Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0015/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0015/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar iċ-ċittadinanza tal-UE għall-bejgħ

13.1.2014 - (2013/2995(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Jean Lambert, Judith Sargentini, Raül Romeva i Rueda, Ulrike Lunacek f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0015/2014

Proċedura : 2013/2995(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0015/2014
Testi mressqa :
B7-0015/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0015/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar iċ-ċittadinanza tal-UE għall-bejgħ

(2013/2995(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 20(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Marzu 2010 fil-Kawża C-135/08 Janko Rottman vs Freistaat Bayern,

–   wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali O-000145/2013 lill-Kummissjoni u l-Mistoqsija Orali O-000144/2013 lill-Kunsill, imressqa mill-Grupp Verts/ALE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi ċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija maħsuba li tkun l-istatus fundamentali ta' nazzjonali tal-Istati Membri u għandha tkun meqjusa bħala valur miżjud tal-UE li m'għandhiex tiddependi fuq l-istatus ekonomiku;

B.  billi l-moviment liberu fl-UE huwa marbut mill-qrib maċ-ċittadinanza tal-Unjoni;

C. billi diversi drittijiet huma marbuta mill-qrib maċ-ċittadinanza tal-Unjoni, inklużi l-moviment liberu u d-dritt li wieħed jikkontesta l-elezzjonijiet u jivvota u fl-elezzjonijiet lokali u Ewropej, u dawn id-drittijiet għandhom jibqgħu jitgawdew u jingħataw importanza miċ-ċittadini kollha tal-Unjoni;

1.  Jinnota li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija status importanti mogħti lin-nazzjonali kollha tal-Istati Membri u hija marbuta mad-drittijiet sostantivi;

2.  Jinnota li l-libertà ta' moviment fl-UE hija marbuta mill-qrib maċ-ċittadinanza tal-Unjoni, għalkemm mhux b'mod esklużiv;

3.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jqisu kif dovut id-dritt tal-Unjoni Ewropea meta jeżerċitaw is-setgħat tagħhom fil-qasam taċ-ċittadinanza;

4.  Jiddispjaċih ħafna rigward il-prattika f'xi Stati Membri li tingħata ċ-ċittadinanza nazzjonali inkambju għal investimenti f'dak l-Istat Membru; jinnota li l-programmi ta' ċittadinanza għall-investiment mhumiex l-uniku eżempju ta' ċittadinanza li tinbiegħ, peress li ħafna Stati Membri joffru aċċess privileġġat għaċ-ċittadinanza tal-UE lil popolazzjonijiet kbar barra t-territorju tal-UE fuq il-bażi ta' antenati mbiegħda jew identità koetnika;

5.  Iqis bħala inġust il-prinċipju tal-għoti taċ-ċittadinanza abbażi ta' kapaċità finanzjarja fid-dawl tal-għadd kbir ta' migranti li jmorru jaħdmu fl-Istati Membri għal snin twal mingħajr lanqas biss jingħataw l-opportunità li japplikaw għaċ-ċittadinanza;

6.  Iqis li l-għoti ta' ċittadinanza nazzjonali abbażi ta' kapaċità finanzjarja jista' jdgħajjef l-ispirtu ta' fiduċja reċiproka fil-kwistjonijiet ta' ċittadinanza u jista' jkollu konsegwenzi kbar għall-moviment liberu, għad-drittijiet tal-vot u għall-programmi għall-eżenzjoni mill-viża li huma ta' benefiċċju għaċ-ċittadini kollha tal-UE;

7.  Jemmen f'politiki miftuħa dwar il-migrazzjoni irrispettivament min-nazzjonalità, il-proprjetà jew l-introjtu, u jqis li l-opportunità li wieħed japplika għal permess ta' residenza u ċittadinanza għandha tkun miftuħa għal kulħadd għal kull min għandu rabta ġenwina mal-Unjoni;

8.  Jitlob li jsir dibattitu usa' dwar il-prinċipji kondiviżi li għandhom jiggwidaw il-politiki tal-Istati Membri fi kwistjonijiet ta' ċittadinanza;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri.