MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar iċ-ċittadinanza tal-UE għall-bejgħ
13.1.2014 - (2013/2995(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Jan Mulder, Renate Weber, Graham Watson f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0015/2014
B7‑0017/2014
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar iċ-ċittadinanza tal-UE għall-bejgħ
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 4 u 8 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi kull Stat Membru huwa mistenni jaġixxi b'mod responsabbli biex jinżammu l-kisbiet u l-valuri komuni tal-Unjoni, u billi dawn il-valuri u l-kisbiet huma ta' valur kbir immens u ma jistax ikollhom prezz marbut magħhom;
B. billi għadd ta' Stati Membri introduċew skemi li, b'mod dirett jew indirett, jirriżultaw fil-bejgħ taċ-ċittadinanza tal-UE lil nazzjonali ta' pajjiżi terzi;
C. billi għadd jiżdied ta' Stati Membri qed joħorġu permessi ta' residenza temporanji lil nazzjonali ta' pajjiżi terzi li jagħmlu investimenti fl-Istati Membri involuti;
D. billi f'xi Stati Membri tista' tinkiseb residenza permanenti b'aċċess għaż-Żona Schengen kollha kemm hi; billi f'ċerti Stati Membri qed jittieħdu passi li jistgħu jwasslu għall-bejgħ effettiv taċ-ċittadinanza ta' dak l-Istat Membru;
E. billi l-Gvern Malti, b'mod partikolari, reċentement ħa passi sabiex jintroduċi skema għall-bejgħ espliċitu taċ-ċittadinanza Maltija, li awtomatikament tinkludi l-bejgħ espliċitu taċ-ċittadinanza tal-UE kollha kemm hi mingħajr ebda rekwiżit ta' residenza;
F. billi tali bejgħ espliċitu taċ-ċittadinanza tal-UE jdgħajjef il-fiduċja reċiproka li fuqha hija msejsa l-Unjoni;
G. billi ċ-ċittadini tal-UE, b'mod partikolari, għandhom id-dritt jiċċaqilqu u jgħixu liberament fl-UE, speċjalment fiż-Żona Schengen, li jikkontestaw l-elezzjonijiet u jivvutaw fl-elezzjonijiet muniċipali u tal-Parlament Ewropew, irrispettivament minn fejn jgħixu fl-UE, taħt l-istess kundizzjonijiet bħan-nazzjonali, u li jkunu assistiti minn ambaxxata jew konsulat ta’ pajjiż ieħor tal-UE barra l-UE, bl-istess kundizzjonijiet bħal ċittadin ta’ dak il-pajjiż, jekk il-pajjiż tagħhom ma jkunx rappreżentat;
H. billi l-UE hija bbażata fuq fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, mibnija fuq snin ta' ħidma gradwali u rieda tajba min-naħa tal-Istati Membri, kif ukoll min-naħa tal-Unjoni kollha kemm hi;
I. billi ġew espressi wkoll preokkupazzjonijiet dwar il-kwalità tal-proċess ta' stħarriġ bir-reqqa;
J. billi ġew espressi wkoll preokkupazzjonijiet rigward diskriminazzjoni possibbli, peress li ċ-ċittadinanza Maltija se jkunu jistgħu jixtruha biss in-nazzjonali l-aktar sinjuri ta' pajjiżi terzi;
K. billi mhuwiex ċar jekk iċ-ċittadini Maltin humiex tassew se jibbenefikaw minn din il-politika l-ġdida, pereżempju permezz tal-ġbir ta' taxxi, billi l-investituri barranin mhux se jkunu obbligati jħallsu taxxi; ifakkar li ċ-ċittadinanza ma tfissirx biss drittijiet, iżda tfisser ukoll responsabbiltajiet;
L. billi ċ-ċittadinanza tal-UE hija waħda mill-akbar kisbiet tal-UE;
1. Huwa preokkupat li dan il-mod ġdid kif tinkiseb iċ-ċittadinanza f'Malta jdgħajjef il-kunċett innifsu ta' ċittadinanza Ewropea;
2. Jistieden lill-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati, tiddikjara b'mod ċar jekk din l-iskema tirrispettax l-ittra u l-ispirtu tat-Trattati u tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, kif ukoll ir-regoli tal-UE dwar in-nondiskriminazzjoni;
3. Itenni li l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jħaddan fih il-prinċipju ta' "koperazzjoni leali" bejn l-Unjoni u l-Istati Membri li, f'rispett reċiproku sħiħ, għandhom jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joriġinaw mit-Trattati;
4. Jistieden lill-Istati Membri kollha jirrikonoxxu u jirrispettaw ir-responsabbiltajiet li għandhom fil-ħarsien tal-valuri u l-objettivi tal-Unjoni;
5. Jirrikonoxxi l-fatt li kwistjonijiet ta' residenza u ċittadinanza huma l-kompetenza tal-Istati Membri, iżda jistieden lill-Istati Membri joqogħdu attenti meta jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f'dan il-qasam; jesprimi preokkupazzjoni dwar l-iskemi ta' ċittadinanza li ġew stabbiliti minn diversi Stati Membri, b'mod partikolari dik stabbilita reċentement minn Malta li tagħti ċ-ċittadinanza tal-UE inkambju għal ħlas;
6. Jinnota li ċ-ċittadinanza tal-UE timplika li wieħed ikollu sehem fl-Unjoni u tiddependi mir-rabtiet ta' persuna mal-Ewropa u l-Istati Membri tagħha jew minn rabtiet personali ma' ċittadini tal-UE; ifakkar li ċ-ċittadinanza tal-UE m'għandha qatt issir komodità negozjabbli;
7. Jissottolinja l-fatt li d-drittijiet mogħtija permezz taċ-ċittadinanza tal-UE huma bbażati fuq id-dinjità tal-bniedem u m'għandhom jinxtraw jew jinbiegħu għall-ebda prezz;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta d-diversi skemi kollha ta' ċittadinanza fid-dawl tal-valuri Ewropej u l-ittra u l-ispirtu tal-leġiżlazzjoni u l-prattika tal-UE, u toħroġ rakkomandazzjonijiet sabiex tevita li dawn l-iskemi jdgħajfu l-fiduċja li fuqha ssejset l-UE;
9. Jenfasizza li l-aċċess għall-fondi m'għandux ikun il-kriterju ewlieni fl-għoti taċ-ċittadinanza tal-UE lil nazzjonali ta' pajjiżi terzi; jistieden lill-Istati Membri jqisu l-preokkupazzjonijiet marbuta mal-frodi bħall-ħasil tal-flus;
10. Jistieden lil Malta tbiddel l-iskema ta' ċittadinanza attwali tagħha biex tkun konformi mal-ispirtu tal-valuri tal-UE jew li twarrabha għalkollox;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri.