MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar
8.1.2014 - (2013/2994(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Niccolò Rinaldi, Marielle de Sarnez f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0008/2014
B7‑0009/2014
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 3 tiegħu,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-verżjoni riveduta tal-Karta Soċjali Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari l-Artikolu 31 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 34 tagħha,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni bil-miktub tiegħu tat-22 ta’ April 2008 dwar it-tmiem tal-problema ta' persuni bla djar li jgħixu fit-toroq[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2011 dwar Strateġija tal-UE għall-Persuni Mingħajr Dar[2]
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-problema ta' persuni mingħajr dar saret prijorità ċara tal-politika tal-UE dwar il-faqar, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Pakkett ta' Investiment Soċjali tal-UE;
B. billi l-problema ta' persuni mingħajr dar għadha qed tolqot lill-persuni fl-Istati Membri kollha u tikkostitwixxi ksur mhux aċċettabbli tad-dinjità tal-bniedem u tad-drittijiet tal-bniedem;
C. billi l-problema ta’ persuni mingħajr dar tirrappreżenta l-aktar forma estrema ta’ faqar u privazzjoni, u kompliet tikber f’dawn l-aħħar snin tista’ tgħid fl-Istati Membri kollha;
D. billi l-Istati Membri li ntlaqtu l-agħar mill-kriżi ekonomika u finanzjarja qed jaraw żieda bla preċedent fil-problema ta' persuni mingħajr dar;
E. billi fl-14 ta' Settembru 2011 il-Parlament adotta, b'maġġoranza kbira ħafna, riżoluzzjoni li tappella għal strateġija integrata tal-UE, sostnuta minn strateġiji nazzjonali u reġjonali, bil-għan fuq perjodu ta' żmien twil li tintemm il-problema ta’ persuni mingħajr dar;
F. billi sar qbil dwar sitt prinċipji waqt il-Mejda Tonda tal-Ministri dwar il-Problema ta' Persuni Mingħajr Dar, li saret f'Leuven fl-1 ta' Marzu 2013 fuq l-inizjattiva tal-Presidenza Irlandiża;
G. billi għadd ta’ korpi tal-UE bħall-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO), il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Parlament appellaw lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija tal-UE dwar il-problema ta’ persuni mingħajr dar jew xi ħaġa simili;
H. billi l-koordinazzjoni tal-politika fil-livell tal-UE fil-qasam tal-problema ta' persuni mingħajr dar, fil-qafas tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni għall-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali u l-istrateġija Ewropa 2020, żiedet il-valur lill-isforzi li saru fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali tul id-deċennju li għadda, u billi teżisti ħtieġa u domanda li din il-ħidma tkompli tiġi żviluppata aktar b'approċċ aktar strateġiku u fuq perjodu ta' żmien itwal;
I. billi l-problema ta' persuni mingħajr dar hija minn natura tagħha stess problema b'bosta aspetti u teħtieġ rispons ta’ politika b'bosta aspetti;
J. billi hemm evidenza dejjem akbar li l-approċċi bbażżati fuq l-akkomodazzjoni għall-persuni mingħajr dar huma l-aktar effettivi;
K. billi l-Istrateġija Ewropa 2020, u l-mira ewlenija tagħha li sal-2020 mill-anqas 20 miljun ruħ jintrefgħu mir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, li għandha timmira wkoll li tnaqqas il-problema ta' persuni mingħajr dar, teħtieġ sforzi mġedda mill-Istati Membri u mill-UE;
L. billi element ewlieni tal-istrateġija Ewropa 2020 huwa l-inizjattiva emblematika Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, li tinkludi għadd ta’ azzjonijiet relatati mal-problema ta' persuni mingħajr dar li għadhom ma ġewx implimentati;
