Proċedura : 2014/2512(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0020/2014

Testi mressqa :

B7-0020/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 16/01/2014 - 8.10
CRE 16/01/2014 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0042

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 133kWORD 77k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0018/2014
13.1.2014
PE527.210v01-00
 
B7-0020/201

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel (2014/2512(RSP))


Cristian Dan Preda, Filip Kaczmarek, Gay Mitchell, Davor Ivo Stier, Mariya Gabriel, Eija-Riitta Korhola, Tunne Kelam, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Monica Luisa Macovei, Elena Băsescu, Eduard Kukan, Philippe Boulland, Arnaud Danjean, Roberta Angelilli, Sari Essayah, Joachim Zeller f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel (2014/2512(RSP))  
B7‑0020/201

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan t'Isfel u s-Sudan,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, tal-24 ta' Diċembru 2013 u tat-2 ta' Jannar 2014, dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2013 dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2132(2013) tal-24 ta' Diċembru 2013 u r-riżoluzzjoni 2126(2013) tal-25 ta' Novembru 2013 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarjat Eżekuttiv tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) tad-19 ta' Diċembru 2013,

–   wara li kkunsidra t-taħditiet dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel, imsejħa mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà (KPS) tal-Unjoni Afrikana, b'mod partikolari fil-laqgħa tiegħu ta' Banjul tat-30 ta' Diċembru 2013, u mis-Summit tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) li sar f'Najrobi fis-27 ta' Diċembru 2013,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa maħruġa f'isem l-Unjoni Afrikana mill-President tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, Dr Nkosazana Dlamini-Zuma, tal-4 ta' Jannar 2014,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Jannar 2014 maħruġa mill-mibgħuta speċjali tal-IGAD wara ż-żjara tagħhom f'Juba sabiex jerġgħu jinbdew it-taħditiet bejn il-Gvern u r-ribelli,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Komprensiv ta' Paċi (CPA) tas-Sudan tal-2005,

–   wara li kkunsidra l-Pjan direzzjonali għas-Sudan u s-Sudan t'Isfel stabbilit fl-istqarrija maħruġa mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana fl-24 ta' April 2012, li hu appoġġat kompletament mill-UE,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Cotonou rivedut,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–   wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fil-15 ta' Diċembru 2013 beda l-ġlied fis-Sudan t'Isfel bejn truppi tal-Gvern u alleanza mhux organizzata ta' forzi ta' milizzji etniċi u kmandanti tal-armata li rribellaw;

B.  billi l-kunflitt beda wara li Salva Kiir, il-President tal-pajjiż u membru tal-grupp etniku Dinka, akkuża lill-Viċi President tiegħu li tneħħa mill-inkarigu, Riek Machar, ta' etniċità Nuer, li ppjana kolp ta' stat kontrih; billi Riek Machar ċaħad li pprova jagħmel kolp ta' stat;

C. billi l-ġellieda leali għall-ex Viċi President Machar ikkonċentraw l-attakki tagħhom fi stati b'ħafna żejt fl-istat ta' Jonglei fil-Grigal tal-pajjiż, li mbagħad infirxu għal partijiet ta' Juba u l-istati fit-Tramuntana ta' Unity u Upper Nile; billi l-ġlied intensifika fuq l-art hekk kif l-armata attakkat il-belt ta' Bor li hija il-kapitali tal-istat ta' Jonglei, f'idejn ir-ribelli;

D. billi ġew iddokumentati qtil extraġudizzjarju tal-massa, vjolenzi kontra individwi abbażi tal-etniċità tagħhom kif ukoll detenzjonijiet arbitrarji, u fis-6 ta' Jannar 2014 ġew identifikati tal-anqas tliet oqbra tal-massa;

E.  billi l-kunflitt ħalla lil kważi 1 000 ruħ mejta, filwaqt li aktar minn 200 000 ruħ ġew spustati hew ħarbu mill-pajjiż, l-aktar lejn l-Uganda u l-Kenja;

F.  billi l-pajjiżi tal-viċinat tal-Afrika tal-Lvant, inklużi l-Kenja u l-Etjopja, insistew maż-żewġ naħat biex jaħdmu favur il-paċi; billi l-Uganda, fuq talba tal-Presdident Kiir, bagħtet 1 200 truppa u apparat militari biex jiggarantixxu s-sigurtà ta' strutturi bħall-ajruport u l-binjiet statali;

