MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar
8.1.2014 - (2013/2994(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Stephen Hughes, Alejandro Cercas, Pervenche Berès f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0008/2014
B7‑0010/2014
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 9, 14, 151, u 153 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 34 dwar is-sigurtà soċajli u l-għajnuna soċjali, u l-Artikolu 36 dwar l-aċċess għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali,
– wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari l-Artikolu 31 tagħha dwar id-dritt għall-akkomodazzjoni,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tal-22 ta' April 2008 tiegħu dwar it-tmiem tal-problema ta' persuni bla djar li jgħixu fit-toroq[1] u tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar l-istrateġija tal-UE għall-persuni bla dar[2],
– wara li kkunsidra r riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2011 dwar strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar[3],
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (2012) bit-titolu “Social Europe – Current challenges and the way forward” ("Ewropa Soċjali – Sfidi attwali u t-triq 'il quddiem"),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu “Confronting Homelessness in the European Union” (L-indirizzar tal-problema tal-persuni mingħajr dar fl-Unjoni Ewropea) (SWD(2013)0042);
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu “Social investment through the European Social Fund” (L-investiment soċjali permezz tal-Fond Soċjali Ewropew) (SWD(2013)0044);
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu "Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropw 2014-2020" (COM(2013)0083),
– wara li kkunsidra d-diskussjoni mejda tonda tal-1 ta’ Marzu 2013 tal-Ministri tal-UE responsabbli mill-problema ta' persuni mingħajr dar, li saret f'Leuven,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2013 dwar l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fuq id-drittijiet tal-bniedem[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni - inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020"[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar l-akkomodazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea[6],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-problema ta’ persuni mingħajr dar tirrappreżenta waħda mill-agħar suriet ta’ esklużjoni soċjali u deprivazzjoni u tirriżulta f’konsegwenzi devastanti għall-persuna nnifisha u għas-soċjetà kollha kemm hi;
B. billi l-probolema ta’ persuni mingħajr dar hija vjolazzjoni tad-dinjità tal-bniedem u tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-akkomodazzjoni hija bżonn uman bażiku u prekundizzjoni għal ħajja diċenti u għall-inklużjoni soċjali;
C. billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika kellha impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni soċjali fl-Ewropea u s-sinjali kollha qed jindikaw li l-problema ta’ persuni mingħajr dar qed tmur għall-agħar; billi dan id-deterjorament huwa jerġa’ aktar agħar fil-pajjiżi li għaddejjin minn programmi ta’ aġġustament ekonomiku;
D. billi, skont ir-Rapport Annwali tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (2012), il-għadd ta’ persuni li jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali fl-UE jgħodd kważi kwart tal-popolazzjoni; billi huwa diffiċli li tinstab dejta eżatta dwar il-problema ta’ persuni mingħajr dar;
E. billi l-livelli attwali tal-faqar u l-esklużjoni soċjali qed jipperikolaw il-mira tal-istrateġija Ewropa 2020 li tnaqqas b’tal-inqas 20 miljun il-għadd ta' persuni li jew jinsabu fil-faqar u l-esklużjoni soċjali jew jinsabu f'riskju li jaqgħu f'dawn is-sitwazzjonijiet;
F. billi l-inizjattiva emblematika l-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali hija element ewlieni fi ħdan l-istrateġija Ewropa 2020;
G. billi l-problema ta’ persuni mingħajr dar hija problema kondiviża madwar l-Istati Membri kollha, u billi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri hija għalhekk essenzjali biex tiġi miġġielda l-problema ta' persuni mingħajr dar;
H. billi l-problema ta' persuni mingħajr dar hija min-natura tagħha stess fenomenu b’diversi aspetti li m’għandhiex soluzzjoni waħda toqgħod għal kulħadd;
I. billi l-għarfien rigward il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ gruppi soċjali differenti jeħtieġ li jitqies, u billi d-dejta u l-istatistika komprensivi rigward il-problema ta' persuni mingħajr dar huma vitali biex il-problema ta' persuni mingħajr dar tiġi ttrattata b’mod determinat b’manjiera effiċjenti;
J. billi l-kriminalizzazzjoni tan-nies mingħajr dar tista’ tiġi osservata f’xi Stati Membri, ħaġa li tikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra l-persuni mingħajr dar u vjolazzjoni tad-drittijiet fundamentali Ewropej;
1. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sa tmiem l-2015, f’kooperazzjoni mal-partijiet interessati ewlenin, strateġija Ewropea dwar il-problema ta' persuni mingħajr dar fuq il-linji tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-14 ta’ Settembru 2011 dwar strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar;
2. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi grupp ta’ ħidma tal-partijiet interessati rilevanti, inklużi rappreżentanti mis-soċjetà ċivili, riċerkaturi, persuni li għaddejjin minn sitwazzjoni fejn jinsabu mingħajr dar, u dawk li jfasslu l-politiki, kif ukoll esperti nazzjonali u reġjonali, biex jappoġġja u jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' tali strateġija;
3. Ifakkar li l-ġlieda biex tintemm il-problema ta’ persuni mingħajr dar hija l-ewwel u qabel kollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO) jiddiskuti u japprova strateġija Ewropea ta’ dan it-tip għall-persuni mingħajr dar;
4. Ifakkar li r-riċerka u l-kooperazzjoni rigward strateġija Ewropea għall-persuni mingħajr dar jistgħu jiġu ffinanzjati permezz tal-Programm Ewropew għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI);
5. Jenfasizza l-ħtieġa li tinġabar dejta komprensiva u komparabbli rigward il-problema ta’ persuni mingħajr dar fil-livell Ewropew mingħajr ma jiġu stigmatizzati l-persuni li jinsabu mingħajr dar; jenfasizza li l-ġbir tad-dejta huwa prekundizzjoni għall-iżvilupp ta’ politiki effiċjenti li jwasslu fl-aħħar mill-aħħar għall-qerda tal-problema ta’ persuni mingħajr dar;
6. Jistieden lill-Istati Membri japprofondixxu l-kooperazzjoni tagħhom bil-għan li jsaħħu t-tagħlim reċiproku u jiskambjar l-aħjar prattiki u jiżviluppa approċċ ta’ politika komuni; jistieden lill-Istati Membri jiltaqgħu fuq bażi regolari f’livell ministerjali biex jiddiskutu l-problema ta’ persuni mingħajr dar;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi lill-persuni mingħajr dar bħala grupp soċjali partikolarment vulnerabbli, li huma esposti għal suriet multipli ta’ diskriminazzjoni u li għandhom id-drittijiet fundamentali tagħhom imxekkla; jenfasizza, f’dan il-kuntest, il-ħtiġijiet partikolari tat-tfal mingħajr dar;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora l-kwistjoni tal-problema ta’ persuni mingħajr dar fl-oqsma ta’ politika kollha rilevanti bil-għan li jitnaqqas ir-riskju u l-kobor tal-problema ta’ persuni mingħajr dar;
9. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja u taġevola lill-Istati Membri fl-istabbiliment ta' strateġiji nazzjonali u reġjonali għall-persuni mingħajr dar bħala element ewlieni biex fl-aħħar mill-aħħar tinqered il-problema ta’ persuni mingħajr dar u tgħin fil-valutazzjoni ta’ dawn l-istrateġiji;
10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill joħolqu “garanzija ta’ kenn tal-UE” bil-għan li jiżguraw li jkun hemm għadd suffiċjenti ta’ postijiet ta’ kenn ta’ emerġenza u faċilitajiet u servizzi oħra disponibbli għall-persuni mingħajr dar fl-Unjoni Ewropea;
11. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tintemm kull sura ta’ kriminalizzazzjoni ta’ persuni mingħajr dar u l-emarġinazzjoni ta’ komunitajiet sħaħ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jagħmlu pressjoni politika fuq l-Istati Membri li jippenalizzaw lill-persuni mingħajr dar;
12. Jistieden lill-Istati Membri jużaw ir-riżorsi tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD), kif ukoll programmi oħra bħalma hu l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), biex itejbu s-sitwazzjoni tal-persuni mingħajr dar u joħolqu triq għall-inklużjono soċjali u l-integrazzjoni fl-impjieg;
13. Jistieden lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) biex tkompli teżamina aktar l-implikazzjonijiet tal-faqar estrem u l-esklużjoni soċjali fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, politiċi u soċjali;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali u lill-Kunsill tal-Ewropa.
- [1] ĠU C 259 E, 29.10.2009, p. 19.
- [2] ĠU C 169 E, 15.6.2012, p. 139.
- [3] ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 101.
- [4] Testi adottati, P7_TA(2013)0179.
- [5] Testi adottati, P7_TA(2013)0266.
- [6] Testi adottati, P7_TA(2013)0246.