Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0012/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0012/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-istrateġija tal-UE dwar il-persuni mingħajr dar

8.1.2014 - (2013/2994(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Inês Cristina Zuber, Willy Meyer, Paul Murphy, Jacky Hénin, Martina Anderson, Marie-Christine Vergiat, Younous Omarjee, Kyriacos Triantaphyllides, Nikolaos Chountis f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2013/2994(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0012/2014
Testi mressqa :
B7-0012/2014
Testi adottati :

B7‑0012/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija tal-UE dwar il-persuni mingħajr dar

(2013/2994(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 34 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-verżjoni riveduta tal-Karta Soċjali Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari l-Artikolu 31 tagħha,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2011 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Persuni Mingħajr Dar[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar l-akkomodazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea[2],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-aċċess għall-akkomodazzjoni huwa dritt fundamentali u prekundizzjoni għall-eżerċizzju u l-ilħiq taċ-ċittadinanza f'kundizzjonijiet ta' dinjità sħiħa; u billi l-garanzija tal-aċċess għal akkomodazzjoni deċenti u adegwata hija obbligu internazzjonali tal-Istati Membri, li l-Unjoni jeħtiġilha tirrispettah, ladarba d-dritt għal aċċess għall-akkomodazzjoni u għal assistenza tal-akkomodazzjoni huwa minqux fil-kostituzzjonijiet ta' bosta Stati Membri u huwa rikonoxxut fl-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fl-Artikoli 30 u 31 tal-Karta Soċjali Ewropea riveduta adottata mill-Kunsill tal-Ewropa u fl-Artikolu 25 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

B.  billi l-miżuri neoliberali ta' awsterità, li ġew imsaħħa mill-Memorandum ta' Qbil tal-hekk imsejħa Troika, notevolment bħala parti mill-hekk imsejħa Pjanijiet ta' Riforma Nazzjonali, il-Governanza Ekonomika u s-Semestru Ewropew, u li sejrin ikomplu jiġu aggravati mill-Patt Fiskali, qegħdin jikkontribwixxu biex il-kriżi ekonomika u soċjali f'għadd ta' pajjiżi b'ekonomiji aktar fraġli tkompli teħżien, b'tali mod li jimponu għawġ soċjali li jinfirex fuq iċ-ċiviltà kollha;

C. billi dawn il-politiki qed iwasslu għal tnaqqis tal-pagi tal-ħaddiema, tad-domanda nazzjonali u tal-introjtu mit-taxxi, kif ukoll għaż-żarmar tas-sistemi ta' ħarsien soċjali u tbaxxija drastika tal-investiment pubbliku; billi, minħabba f'hekk, il-ħajja qed issir dejjem aktar u aktar diffiċli għall-familji tal-klassi tal-ħaddiema, u b'mod partikolari għan-nisa, it-tfal u l-immigranti minn dawk is-safef soċjali, li huma l-vittmi prinċipali tar-rankatura li ħadu l-faqar, il-qgħad u x-xogħol prekarju u bi ħlas baxx;

D. billi fl-UE aktar minn 26 miljun ruħ huma qiegħda, 19 % tat-tfal huma mhedda bil-faqar, 8 % tan-nies iġarrbu ċaħdiet materjali serji, 24.2 % tal-popolazzjoni jinsabu fir-riskju tal-faqar, il-fqar li għandhom impjieg jirrapreżentaw terz tal-adulti ta' età tax-xogħol li jinsabu fir-riskju tal-faqar, u kull lejl ikun hemm 410 000 ruħ bla saqaf fuq rashom;

E.  billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja li qed teħżien u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' awsterità, bil-pagi neżlin u l-qgħad jogħla, flimkien ma' kirjiet għoljin u l-pagamenti tas-self fuq id-djar li qed jogħlew, qed iwasslu għal żieda fin-numru ta' żgumbramenti u sekwestri ta' proprjetà mill-banek, b'mod partikolari f'pajjiżi bħal Spanja, fejn seħħew aktar minn 400 000 żgumbrament ta' djar mill-2008 'l hawn; billi l-assenza ta' datio in solutum trawwem l-esklużjoni soċjali u finanzjarja, li hija ostakolu maġġuri biex dak li jkun jirnexxielu jsib akkomodazzjoni oħra;

F.  billi l-ispekulazzjoni massiċċa fis-settur tal-akkomodazzjoni wasslet biex il-profitti tal-banek u tal-ispekulaturi tal-proprjetà immobbli sparaw 'il fuq u biex intefħet bużżieqa enormi f'dan is-settur; billi, meta dik il-bużżieqa sussegwentement infaqgħet, miljuni ta' persuni fl-Ewropa sabu ruħhom b'ekwità negattiva u fir-riskju li jitilfu djarhom, bir-riżultat li seħħew għexieren ta' eluf ta' żgumbramenti furzati;

G. billi l-profili soċjali u familjari tal-persuni li jużaw l-akkomodazzjoni soċjali nbidlu, u issa hemm domanda akbar għal akkomodazzjoni ta' dan it-tip;

