Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0011/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0011/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-istrateġija tal-UE dwar il-persuni mingħajr dar

8.1.2014 - (2013/2994(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Raül Romeva i Rueda, Karima Delli, Rui Tavares, Jean Lambert, Elisabeth Schroedter, Nikos Chrysogelos f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0008/2014

Proċedura : 2013/2994(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0011/2014

B7‑0011/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija tal-UE dwar il-persuni mingħajr dar

(2013/2994(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 3 tiegħu,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-verżjoni riveduta tal-Karta Soċjali Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari l-Artikolu 31 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 34 tagħha,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2010 dwar it-tmiem tal-problema ta' persuni bla djar li jgħixu fit-toroq[1],

–   wara li kkunsidra r riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2011 dwar l-istrateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar l-akkomodazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea[3],

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet finali tal-Konferenza Ewropea ta' Kunsens dwar il-persuni mingħajr dar tad-9 u l-10 ta' Diċembru 2010,

–   wara li kkunsidra r-riżultati tal-laqgħa ta' diskussjoni tal-Ministri responsabbli mill-problema ta' persuni mingħajr dar, organizzata mill-Presidenza Irlandiża f'Marzu 2013,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tad-19-il laqgħa informali tal-Ministri Ewropej għall-akkomodazzjoni tad-9 u l-10 ta' Diċembru 2013,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa ta' diskussjoni tal-Ministri tal-UE responsabbli mill-problema ta' persuni mingħajr dar fl-1 ta' Marzu 2013, li jinkludu sitt prinċipji għad-definizzjoni tal-politika tal-UE għall-problema ta' persuni mingħajr dar u appell lill-Kummissjoni biex tappoġġa u tiffaċilita lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jevitaw il-problema ta' persuni mingħajr dar permezz tal-implimentazzjoni tal-Pakkett ta' Investiment Soċjali,

–   wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2012 tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali dwar l-Ewropa soċjali: l-isfidi attwali u t-triq 'il quddiem, li jirrapporta tendenza ġenerali ta' żieda fil-persuni mingħajr dar fil-maġġorparti tal-UE,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali: standards u prattiki fl-Ungerija[4] , li tħeġġeġ lill-Gvern Ungeriż jerfa' r-responsabbiltajiet tiegħu fir-rigward tal-problema ta' persuni mingħajr dar u jġib fi tmiem il-kriminalizzazzjoni ta' persuni mingħajr dar,

–   wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 'Lejn aġenda Ewropea għad-djar soċjali' ta' Ottubru 2011, li tistieden lill-Kummissjoni timplimenta mingħajr dewmien strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar kif propost mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2011,

–   wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar 'Il-problema tal-persuni mingħajr dar' tas-27 ta' Ottubru 2011, fejn jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija ambizzjuża dwar il-kwistjoni tal-persuni mingħajr dar u tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta' strateġiji nazzjonali effettivi,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-problema ta' persuni mingħajr dar għadha qed tolqot lill-persuni fl-Istati Membri kollha u tikkostitwixxi ksur mhux aċċettabbli tad-dinjità tal-bniedem u tad-drittijiet tal-bniedem;

B.  billi l-problema ta' persuni mingħajr dar tirrappreżenta l-aktar forma estrema ta’ faqar u privazzjoni, li pratikament kompliet tikber fl-Istati Membri kollha;

C. billi l-faqar mhuwiex delitt u billi l-problema ta' persuni mingħajr dar la hija delitt u lanqas għażla ta' stil ta' ħajja;

D. billi l-pajjiżi l-aktar milquta mill-kriżi ekonomika u finanzjarja qed jassistu għal żieda bla preċedent fil-problema ta' persuni mingħajr dar, speċjalment żgħażagħ mingħajr dar;

E.  billi l-problema ta' persuni mingħajr dar saret prijorità ċara għall-politika tal-UE dwar il-faqar fil-qafas tal-Istrateġija UE 2020 u l-Pakkett ta' Investiment Soċjali tal-UE;

F.  billi fl-14 ta' Settembru 2011 il-Parlament adotta, b'maġġoranza kbira ħafna, riżoluzzjoni li tappella għal strateġija tal-UE integrata, sostnuta minn strateġiji nazzjonali u reġjonali, bl-għan fuq perjodu ta' żmien twil li tintemm il-problema tal-persuni mingħajr dar;

G. billi matul il-laqgħa ta' diskussjoni tal-Ministri dwar il-problema ta' persuni mingħajr dar li saret f'Leuven fl-1 ta' Marzu 2013, intlaħaq ftehim dwar sitt prinċipji;

 

H. billi bosta korpi tal-UE bħall-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO), il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Parlament appellaw lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija tal-UE dwar il-problema ta' persuni mingħajr dar jew xi ħaġa simili;

I.   billi l-koordinazzjoni politika fil-livell tal-UE fil-qasam tal-problema ta' persuni mingħajr dar, fil-qafas tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni għall-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali u l-istrateġija Ewropa 2020 tat aktar valur lill-isforzi li saru fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali tul id-deċennju li għadda, u billi teżisti ħtieġa u domanda għall-iżvilupp ulterjuri ta' din il-ħidma b'approċċ aktar strateġiku u fuq perjodu ta' żmien itwal;

J.   billi l-problema ta' persuni mingħajr dar hija minn natura tagħha stess problema b'bosta aspetti u teħtieġ rispons politiku b'bosta aspetti;

K. billi aktar evidenza turi li l-approċċi mmexxija mill-akkomodazzjoni huma dawk l-aktar effettivi sabiex tinħoloq inklużjoni sostenibbli;

L.  billi l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-mira ewlenija tagħha li sal-2020 mill-anqas 20 miljun persuna jintrefgħu mir-riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali teħtieġ sforzi mġedda mill-Istati Membri u mill-UE, li għandhom ikunu mmirati wkoll li jnaqqsu l-problema ta' persuni mingħajr dar;

M. billi element ewlieni tal-Istrateġija Ewropa 2020 huwa l-inizjattiva emblematika Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, li tinkludi diversi azzjonijiet relatati mal-problema ta' persuni mingħajr dar li għadhom ma ġewx implimentati;

N. billi l-problema ta' persuni mingħajr dar tikseb enfasi akbar fil-qafas tas-Semestru tal-UE, b'bosta Stati Membri jinkludu l-problema ta' persuni mingħajr dar bħala prijorità kontra l-faqar fi ħdan il-Programmi ta' Riforma Nazzjonali tagħhom għall-2012 u l-2013;

O. billi l-qafas ta' politika attwali tal-UE u r-realità soċjali fost il-pubbliku qed iwittu t-triq lejn azzjoni msaħħa u aktar ambizzjuża dwar il-problema ta' persuni mingħajr dar fil-livell tal-UE;

P.  billi l-Konferenza dwar il-Kunsens Ewropew f'Diċembru 2010 tipprovdi bażi soda għal azzjoni tal-UE aktar ambizzjuża dwar il-problema ta' persuni mingħajr dar;

Q. billi r-responsabbiltà immedjata sabiex tiġi indirizzata l-problema ta' persuni mingħajr dar hija f'idejn l-Istati Membri, b'mod partikolari l-awtoritajiet reġjonali u lokali, u billi strateġija tal-UE għandha rwol kumplimentari xi twettaq;

R.  billi huwa possibbli li jkun hemm rwol aktar b'saħħtu għall-Kummissjoni fi ħdan l-oqsma attwali ta' kompetenza tagħha u b'rispett għall-prinċipju tas-sussidjarjetà;

S.  billi d-DĠ Impjiegi qiegħed fl-aħjar pożizzjoni li jservi ta' gwida dwar il-problema ta' persuni mingħajr dar, iżda bosta DĠs oħra wkoll għandhom jindirizzaw il-problema ta' persuni mingħajr dar fi ħdan l-oqsma ta' responsabbiltà tagħhom;

T.  billi għadd dejjem jiżdied ta' Stati Membri għandhom strateġija olistika għall-problema ta' persuni mingħajr dar u jistgħu jibbenefikaw minn kooperazzjoni Ewropea sabiex jiżviluppaw ulterjorment il-politiki tagħhom;

