MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-rispett tad-dritt fundamentali tal-moviment liberu fl-UE
13.1.2014 - (2013/2960(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Rebecca Harms, Daniel Cohn-Bendit, Jean Lambert, Elisabeth Schroedter, Judith Sargentini, Franziska Keller, Marije Cornelissen, Hélène Flautre, Malika Benarab-Attou f'isem il-GruppVerts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0016/2014
B7‑0025/2014
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rispett tad-dritt fundamentali tal-moviment liberu fl-UE
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni[1],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri[2],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali[3], u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali[4],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kumissarju László Andor tal-1 ta’ Jannar 2014 dwar it-tmiem tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu ta’ ħaddiema mill-Bulgarija u r-Rumanija,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Novembru 2013 dwar ir-rispett tal-moviment liberu tal-persuni,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Jannar 2014 dwar ir-rispett tad-dritt fundamentali tal-moviment liberu fl-UE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni huwa dritt fundamentali għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, imħaddan fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
B. billi l-moviment liberu qiegħed fil-qalba tal-valuri tal-UE, u jagħti liċ-ċittadini tagħha l-possibbiltà li jagħżlu fejn jgħixu u jaħdmu u joħloq mobilità u żvilupp fis-suq tax-xogħol, fis-sistema edukattiva u lil hinn;
C. billi l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom jiffaċilita l-mobilità, iżda ma jagħtix drittijiet lil hinn mid-dritt li toqgħod u tgħix sa massimu ta’ tliet xhur fi Stat Membru ieħor;
D. billi l-moviment liberu tal-ħaddiema jġib miegħu kemm drittijiet kif ukoll obbligi, u ma jistax jitqies bħala illimitat;
E. billi l-moviment liberu fi ħdan l-UE ta’ persuni li jfittxu opportunitajiet u ħajja ġdida huwa parzjalment dovut għall-faqar f’xi nħawi tal-Unjoni;
F. billi l-faqar jista’ jkun raġuni biex persuni jħallu pajjiżhom u jfittxu opportunitajiet fi ħdan l-UE; billi l-Istati Membri għandhom jiffukaw fuq it-tnaqqis tal-faqar madwar l-UE; billi l-faqar fih innifsu qatt ma jista’ jiġġustifika ripartijazzjoni jew ritorn sfurzat minn Stat Membru għal ieħor;
G. billi t-tnaqqis tal-faqar huwa objettiv speċifiku tal-Fond Soċjali Ewropew u tal-istrateġija Ewropa 2020, u billi hija responsabbiltà tal-Istati Membri li jużaw il-fondi relatati f’dan is-sens;
H. billi l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u trattament ugwali fis-suq tax-xogħol jikkostitwixxi valur fundamentali li għandu jiġi rispettat bis-sħiħ;
I. billi l-Istati Membri kellhom żmien biżżejjed biex jaġġustaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom għall-moviment liberu tal-ħaddiema fl-UE, speċjalment dawk li għamlu użu mill-perjodu ta’ tranżizzjoni;
1. Jiddikjara li l-prinċipju ta’ moviment liberu huwa dritt fundamentali għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, u li ma jistgħu jiġu aċċettati ebda derogi mil-leġiżlazzjoni tal-UE fir-rigward ta’ dan id-dritt fundamentali;
2. Iqis bħala deplorevoli l-enfasi negattiva ħafna u mhux ġustifikata fuq l-hekk imsejħa piżijiet li jinbtu mill-moviment liberu magħmula minn diversi mexxejja Ewropej fil-jiem ta’ qabel skada l-perjodu ta’ tranżizzjoni għall-Bulgarija u r-Rumanija;
3. Jikkontesta bil-qawwa l-pożizzjoni meħuda mill-istess mexxejja Ewropej li jitolbu bidliet u restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu taċ-ċittadini; jenfasizza li t-tnaqqis tad-drittijiet ta’ grupp wieħed ta’ ċittadini jeskludi u jiddistingwi lil dak il-grupp, huwa perċepit bħala trattament inġust mill-UE, fih ir-riskju li jesponi lil dawk il-gruppi għal attakki minn gruppi ksenofobiċi, u għandu implikazzjonijiet usa’ għaż-żieda fir-razziżmu u l-ksenofobija fl-Istati Membri kollha;
4. Iqis żbaljata l-pożizzjoni meħuda minn ċerti partiti politiċi li l-migrazzjoni hija piż fuq is-sistemi nazzjonali ta’ protezzjoni soċjali u li l-hekk imsejjaħ ‘turiżmu għall-benefiċċji soċjali’ huwa theddida għas-sistemi soċjali tal-Istati Membri; jenfasizza li l-ebda wieħed mill-Istati Membri li qed jallegaw dan il-piż ma ppreżenta prova lill-Kummissjoni kif mitlub;
5. Jirrimarka li d-Direttiva 2004/38/KE diġà tipprevedi restrizzjoni li permezz tagħha l-persuni jridu jagħtu prova li għandhom biżżejjed riżorsi biex ma jsirux ta’ piż fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti;
6. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-liġi tax-xogħol tkun applikata rigorożament sabiex ikun garantit it-trattament ugwali tal-ħaddiema kollha li ġejjin mill-UE; jenfasizza li l-Istati Membri jeħtieġ jagħmlu kull sforz biex itemmu l-isfruttament ta’ ħaddiema vulnerabbli, u li dan ikun ta’ sostenn għall-kompetizzjoni ġusta bejn l-impriżi kif ukoll għal swieq tax-xogħol ġusti;
7. Jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ ftit hekk imsejħa ‘hotspots’, li raw il-wasla ta’ gruppi ta’ nies foqra ħafna minn Stati Membri oħrajn, u li dan joħloq tensjonijiet għall-ibliet inkwistjoni; jinnota li għadd ta’ awtoritajiet lokali u komunitajiet ħadmu b’mod kostruttiv biex isibu soluzzjonijiet għal dawn il-problemi;
8. Iqis, madankollu, li tali tensjonijiet jistgħu u għandhom jiġu indirizzati kemm permezz ta’ għajnuna lill-individwi konċernati kif ukoll permezz ta’ appoġġ lir-reġjuni inkwistjoni, pereżempju permezz tal-Fond Soċjali Ewropew;
9. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu pożizzjoni soda favur id-dritt tal-ħaddiema għall-moviment liberu bħala dritt fundamentali li għandu jkun ibbażat fuq drittijiet deċenti soċjali u tax-xogħol u l-infurzar qawwi tal-liġijiet tax-xogħol;
10. Jenfasizza li fejn ċittadini tal-UE jaħdmu jew jgħixu maġenb xulxin, id-drittijiet u l-obbligi tagħhom m’għandhomx jiddependu fuq iċ-ċittadinanza tagħhom;
11. Jistieden lill-Istati Membri jużaw kull mezz possibbli biex jiġġieldu l-migrazzjoni motivata mill-faqar fi ħdan l-UE, mingħajr ma jxekklu l-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni u tal-membri tal-familja tagħhom;
12. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li ħaddiema barranin li ġejjin mill-UE u l-ħaddiema li huma ċittadini tal-pajjiż ikunu ttrattati bl-istess mod;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.