Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0018/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0018/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel

13.1.2014 - (2014/2512(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Louis Michel, Niccolò Rinaldi, Graham Watson, Jelko Kacin, Liam Aylward, Marielle de Sarnez, Marietje Schaake, Sarah Ludford, Kristiina Ojuland, Hannu Takkula, Johannes Cornelis van Baalen, Robert Rochefort f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0018/2014

Proċedura : 2014/2512(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0018/2014
Testi mressqa :
B7-0018/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0019/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel

(2014/2512(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan u s-Sudan t'Isfel[1],

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija 2000/483/KE bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq l-oħra, iffirmat f'Cotonou (il-Benin) fit-23 ta' Ġunju 2000 u suċċessivament rivedut fl-2005 u fl-2010,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Globali ta' Paċi tal-2005,

–   wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Addis tas-27 ta' Settembru 2012,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet ta' Catherine Ashton, Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tal-24 ta' Diċembru 2013 u tat-2 ta' Jannar 2014 dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-16 ta' Diċembru u tat-28 ta' Diċembru 2013 tal-kelliem tar-Rappreżentant Għoli dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE tat-20 ta' Diċembru 2013 dwar il-kunflitt attwali fis-Sudan t'Isfel,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-17, tal-20 u tat-30 ta' Diċembru2013 dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nru 2132 (2013) tal-24 ta' Diċembru 2013 dwar is-Sudan t'Isfel,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-4 ta' Jannar 2014 mill-President tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, Nkosazana Dlamini Zuma, dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Gvern tas-Sudan t'Isfel sab diffikultajiet biex jistabbilixxi stat li jiffunzjona minn mindu ġiet iddikjarata l-indipendenza mis-Sudan fid-9 ta' Lulju 2011; billi wara li feġġew xnigħat dwar kolp ta' stat ippjanat f'Juba tard fl-2012, il-President tas-Sudan t'Isfel Salva Kiir ħareġ serje ta' digrieti li jintroduċu bidliet kbar għat-tmexxija għolja tal-gvern u tal-forza militari tas-Sudan t'Isfel, u għall-partit tiegħu, mingħajr kunsens wiesa';

B.  billi fit-23 ta' Lulju 2013, il-President Kiir, li jappartjeni għat-tribù tad-Dinka, xolja l-kabinett kollu u neħħa mill-kariga tiegħu lill-Viċi President Riek Machar, li huwa ta' etniċità Nuer; billi f'Novembru 2013, il-President Kiir xolja l-korpi kollha ta' livell għoli tal-Armata tal-Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan (SPLA), inklużi l-Kunsill Politiku, il-Konvenzjoni Nazzjonali u Kunsill għal-Liberazzjoni Nazzjonali;

C. billi fl-14 ta' Diċembru 2013, membri għolja tal-Kunsill Politiku tal-SPLA, inkluż id-deputat mexxej tal-partit Riek Machar, irtiraw minn laqgħa tal-Kunsill għal-Liberazzjoni Nazzjonali minħabba "nuqqas ta' spirtu ta' djalogu";

D. billi fil-15 ta' Diċembru 2013, seħħ ġlied militari bejn gwardji presidenzjali fil-kwartieri militari f'Juba, il-belt kapitali tas-Sudan t'Isfel, u l-President Kiir akkuża lil Riek Machar b'tentattiv biex jaħtaf il-poter;

E.  billi fis-16 ta' Diċembru 2013 il-ġlied beda jinfirex lil hinn minn Juba għar-reġjun madwar Jonglei;

F.  billi, minn Settembru 2011, jiġifieri qabel id-deterjorament tas-sitwazzjoni f'nofs Diċembru 2013, il-forzi tal-gvern tas-Sudan tefgħu l-bombi madwar l-Istat tal-Blue Nile State mingħajr distinzjoni u xerrdu biża' palpabbli fost iċ-ċittadini li jgħixu fl-inħawi;

G. billi fid-19 ta' Diċembru 2013, milizja ta' Nuer immexxija minn Peter Gadet, li qabel ma ddiżerta kien kmandant tat-tmien diviżjoni, iddikjarat kontroll fuq Bor, il-belt kapitali tal-Istat ta' Jonglei; billi fl-aħħar ta' Diċembru 2013 u fil-bidu ta' Jannar 2014 il-belt ta' Bor inħakmet għal darba tnejn minn rappreżentanti kemm tal-armata u kemm tar-ribelli, u billi l-armata ilha tiġġieled mill-4 ta' Jannar biex tirbaħ il-belt lura;

