Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0008/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0008/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-istrateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar

8.1.2014 - (2013/2994(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Csaba Őry, Ivo Belet, Roberta Angelilli f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0008/2014

Proċedura : 2013/2994(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0008/2014

B7‑0008/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar

(2013/2994(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 34 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-verżjoni riveduta tal-Karta Soċjali Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari l-Artikolu 31 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2010 bl-isem "Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali" (COM(2010)0758),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità[1],,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020: Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli" (COM(2010)0636),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-bnedmin kollha jitwieldu liberi, b’dinjità u drittijiet indaqs, u hija r-responsabilità tal-Istati Membri li jippromwovu u jiggarantixxu dawn id-drittijiet permezz tal-kostituzzjonijiet u s-sistemi tas-saħħa pubblika tagħhom; billi l-inugwaljanzi tal-ġeneru fl-aċċess għall-kura tas-saħħa u fis-sitwazzjoni tas-saħħa jeżistu fl-UE kollha;

B.  billi l-valuri fundamentali tal-UE jridu jkunu rrispettati anke f’sitwazzjoni ta’ kriżi u l-aċċess għall-kura, il-kura tas-saħħa u l-għajnuna soċjali għandu jitqies dritt fundamentali għal kulħadd fl-UE;

C. billi fl-Istati Membri hemm persuni mingħajr dar;

D. billi l-problema ta' persuni mingħajr dar tirrappreżenta waħda mill-aktar forom estremi ta' faqar u privazzjoni;

E.  billi l-problema ta' persuni mingħajr dar hija minn natura tagħha stess problema b'bosta aspetti u teħtieġ rispons politiku b'bosta aspetti;

F.  billi l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-mira tagħha li sal-2020 mill-anqas 20 miljun persuna jintrefgħu mir-riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali jipprovdu kontribut kruċjali għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta' faqar u esklużjoni soċjali, inkluża l-problema ta' persuni mingħajr dar;

G. billi l-UE għandha l-aktar sistema ta’ protezzjoni soċjali avvanzata fid-dinja, bl-ogħla kontribuzzjonijiet għall-benefiċċji soċjali għaċ-ċittadini;

H. billi numru dejjem jiżdied ta' persuni m'għandhomx biżżejjed x'jieklu u qed isofru minn privazzjoni materjali serja;

I.   billi l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn jgħin inaqqas il-faqar fl-Unjoni billi jappoġġa programmi ta' għajnuna prattika fi sforz sabiex jiġu indirizzati n-nuqqas ta' ikel u l-problema ta' persuni mingħajr dar;

1.  Iqis li l-miżuri ta' awsterità taħt l-ebda ċirkostanza ma għandhom iċaħdu liċ-ċittadini mill-aċċess tagħhom għas-servizzi bażiċi soċjali u tas-saħħa;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studji dwar iċ-ċirkostanzi li jgħixu fihom il-persuni mingħajr dar, il-kawżi tal-faqar tagħhom u t-tipi ta' assistenza li jeħtieġu, u biex tagħmel disponibbli d-data rilevanti;

3.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimpedixxu l-problema ta' persuni mingħajr dar u jipprovdu l-kura meħtieġa għall-persuni mingħajr dar;

4.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw progress sinifikanti lejn il-mira li tintemm il-problema ta' persuni mingħajr dar li jgħixu fit-toroq;

5.  Jistenna li l-Istati Membri jfasslu u jimplimentaw miżuri ta' prevenzjoni adegwati sabiex jindirizzaw il-problema ta' persuni mingħajr dar;

6.  Jitlob għalhekk l-iżvilupp ta' strateġija tal-UE ambizzjuża, integrata u appoġġata minn strateġiji nazzjonali u reġjonali li jkollhom l-għan fit-tul li jtemmu l-problema ta' persuni mingħajr dar fi ħdan il-qafas usa' ta' inklużjoni soċjali;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-infurzar tal-istrateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar u tinvolvi lill-partijiet interessati kollha fil-ġlieda kontra l-problema ta' persuni mingħajr dar, inklużi dawk li jfasslu l-politika fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali;

8.  Jenfasizza l-fatt li l-ġlieda kontra l-problema ta' persuni mingħajr dar sostanzjalment hija responsabbiltà tal-Istati Membri u li l-Unjoni Ewropea tkopri l-attivitajiet tal-Istati Membri permezz tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) kif ukoll permezz tal-Istrateġija 2020;

9.  Jistenna li l-Istati Membri jimplimentaw il-programm FEAD b'mod rapidu u effiċjenti;

10. Jappella għal strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar biex isir pass lil hinn mill-monitoraġġ u r-rappurtar u jiġi pprovdut pakkett ta' attivitajiet li jappoġġaw l-iżvilupp u s-sostenn ta' strateġiji nazzjonali u reġjonali effettivi għall-problema ta' persuni mingħajr dar;

11. Jinnota li fost il-persuni mingħajr dar hemm nisa u tfal li jaħarbu mill-vjolenza domestika;

12. Jistieden għalhekk lill-Istati Membri jaħdmu mal-organizzazzjonijiet rilevanti tal-għajnuna biex jipprovdu pariri u akkomodazzjoni, bil-ħsieb li l-persuni mingħajr dar ikunu jistgħu jiġu offruti protezzjoni mix-xita u l-bard u mill-vjolenza, li hija karatteristika ta' kuljum mill-ħajja fit-toroq;

13. Jindika li bosta persuni mingħajr dar ibatu biex ilaħqu mal-ħajja u jkollhom jgħixu f'kundizzjonijiet diżumani;

14. Jappella għalhekk sabiex ikun hemm disponibbli appoġġ komprensiva, kura medika u ikel għall-individwi kkonċernati;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.