H. billi, fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, hemm nuqqas ta' faċilitajiet tal-akkomodazzjoni soċjali, flimkien ma' ħtieġa li qed tikber għal akkomodazzjoni li tkun għall-but tan-nies;

1.  Iqis li jeħtiġilna b'urġenza nidentifikaw dawn ir-realtajiet soċjali l-ġodda, biex inkunu nistgħu infasslu strateġiji xierqa tal-akkomodazzjoni li jikkorrispondu għar-realtà f'kull Stat Membru;

2.  Jirrimarka li l-implimentazzjoni tad-dritt għall-akkomodazzjoni taffettwa dik ta' drittijiet fundamentali oħra, inklużi drittijiet politiċi u soċjali; huwa tal-fehma li d-dritt għall-akkomodazzjoni għandu jiġi implimentat permezz ta' garanzija li ċ-ċittadini u l-familji jkollhom akkomodazzjoni adegwata li tissodisfa ħtiġijiethom u tissalvagwardjalhom il-benessri, il-privatezza u l-kwalità tal-ħajja tagħhom, b'tali mod li tgħin biex jintlaħqu l-ġustizzja soċjali u l-koeżjoni u jiġu trattati l-esklużjoni soċjali u l-faqar;

3.  Jitlob li tiġi żviluppata strateġija ambizzjuża u integrata, abbażi ta' sostenn baġitarju msaħħaħ u ta' aktar riżorsi għall-istrateġiji nazzjonali, bil-għan li l-fenomenu ta' persuni mingħajr dar jintemm mill-aktar fis possibbli, fi ħdan il-qafas usa' tal-inklużjoni soċjali;

4.  Jenfasizza li din l-istrateġija tħalli l-frott biss jekk tkun integrata fi pjan komprensiv ta' ġlieda kontra l-faqar u l-qgħad, promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u tmiem tat-tnawwir tad-drittijiet, l-istandards u l-pagi tax-xogħol, flimkien ma' pjanifikazzjoni tal-ispazji u politika tal-akkomodazzjoni maħsuba biex jaqdu l-ħtiġijiet tan-nies u jirrispettaw drittijiethom, u mhux biex jaqdu l-interessi finanzjarji jew spekulattivi;

5.  Iqis li l-UE għandha tappoġġja lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji tranżizzjonali tagħhom għall-persuni mingħajr dar, jiġifieri permezz ta':

•    l-adozzjoni ta' liġijiet kontra l-ispekulazzjoni billi jikkontrollaw il-prezz tal-akkomodazzjoni;

•    il-ħolqien ta' netwerk ta' postijiet ta' kenn deċenti u adegwati fiż-żoni urbani;

•    l-iżgurar tal-karattru universali u bla ħlas ta' dawn il-postijiet ta' kenn permezz ta' leġiżlazzjoni ta' qafas;

•    il-garanzija ta' monitoraġġ regolari tal-popolazzjoni ta' kull post ta' kenn minn skwadri multidixxiplinarji, inkluż persunal mediku, u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' inklużjoni soċjali għal individwi b'diżabilità li ma żżommhomx milli jgħixu ħajja attiva;

•    il-ħolqien ta' "pjanijiet ta' akkomodazzjoni immedjata", ibbażati fuq l-użu tal-istokk tal-akkomodazzjoni fl-Istati Membri (fejn hemm tali stokk) jew inkella fuq l-irkupru ta' binjiet li ma jintużawx jew li jkunu battala, biex b'hekk jiżguraw li jkun hemm akkomodazzjoni disponibbli għall-persuni kollha mingħajr dar;

•    il-ħolqien ta' skwadri multidixxiplinarji li jissorveljaw lil dawk kollha li jieħdu sehem f'dawn il-pjanijiet, u jintervjenu fil-każ ta' problemi ta' tipi differenti (dipendenza fiżika, mard mentali u fiżiku, diffikultajiet tad-dħul fil-post tax-xogħol, eċċ.) li jaffettwaw lil din il-popolazzjoni;

•    l-adozzjoni ta' miżuri bħalma huma regoli għall-introduzzjoni ta' datio in solutum (fejn ma jeżistix) jew li jiddikjaraw stat ta' emerġenza fis-settur tal-akkomodazzjoni meta dan ikun meħtieġ biex jiggarantixxi d-dritt għall-akkomodazzjoni;

•    l-introduzzjoni ta' moratorju immedjat fuq l-iżgumbramenti tad-djar u l-adozzjoni ta' liġijiet li jipprojbixxu l-iżgumbrament ta' sidien tad-djar li, minħabba l-kriżi ekonomika, ma jkunux jistgħu jżommu mal-iskeda tal-pagamenti tas-self għal darhom;

•    l-introduzzjoni ta' programm ta' xogħlijiet pubbliċi għall-bini ta' faċilitajiet ġodda u deċenti tal-akkomodazzjoi soċjali għal kulħadd;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.