H. billi fil-21 ta' Diċembru 2013, il-gvern ikkonferma li kien tilef il-kontroll ta' Bentiu, il-belt kapitali tal-Istat ta' Unity, importanti għall-produzzjoni taż-żejt, li issa waqgħet f'idejn James Koang, kmandant Nuer leali lejn Machar, għalkemm Machar ċaħad dan; billi fost it-tfaqqigħ ta' vjolenza skont linji etniċi fis-Sudan t'Isfel, l-investigaturi tan-NU skoprew qabar tal-massa f'Bentiu, belt li tinsab f'idejn ir-ribelli, u, skont il-Ministru għall-Informazzjoni tal-Gvern, Michael Makuei Lueth, ir-ribelli jistgħu jinżammu responsabbli għall-qtil;

I.   billi l-kunflitt infirex fiż-żoni taż-żejt u, fl-aħħar ta' Diċembru 2013, ħamsa mill-għaxar Stati fis-Sudan t'Isfel kienu rrappurtaw ġlied, inklużi Jonglei, Unity, Upper Nile u Central Equatoria, u ġiet irrappurtata wkoll vjolenza mmirata lejn il-gruppi etniċi fil-pajjiż kollu; billi fit-2 ta' Jannar 2014, il-President Salva Kiir iddikjara stat ta' emerġenza f'Unity u f'Jonglei, iż-żewġ Stati li l-bliet kapitali tagħhom huma fil-kontroll ta' ribelli leali lejn Machar;

J.   billi fl-24 ta' Diċembru 2013, ir-ribelli daħlu fil-belt ta' Malakal, il-belt kapitali tal-Istat ta' Upper Nile, li kienet tforni ż-żejt mhux maħdum tas-Sudan t'Isfel kollu, u billi fis-27 ta' Diċembru l-armata qalet li ħadet lura kontroll sħiħ fuq il-belt;

K. billi fit-30 ta' Diċembru 2013, it-truppi tal-gvern tas-Sudan t'Isfel twiegħru ma' membri tal-milizzja etnika tal-White Army u ma' fazzjonijiet ribelli oħrajn leali lejn Machar qrib il-belt sensittiva ta' Bor, u kelliem ribelli ċaħad li Machar jikkontrolla lill-membri tal-milizzja tal-Armata Bajda; billi, għalkemm il-kunflitt beda bħala ġlieda politika għall-poter, issa ħa dimensjoni etnika u jinkludi evidenza ta' qtil immirat lejn gruppi etniċi, skont il-Missjoni tan-NU fis-Sudan t'Isfel (UNMISS);

L.  billi dan l-aħħar saru attakki kontra l-poplu Nuba, qtil illegali, stupri tal-massa u arresti arbitrarji ta' ċivili li jgħixu fil-Muntanji ta' Nuba; billi matul l-aħħar ġimagħtejn ta' Diċembru 2013, il-milizzji u l-forzi armati tal-Gvern Sudaniż, appoġġati minn elementi ta' sigurtà, attakkaw ħafna żoni madwar Kadugli u Dillanj, eluf ta' ċivili ħarbu minn djarhom u ġew rappurtati qtil illegali u stupri tal-massa tan-nisa;

M. billi fil-5 ta' Jannar 2014, rappreżentanti tal-President Salva Kiir u Riek Machar iltagħu fl-Etjopja biex iniedu taħdidiet ta' paċi li ffukaw fuq waqfien mill-ġlied u l-ħelsien ta' priġunieri politiċi; billi minkejja dawn it-taħdidiet, il-ġlied għadu għaddej; billi s-sors ewlieni ta' kunflitt huwa l-ħelsien ta' priġunieri akkużati li fasslu kolp ta' stat f'nofs Diċembru;

N. billi fit-3 ta' Settembru 2013, ġie organizzat samit bejn il-presidenti tas-Sudan u s-Sudan t'Isfel f'Khartoum; billi ż-żewġ partijiet ġeddu l-impenji tagħhom li jkomplu għaddejjin bl-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Addis tas-27 ta' Settembru 2012, taħt it-tmexxija tal-Bord ta' Livell Għoli tal-Unjoni Afrikana għall-Implimentazzjoni presedut mill-President Mbeki, u li jaħdmu biex isolvu kwistjonijiet oħra pendenti, inklużi l-istatus finali ta' Abyei u kwistjonijiet relatati mal-fruntieri; billi dawn it-taħdidiet huma pass pożittiv lejn l-istabbilizzazzjoni tas-Sudan t'Isfel;

O. billi aktar u aktar ċivili qed jaħarbu lejn pajjiżi ġirien; billi skont Toby Lanzer, il-Koordinatur Umanitarju fis-Sudan t'Isfel, matul l-aħħar ġimagħtejn il-vjolenza ħarget lil madwar 200 000 ruħ 'il barra minn djarhom u laqtet lil bosta mijiet ta' eluf ta' nies indirettament; billi fit-18 ta' Diċembru 2013 in-NU rrappurtat li 13 000 ruħ kienu qed ifittxu li jaħarbu mill-ġlied fiż-żewġ binjiet tagħha f'Juba; billi hemm riskju li din il-kriżi tolqot reġjun ferm usa' li diġà huwa suxxettibbli għan-nuqqas ta' stabbiltà, u r-rispons internazzjonali li qed jitwettaq fuq il-post jeħtieġ li jieħu dan il-fatt inkunsiderazzjoni f'kull ħin;

P.  billi l-Unjoni Afrikana (UA) qed twettaq medjazzjoni bil-għan li tintemm il-kriżi fis-Sudan t'Isfel; billi l-UA u l-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD), f'bosta okkażjonijiet, sejħu għal waqfien mill-ġlied immedjat fis-Sudan t'Isfel;

Q. billi n-NU żiedet il-preżenza tagħha fuq il-post, inkluż l-użu ta' tliet ħelikopters fil-bidu ta' Jannar 2014 fil-belt kapitali tas-Sudan t'Isfel, Juba, biex tgħin ir-rinfurzar tal-bażijiet tan-Nazzjonijiet Uniti għaż-żamma tal-paċi fil-pajjiż; billi dan l-isforz huwa parti minn pjan awtorizzat mill-Kunsill tas-Sigurtà maħsub biex jirdoppja l-forza armata tal-UNMISS għal kważi 14 000, fi sforz biex joffri protezzjoni liċ-ċivili milqutin minn tliet ġimgħat ta' ġlied kontinwu bejn truppi favur u kontra l-gvern;

R.  billi 62 000 ċivili fis-Sudan t'Isfel bħalissa jinsabu taħt il-protezzjoni tal-forza tan-NU għaż-żamma tal-paċi fil-bażijiet tan-NU;

S.  billi l-UE żiedet b'mod sostanzjali l-għajnuna tagħha għall-iżvilupp biex tissodisfa l-ħtiġijiet tas-Sudan t'Isfel; billi fit-23 ta' Diċembru 2013, l-UE ħabbret li kienet se tipprovdi EUR 50 miljun għal azzjoni umanitarja fis-Sudan t'Isfel biex tkopri l-bżonnijiet bażiċi u billi s-sitwazzjoni ġenerali ġiet rikonoxxuta bħala waħda mill-agħar kriżijiet umanitarji tal-lum; billi dan wassal l-ammont tal-għajnuna umanitarja tal-UE għal EUR 170 miljun sal-lum fis-snin finanzjarji 2013 u 2014;

T.  billi l-mandat tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni fis-Sudan t'Isfel (EUAVSEC) damet sa Jannar 2014; billi din il-missjoni kellha l-għan li jneħħi l-periklu mill-ajruport internazzjonali ta' Juba;

1.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-kriżi umanitarja u tas-sigurtà li qed tiddeterjora b'pass imgħaġġel fis-Sudan t'Isfel b'konsegwenza tat-tilwim politiku u l-vjolenza sussegwenti kkawżati mill-mexxejja politiċi tal-pajjiż; jirrimarka li dan qed jipperikola l-istabbiltà u s-sigurtà fit-tul fis-Sudan t'Isfel, kif ukoll l-istabbiltà fir-reġjun kollu kemm hu;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-attroċitajiet imwettqa kontra ċivili innoċenti ta' komunitajiet differenti b'elementi miż-żewġ naħat u każijiet irrappurtati ta' ksur u abbuż tad-drittijiet tal-bniedem mill-partijiet kollha, inklużi l-gruppi armati u l-forzi tas-sigurtà nazzjonali; jikkundanna bil-qawwa l-attakk fid-19 ta' Diċembru 2013 kontra l-kamp tal-UNMISS f'Akobo, li kkawża l-mewt ta' żewġ suldati Indjani u darab lil suldat ieħor, kif ukoll ikkawża l-mewt ta' mill-anqas 20 persuna li kienu qed ifittxu l-protezzjoni mill-UNMISS; jikkundanna u jenfasizza li dawk responsabbli għall-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jeħtiġilhom jinżammu responsabbli u jkunu suġġetti għal passi legali; jikkundanna bil-qawwa l-attakki kontra l-installazzjonijiet taż-żejt, li kkawżaw diżgrazzji kbar fost il-ħaddiema taż-żejt, u jistieden lill-partijiet kollha jiżguraw is-sikurezza tal-infrastruttura ekonomika u dik tal-impjegati; jilqa' d-deċiżjoni tal-UA li tistabbilixxi kummissjoni li tinvestiga l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u abbużi oħra;