M. billi l-problema ta' persuni mingħajr dar tirċievi enfasi akbar fil-qafas tas-Semestru tal-UE, fejn għadd ta’ Stati Membri jinkludu l-problema ta' persuni mingħajr dar bħala prijorità ta’ kontra l-faqar fi ħdan il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tagħhom għall-2012 u l-2013;
N. billi l-qafas ta' politika attwali tal-UE u r-realità soċjali fost il-pubbliku qed iwittu t-triq għal azzjoni msaħħa u aktar ambizzjuża dwar il-problema ta' persuni mingħajr dar fil-livell tal-UE;
O. billi l-konferenza dwar il-kunsens Ewropew f'Diċembru 2010 tipprovdi bażi soda għal azzjoni tal-UE aktar ambizzjuża dwar il-problema ta' persuni mingħajr dar;
P. billi r-responsabbiltà immedjata sabiex tiġi indirizzata b’mod determinat il-problema ta' persuni mingħajr dar hija f'idejn l-Istati Membri, b'mod partikolari l-awtoritajiet reġjonali u lokali, u billi strateġija tal-UE għandha rwol kumplementari xi twettaq;
Q. billi huwa possibbli li jkun hemm rwol aktar b'saħħtu għall-Kummissjoni fi ħdan l-oqsma attwali ta' kompetenza tagħha u b'rispett għall-prinċipju tas-sussidjarjetà;
R. billi d-DĠ Impjiegi qiegħed fl-aħjar pożizzjoni li jaġixxi ta' gwida dwar il-problema ta' persuni mingħajr dar, iżda għadd ta’ DĠs oħra wkoll għandhom jindirizzaw il-problema ta' persuni mingħajr dar fi ħdan l-oqsma ta' responsabbiltà tagħhom;
S. billi għadd dejjem jiżdied ta' Stati Membri għandhom strateġija olistika għall-problema ta' persuni mingħajr dar u jistgħu jibbenefikaw minn kooperazzjoni Ewropea sabiex jiżviluppaw ulterjorment il-politiki tagħhom;
T. billi f'uħud mill-Istati Membri l-awtoritajiet pubbliċi ħadu miżuri biex jippenalizzaw jew jikriminalizzaw il-problema ta' persuni mingħajr dar, miżuri li ma jirrispettawx id-drittijiet fundamentali tal-persuni mingħajr dar;
U. billi l-kriminalizzazzjoni tal-problema ta' persuni mingħajr dar m'għandiex lok f'soċjetà moderna demokratika u toħloq penalizzazzjoni doppja għal persuni li diġà huma esklużi soċjalment u foqra;
1. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa mingħajr dewmien strateġija tal-UE għall-problema ta’ persuni mingħajr dar skont kif stabbilit fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-14 ta' Settembru 2011 dwar strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar u fi proposti minn istituzzjonijiet u korpi tal-UE oħrajn;
2. Iqis li strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar għandha tirrispetta bis-sħiħ it-Trattat ta' Lisbona, li jafferma "r-rwol essenzjali u d-diskrezzjoni wiesgħa ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li jipprovdu, jikkummissjonaw u jorganizzaw is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li jkun qrib kemm jista’ jkun tal-ħtiġijiet ta’ l-utenti"; iqis li r-responsabbiltà għall-ġlieda kontra l-problema ta' persuni mingħajr dar hija tal-Istati Membri u li għaldaqstant strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar għandha tappoġġa lill-Istati Membri sabiex jieħdu fuqhom din ir-responsabbiltà bil-mod l-aktar effettiv possibbli filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi grupp ta' esperti ta' livell għoli biex jappoġġjaha fit-tħejjija u l-iżvilupp ulterjuri ta' strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra kif dovut ir-referenzi għall-problema ta' persuni mingħajr dar fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi għall-Istati Membri, fejn hemm ħtieġa urġenti li jsir progress dwar il-problema ta' persuni mingħajr dar; jistieden lill-Istati Membri jkomplu jsaħħu l-inklużjoni tal-problema ta' persuni mingħajr dar fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom;
5. Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-programm EaSI (il-Programm Ewropew għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali) bħala l-għajn ewlenija ta' finanzjament għal strateġija tal-UE għall-finanzjament ta' riċerka u skambji transnazzjonali, u tibni ulterjorment il-kooperazzjoni tagħha ma' sħab Ewropej ewlenin bħall-FEANTSA (il-Federazzjoni Ewropea tal-Organizzazzjonijiet Nazzjonali li Jaħdmu mal-Persuni mingħajr Dar) u HABITACT (Forum ta' skambju Ewropew dwar strateġiji lokali għall-problema ta’ persuni mingħajr dar);
6. Jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-problema ta’ persuni mingħajr dar fl-oqsma ta’ politika tal-UE rilevanti kollha; u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tinvolvi Direttorati Ġenerali differenti fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar taħt it-tmexxija tad-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tiffoka fuq dawn li ġejjin bħala temi ta' prijorità għal strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar:
• approċċi bbażati fuq l-akkomodazzjoni / approċċi ta' Akkomodazzjoni l-Ewwel għall-problema ta' persuni mingħajr dar;
• rabta bejn moviment liberu u l-problema ta' persuni mingħajr dar;
• il-kwalità tas-servizzi għall-persuni mingħajr dar;
• il-prevenzjoni milli dak li jkun jispiċċa mingħajr dar;
• iż-żgħażagħ mingħajr dar;
8. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jikkunsidraw li jintroduċu garanzija li tiżgura li ħadd fl-UE ma jkun kostrett jorqod barra minħabba nuqqas ta' servizzi (ta' emerġenza) adattati għall-ħtiġijiet tiegħu jew tagħha; iqis li tali garanzija tista’ tiġi mmudellata fuq il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, li hija bbażata fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill, u tista’ tuża l-istess struttura ta’ governanza;
9. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Settembru 2011 dwar il-problema ta’ persuni mingħajr dar għall-elementi ewlenin ta’ strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar, u jixtieq jenfasizza l-elementi li ġejjin b’mod partikolari:
• monitoraġġ Ewropew fuq bażi regolari tal-progress tal-Istati Membri dwar il-problema ta' persuni mingħajr dar;
• indikatur tal-UE dwar il-problema ta’ persuni mingħajr dar;
• riċerka u żvilupp tal-għarfien dwar il-politiki u s-servizzi b'rabta mal-problema ta' persuni mingħajr dar, inklużi studji tal-kosteffettività;
• innovazzjoni soċjali fil-politiki u s-servizzi b’rabta mal-problema ta' persuni mingħajr dar, inkluż l-ittestjar u l-implimentazzjoni fuq skala akbar;
• rabta mal-fondi tal-UE, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn;
10. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Presidenza tal-UE jlaqqgħu Mejda Tonda Ewropea fuq bażi regolari tal-Ministri tal-UE responsabbli mill-problema ta' persuni mingħajr dar, kif ingħata bidu mill-Presidenza Irlandiża tal-UE f'Marzu 2013; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ prattiku u finanzjarju għal din il-laqgħa;
11. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji komprensivi dwar il-problema ta' persuni mingħajr dar li jkunu jagħfsu fuq l-akkomodazzjoni u li jkollhom enfasi qawwija fuq il-prevenzjoni filwaqt li jqisu l-gwida pprovduta fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem 'Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni' u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bl-isem ‘Confronting Homelessness in Europe’;
12. Iħeġġeġ lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) tagħmel aktar xogħol dwar l-implikazzjonijiet tal-faqar estrem għall-aċċess għad-drittijiet fundamentali u t-tgawdija tagħhom, filwaqt li wieħed jiftakar li t-twettiq tad-dritt għall-akkomodazzjoni hu kritiku għat-tgawdija ta' firxa sħiħa ta' drittijiet oħrajn, inklużi għadd ta’ drittijiet politiċi u soċjali; jipproponi li l-FRA għandha tiffoka fuq il-kriminalizzazzjoni tal-problema ta’ persuni mingħajr dar bħala ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali u lill-Kunsill tal-Ewropa.