], tat-3 ta' Lulju 2003 dwar it-traffikar tat-tfal u s-suldati tfal[3], tas-6 ta' Lulju 2000 dwar il-ħtif ta' tfal mil-Lord's Resistance Army[4] u tas-17 ta' Diċembru 1998 dwar is-suldati tfal[5],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tat-tfal, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni 1612 (2005) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–   wara li kkunsidra l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar l-involviment tat-tfal f'kunflitti armati,

–   wara li kkunsidra l-Impenji ta' Pariġi għall-Protezzjoni tat-Tfal mir-Reklutaġġ jew l-Użu Illegali mill-Forzi Armati jew il-Gruppi Armati u l-Prinċipji u l-Linji gwida ta' Pariġi dwar it-Tfal Assoċjati mal-Forzi Armati jew il-gruppi Armati, li t-tnejn ġew adottati fis-6 ta' Frar 2007,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 121(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-biċċa l-kbira tal-kunflitti armati attwali jinvolvu attur mhux statali armat wieħed jew iktar li qed jiġġieldu kontra l-gvernijiet jew gruppi armati oħrajn, filwaqt li ċ-ċivili u t-tfal b'mod partikolari jġarrbu l-effetti ta' dawn il-gwerer;

B.   billi sabiex tittejjeb il-protezzjoni taċ-ċivili, u b'mod partikolari tat-tfal, trid tingħata kunsiderazzjoni lill-partijiet kollha fil-kunflitt;

C.  billi n-normi umanitarji internazzjonali japplikaw għall-partijiet kollha f'kunflitt armat u huma vinkolanti għalihom kollha;

 

D.  billi l-kunflitti armati għandhom impatt partikolarment devastanti fuq l-iżvilupp fiżiku u mentali tat-tfal, b'konsegwenzi fit-tul għas-sigurtà tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli;

 

E.   billi l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali jikkriminalizza l-att ta' koskrizzjoni jew ingaġġ ta' tfal taħt l-età ta' 15-il sena fil-forzi jew il-gruppi armati, jew li jintużaw biex jipparteċipaw attivament fil-ġlied;

 

F.   billi d-dritt internazzjonali jipprojbixxi l-forom kollha ta' vjolenza sesswali, anke kontra t-tfal, u billi l-atti ta' vjolenza sesswali jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità jew ġenoċidju;

 

G.  billi l-użu ta' mini antipersuna naqas mill-adozzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Mini fl-1997, iżda għadu theddida għat-tfal, speċjalment f'kunflitti armati li ma jkunux ta' natura internazzjonali;

 

H.  billi l-komunità internazzjonali għandha dmir morali li tikseb impenji mill-partijiet kollha involuti fil-kunflitti, fosthom kemm l-istati kif ukoll l-atturi mhux statali armati, sabiex tipproteġi lit-tfal;

1.  Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kummissarju għall-Iżvilupp u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:

(a)  li jitħeġġeġ l-iffirmar ta' pjanijiet ta' azzjoni għall-protezzjoni tat-tfal fil-kunflitti armati mal-Uffiċċju tan-NU tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għat-Tfal u l-Kunflitti Armati mill-istati kkonċernati u l-atturi mhux statali armati;

(b)  li jiġu rikonoxxuti l-isforzi magħmula min-NU u minn organizzazzjonijiet mhux governattivi biex jipperswadu lill-atturi mhux statali armati jipproteġu lit-tfal, filwaqt li jittenna l-fatt li dan ma jimplikax appoġġ għal-leġittimità tal-attivitajiet ta' dawk l-atturi jew ir-rikonoxximent tagħhom;

(c)  li fid-djalogi politiċi ma' pajjiżi terzi, pereżempju fil-qafas tal-Ftehim ta' Cotonou, tiġi inkluża l-mira tal-prevenzjoni u l-waqfien tar-reklutaġġ u tal-involviment sfurzat tat-tfal taħt l-età ta' 18-il sena u li jiġu żgurati r-rilaxx kif ukoll ir-reintegrazzjoni tagħhom fis-soċjetà;

(d)  li jittenna l-fatt li l-istati u l-atturi mhux statali armati jridu jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt umanitarju internazzjonali konswetudinarju, u li jiġu appoġġati fl-isforzi tagħhom li jieħdu miżuri speċjali biex jipproteġu liċ-ċivili, b'mod partikolari t-tfal;

(e)  li jinbeda djalogu dirett, jew indirett permezz ta' NGOs speċjalizzati, ma' atturi mhux statali armati dwar il-kwistjoni tal-bniet u s-subien, bl-għan li tittaffa t-tbatija tat-tfal fil-kunflitti armati u li l-atturi mhux statali armati jiġu mħeġġa jiffirmaw l-Att ta' Impenn fit-Talba ta' Ġinevra għall-Protezzjoni tat-Tfal mill-Effetti tal-Kunflitti Armati;

(f)   li jiġu appoġġati l-NGOs umanitarji li jinvolvu ruħhom fi djalogu ma' atturi mhux statali armati sabiex jippromwovu r-rispett għan-normi umanitarji internazzjonali fil-kunflitti armati, b'mod partikolari l-protezzjoni tat-tfal permezz ta' mezzi politiċi, diplomatiċi u finanzjarji;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kummissarju għall-Iżvilupp, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.