U. billi f'uħud mill-Istati Membri tal-UE l-awtoritajiet pubbliċi ħadu miżuri biex jippenalizzaw jew jikriminalizzaw il-problema ta' persuni mingħajr dar, miżuri li ma jirrispettawx id-drittijiet fundamentali tal-persuni mingħajr dar u huma ineffettivi u li spiss l-implimentazzjoni tagħhom tiswa ħafna flus;

V. billi l-kriminalizzazzjoni tal-problema ta' persuni mingħajr dar m'għandiex lok f'soċjetà moderna demokratika u toħloq penalizzazzjoni doppja għal persuni foqra u li diġà huma esklużi soċjalment;

1.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa mingħajr dewmien strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar u skont kif stabbilit fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-14 ta' Settembru 2011 dwar l-istrateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar u fi proposti ma' istituzzjonijiet u korpi tal-UE oħrajn;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi grupp ta' esperti ta' livell għoli biex jappoġġa lill-Kummissjoni fit-tħejjija u l-iżvilupp ulterjuri ta' strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar; jenfasizza li dan il-grupp ta' esperti għandu jinkludi rappreżentanti tal-partijiet interessati ewlenin involuti fil-ġlieda kontra l-problema ta' persuni mingħajr dar, inklużi dawk li jfasslu l-politika fuq livell nazzjonali u lokali, ir-riċerkaturi, l-NGOs u l-persuni li qegħdin f'sitwazzjoni fejn m'għandhomx dar;

3.  Iħeġġeġ lill-EPSCO jiddiskuti u japprova strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar abbażi ta' proposta konkreta mill-Kummissjoni;

 

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti kunsiderazzjoni dovuta lir-referenzi għall-problema ta' persuni mingħajr dar fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż relatati mal-Istati Membri, fejn hemm ħtieġa urġenti għal progress dwar il-problema ta' persuni mingħajr dar; jistieden lill-Istati Membri jkomplu jsaħħu l-inklużjoni tal-problema ta' persuni mingħajr dar fil-Programmi għal Riforma Nazzjonali tagħhom;

5.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji komprensivi għall-problema ta' persuni mingħajr dar li jkunu jagħfsu fuq l-akkomodazzjoni u li jkollhom enfasi qawwija fuq il-prevenzjoni filwaqt li jqisu l-gwida pprovduta fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem 'Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-koeżjoni' u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bl-isem ‘Confronting Homelessness in Europe’;

6.  Jiġbed l-attenzjoni lejn ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2011 dwar il-persuni mingħajr dar għall-elementi ewlenin ta' strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar, u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jkunu attivi f'dawn l-elementi li ġejjin:

•   Monitoraġġ Ewropew fuq bażi regolari tal-progress tal-Istati Membri dwar il-problema ta' persuni mingħajr dar

•   Indikatur tal-UE dwar il-problema ta' persuni mingħajr dar ibbażat fuq il-mudell ta' Tipoloġija Ewropea tal-Persuni Mingħajr Dar u l-Esklużjoni minn Akkomodazzjoni (ETHOS) biex ikejjel l-iskala tal-esklużjoni soċjali b'rabta mal-akkomodazzjoni

•   Riċerka u żvilupp tal-għarfien dwar il-politiki u s-servizzi b'rabta mal-problema ta' persuni mingħajr dar, inklużi studji kosteffettivi

•   Innovazzjoni soċjali f'politiki u servizzi dwar il-problema ta' persuni mingħajr dar, inkluż l-ittestjar u implimentazzjoni fuq skala akbar

•   Rabta ma' fondi tal-UE, b'mod partikolari l-FSE, l-FEŻR u l-FEAD;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-programm EaSI (il-Programm Ewropew għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali) bħala s-sors ewlieni ta' finanzjament għal strateġija tal-UE għall-finanzjament ta' riċerka u skambji transnazzjonali, u biex tibni ulterjorment il-kooperazzjoni tagħha ma' sħab Ewropej ewlenin bħall-FEANTSA (il-Federazzjoni Ewropea tal-organizzazzjonijiet nazzjonali li jaħdmu mal-persuni mingħajr dar) u HABITACT (Forum ta' skambju Ewropew dwar strateġiji lokali għall-persuni mingħajr dar);

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-innovazzjoni soċjali tiġi appoġġata kemm mill-pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali kif ukoll mill-Programm Qafas dwar ir-Riċerka sabiex jiġu analizzati politiki ġodda li għandhom l-għan li jtejbu l-aċċess għall-akkomodazzjoni u li jtaffu l-problema ta' persuni mingħajr dar;

 

9.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Presidenza tal-UE jagħmlu Laqgħat ta' Diskussjoni Ewropej fuq bażi regolari tal-Ministri tal-UE responsabbli mill-problema ta' persuni mingħajr dar, kif ingħata bidu mill-Presidenza Irlandiża tal-UE f'Marzu 2013; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ prattiku u finanzjarju għal din il-laqgħa;

10. Jilqa' s-sitt prinċipji li ntlaħaq ftehim dwarhom matul il-Laqgħa ta' Diskussjoni tal-Ministri dwar il-problema ta' persuni mingħajr dar li saret f'Leuven fl-1 ta' Marzu 2013 taħt il-Presidenza Irlandiża;

11. Jistieden lill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali jintegra l-problema ta' persuni mingħajr dar fi ħdan il-ħidma ta' monitoraġġ tiegħu fil-qafas tal-Istrateġija UE 2020 inkluż fil-Monitoraġġ tal-Prestazzjoni tal-Protezzjoni Soċjali abbażi tal-Qafas ta' Valutazzjoni Konġunta, u r-Rapporti Soċjali Nazzjonali;

12. Jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-problema ta' persuni mingħajr dar tul l-oqsma politiċi tal-UE rilevanti kollha u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvolvi lid-Direttorati Ġenerali differenti fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar taħt it-tmexxija tad-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni;

13. Jistieden lill-Kummissjoni tiffoka fuq dan li ġej bħala temi ta' prijorità għal strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar:

•    Approċċi għall-problema ta' persuni mingħajr dar immexxija mill-akkomodazzjoni         jew li jkollhom l-akkomodazzjoni bħala l-ewwel prijorità bħala investiment soċjali

•    Rabta bejn moviment liberu u l-problema ta' persuni mingħajr dar

•    Kwalità tas-servizzi għall-persuni mingħajr dar

•    Il-prevenzjoni milli wieħed jispiċċa mingħajr dar;

•    Iż-żgħażagħ mingħajr dar

14. Jemmen li l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali tagħhom, b'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-kerrejja, għandhom jimplimentaw politiki ta' prevenzjoni effettivi biex iwaqqfu l-iżgumbramenti tal-kerrejja, speċjalment l-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli, u b'mod partikolari matul perjodi fejn jagħmel ħafna bard, fuq il-bażi li, minbarra l-impatt negattiv tal-iżgumbramenti fuq il-bniedem, b'mod partikolari għall-familji, il-ħlas u l-evitar tal-pagamenti u l-arretrati tal-kera huma alternattiva aktar ekonomika għall-awtoritajiet relevanti;

15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jikkunsidraw li jintroduċu garanzija tal-UE li tiżgura li ħadd fl-Unjoni Ewropea ma jkun kostrett jorqod barra minħabba nuqqas ta' servizzi (ta' emerġenza) adattati għall-ħtiġijiet tiegħu/tagħha; jemmen li garanzija ta' din ix-xorta tista' ssegwi l-mudell tal-Granzija għaż-Żgħażagħ u tuża l-istess struttura ta' governanza;

16. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw akkomodazzjoni soċjali u ekonomikament aċċessibbli adattata għall-aktar individwi vulnerabbli bil-ħsieb li tiġi evitata l-esklużjoni soċjali u l-problema ta' persuni mingħajr dar;

17. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jimplimentaw miżuri ta' inċentiv effettivi, fuq il-bażi tal-previżjonijiet tal-bżonnijiet tal-akkomodazzjoni, sabiex jiġi miġġieled il-fenomenu ta' djar li jibqgħu vojta fuq tul ta' żmien, b'mod partikolari f'żoni popolati ħafna, bl-għan li tiġi trattata l-ispekulazzjoni tal-proprjetà u li dawn il-proprjetajiet jiġu konvertiti f'akkomodazzjoni ekonomikament aċċessibbli u soċjali;

18. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tas-self ipotekarju fi Spanja, l-Irlanda u issa fil-Greċja, partikolarment dwar il-mewġa ta' żgumbramenti li se jiġġeneraw numru kbir ta' persuni mingħajr dar; iqis li l-liġi Spanjola aġġornata dwar is-self ipotekarju mhijiex konsistenti mas-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-14 ta' Marzu 2013; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġe lill-Spanja tiggarantixxi traspożizzjoni adegwata tad-Direttiva 93/13/KEE; jappella għal riforma tas-settur bankarju b'tali mod li tilħaq il-ħtiġijiet tas-soċjetà billi tipprojbixxi l-preklużjoni tad-dritt ipotekarju fil-każ ta' ipoteki mhux imħallsa; jirrakkomanda lill-Istati Membri jadottaw politika ta' akkomodazzjoni bi proprjetà newtrali biex jiġu evitati bżieżaq immobiljari;

19. Iħeġġeġ kemm lill-Kummissjoni u kemm lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) jiffukaw aktar fuq l-implikazzjonijiet ta' faqar estrem għall-aċċess u t-tgawdija tad-drittijiet fundamentali, b'kunsiderazzjoni tal-fatt li t-twettiq tad-dritt għall-akkomodazzjoni hu kritiku għat-tgawdija ta' firxa sħiħa ta' drittijiet oħrajn, inklużi d-drittijiet politiċi u soċjali;

20. Jistieden lill-Istati Membri jużaw ir-riżorsi kollha disponibbli sabiex jinqerdu l-agħar forom ta' faqar, inkluża l-problema ta' persuni mingħajr dar; iwissi li t-tnaqqis fil-viżibilità ta' persuni mingħajr dar qed jiggrava s-sitwazzjoni;

21. Jistieden lill-Istati Membri jtemmu immedjatament il-kriminalizzazzjoni ta' persuni mingħajr dar, inklużi fil-Polonja, l-Ungerija u l-Belġju, u jibdlu l-prattiki diskriminatorji użati sabiex jimpedixxu lill-persuni mingħajr dar milli jkollhom aċċess għas-servizzi soċjali u postijiet ta' kenn, partikolarment fl-Ingilterra u l-Pajjiżi l-Baxxi;

22. Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib dan il-proċess u tippubblika fejn neċessarju rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż biex tiżgura li d-dinjità umana tiġi rispettata madwar l-UE;

23. Jistieden lill-Istati Membri jieqfu jiksru t-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u jirrispettaw bis-sħiħ kull ftehim li ffirmaw, inkluża l-Karta tad-Drittijiet Funadmentali, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tan-NU u l-verżjoni riveduta tal-Karta Soċjali tal-Kunsill tal-Ewropa;

24. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-politiki u r-rakkomandazzjonijiet ta' politika tagħha ma jwasslux għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

25. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu l-iskambji tal-aħjar prattika f'dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni effettiva tad-dritt għal akkomodazzjoni;

26. Iqis li l-Istrateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar għandha tirrispetta bis-sħiħ it-Trattat (TFUE) li jistipula "r-rwol essenzjali u d-diskrezzjoni wiesgħa tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li jipprovdu, jikkummissjonaw u jorganizzaw servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li jkunu qrib kemm jista' jkun tal-ħtiġiet tal-utenti"; iqis li r-responsabbiltà għall-ġlieda kontra l-problema ta' persuni mingħajr dar hija tal-Istati Membri u li għaldaqstant strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar għandha tappoġġa lill-Istati Membri sabiex jieħdu fuqhom din ir-responsabbiltà b'mod l-aktar effettiv possibbli filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali u lill-Kunsill tal-Ewropa.