3.  Jitlob li jintemmu minnufih il-fastidju u l-arrest illegali ta' membri tal-oppożizzjoni minħabba li jeżerċitaw b'mod paċifiku u legali d-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda;

4.  Jafferma mill-ġdid l-impenn qawwi tiegħu għas-sovranità, l-indipendenza, l-unità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tas-Sudan t'Isfel;

5.  Jappella liż-żewġ partijiet biex josservaw il-Kostituzzjoni u jirrispettaw l-istituzzjonijiet stabbiliti mill-Kostituzzjoni;

6.  Jinnota li s-Sudan t'Isfel huwa mogħni b'ħafna riżorsi taż-żejt u li dawn jirrappreżentaw sors potenzjali ta' tensjoni;

7.  Jikkundanna l-ġlied u l-vjolenza mmirata kontra ċ-ċivili u komunitajiet etniċi speċifiċi u komunitajiet oħrajn li jseħħu madwar il-pajjiż u li rriżultaw f'mijiet ta' mwiet u inċidenti, aktar minn 300 000 persuna spustata, 30 000 rifuġjat f'pajjiżi ġirien (l-Uganda, il-Kenja, l-Etjopja u s-Sudan); jinsab imħasseb li l-kunflitt inbidel f'kunflitt etniku bejn id-diversi fazzjonijiet fis-Sudan t'Isfel u jista' jwassal għal gwerra ċivili;

8.  Jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-pajjiż, b'mod partikolari għal dawk in-nazzjonali tas-Sudan t' Isfel li ġew spustati jew li saru rifuġjati fil-pajjiżi ġirien; jistieden lill-partijiet kollha jiżguraw aċċess sikur u bla xkiel lil organizzazzjonijiet umanitarji;

9.  Jinsab imħasseb għall-aħħar dwar ir-riskju li s-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel tiggrava u twassal għal diżastru kemm għall-poplu tal-pajjiż kif ukoll għall-istabbiltà tar-reġjun, fir-rigward tal-possibbiltà ta' azzjoni militari kemm mis-Sudan u kemm mis-Sudan t'Isfel bil-ħsieb li jikkontrollaw is-siti strateġiċi taż-żejt; jirrimarka li s-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel qed tkompli tikkostitwixxi theddida għall-paċi internazzjonali u s-sigurtà fir-reġjun;

10. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftuħ ta' taħdidiet ta' paċi fis-Sudan t'Isfel u jħeġġeġ lil dawk involuti biex iwettqu t-taħdidiet tagħhom taħt il-patroċinju tal-IGAD; jitlob li jkun hemm ftehim immedjat dwar waqfien mill-ġlied kif ukoll dwar il-monitoraġġ u l-aċċess umanitarju;

11. Jinsisti li soluzzjoni politika komprensiva, inklużi ftehim dwar waqfien mill-ġlied u l-ħelsien ta' priġunieri politiċi, hija vitali sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-kriżi u titwetta t-triq għall-iżvilupp sostenibbli tas-Sudan t'Isfel;

12. Jinkoraġġixxi lill-Gvern tar-Repubblika tas-Sudan t'Isfel biex jagħmel ġest ta' rieda tajba billi jeħles minnufih lill-politiċi arrestati kollha li mhumiex involuti fil-ġlied kontinwu sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw b'mod effikaċi fir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt;

13. Jinkoraġġixxi lill-pajjiżi ġirien, lill-organizzazzjonijiet reġjonali u lill-komunità internazzjonali jkomplu bl-isforzi tagħhom biex iwaqqfu l-vjolenza; jesprimi l-appoġġ tiegħu għal medjazzjoni permezz tal-IGAD; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tar-Rappreżentant Speċjali tan-NU u kap tal-UNMISS, Hilde Johnson, u l-ħidma tal-UA, u jilqa' b'sodisfazzjon it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-UNMISS fil-qasam tal-investigazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem bl-appoġġ tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem;

14. Jilqa' l-għajnuna umanitarja pprovduta, b'mod partikolari mill-UE, l-UA u n-NU, lin-nies milqutin mill-kunflitt u mill-ispustar fis-Sudan t'Isfel, u jistieden lil dawn l-istituzzjonijiet u lil sħab internazzjonali u reġjonali oħra jappoġġaw b'mod attiv ir-rikostruzzjoni tas-Sudan t'Isfel u l-proċess ta' bini tal-paċi; jistieden lill-awtoritajiet tas-Sudan t'Isfel jaħdmu mas-sħab reġjonali u internazzjonali kollha sabiex jistabbilizzaw lill-pajjiż;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.