G. billi l-produzzjoni taż-żejt tas-Sudan t'Isfel naqset b'45 000 barmil kuljum (madwar 20 %) għal 200 000 barmil kuljum wara li ngħalqu l-bjar taż-żejt fl-istat ta' Unity fit-Tramuntana tal-pajjiż minħabba l-ġlied;

H. billi fis-7 ta' Jannar 2014 il-Gvern u partijiet ribelli kellhom l-ewwel laqgħa tagħhom wiċċ imbwiċċ f'Addis Ababa, u din ħolqot tama ta' waqfien mill-ġlied; billi, madankollu, jidher li dawn it-taħditiet laħqu impass rigward il-fatt li l-Gvern bagħat il-ħabs lil 11-il-persuna li allegatamanet ippjanaw il-kolp ta' stat;

I.   billi r-ribelli qed jinsistu fuq ir-rilaxx ta' 11-il politikant għoli qrib Machar li ġew arrestati minħabba l-allegat kolp ta' stat, biex ikunu jistgħu jieħdu sehem fit-taħditiet; billi l-President Kiir qal li jistgħu jieħdu sehem fit-taħditiet b'intermedjazzjoni reġjonali jekk id-diskjussjonijiet isiru fl-Etjopja minflok f'Juba, sabiex ikunu jistgħu jirritornaw fil-postijiet ta' detenzjoni tagħhom billejl, peress li jkunu rilaxxati skont il-proċess ġudizzjarju tal-pajjiż; billi r-ribelli rrifjutaw din l-offerta; billi d-detenuti ddikjaraw li l-istatus tagħhom bħala detenuti m'għandux ikun impediment biex jintlaħaq ftehim dwar il-wafien mill-ġlied;

J.   billi l-mibgħut tal-Istati Uniti, Donald Booth, u mibgħuta mill-pajjiżi tal-viċinat tas-Sudan t'Isfel iltaqgħu ma' Riek Machar fil-11 ta' Jannar 2014 biex jippruvaw jinkorporaw il-proposti taż-żewġ naħat f'abbozz ta' dokument dwar il-waqfien mill-ġlied;

K. billi, minkejja t-taħditiet għall-paċi li għaddejjin, l-instabilità, il-ġlied u l-mobilizzazzjoni ta' forzi armati komplew; billi l-forzi tal-Gvern attwalment qed jippruvaw jirbħu lura l-belt ta' Bor, l-aħħar kapitali ta' stat li għadha f'idejn ir-ribelli;

L.  billi fit-8 ta' Jannar 2014 għexieren ta' nies għamlu dimostrazzjoni favur il-paċi f'Juba, biex jiddenunzjaw il-ġlied bejn il-President u l-gruppi tal-ex Viċi President;

M. billi s-sitwazzjoni umanitarja hija preokkupanti ferm peress li hemm ftit wisq aċċess għall-persuni fil-bżonn; billi l-ġlied u l-attakki fuq min qed jagħti l-għajnuna u l-mezzi tagħhom, waqqfu wkoll lill-ħaddiema umanitarji milli jmorru fil-post biex joffru l-għajnuna;

N. billi, wara talba għall-assistenza min-NU, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili ġie attivat fl-4 ta' Jannar 2014 biex jappoġġa lis-Sudan t'Isfel b'assistenza in natura fil-forma ta' kenn, materjal mediku, mediċini, materjal ta' welfare u ikel;

O. billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta r-riżoluzzjoni 2132(2013) fl-24 ta' Diċembru 2013 li tawtorizza rinforz ta' 5 500 truppa u 440 pulizija sabiex jiżdiedu l-livelli ta' forza ġenerali tal-missjoni tal-NU fis-Sudan t'Isfel;

P.  billi l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) tan-NU nieda appell konsolidat għal USD 166 miljun bħala reazzjoni għall-kriżi u biex jiġu megħjuna bejn wieħed u ieħor 628 000 ruħ minn Jannar sa Marzu 2014; billi l-prijoritajiet ewlenin huma l-ġestjoni tal-kampijiet, l-ikel u l-għajxien, is-saħħa, il-kenn, il-protezzjoni, l-ilma, is-sanitazzjoni u l-iġjene, u l-għajnuna kontinwa għar-refuġjati li diġà qed jgħixu fis-Sudan t'Isfel;

Q. billi l-Kummissjoni qed tappoġġa azzjonijiet li jsalvaw il-ħajja, bi kważi EUR 160 miljun f'għajnuna umanitarja allokati fl-2012-2013; billi qed tagħmel disponibbli wkoll EUR 50 miljun fl-2014 b'reazzjoni għall-kriżi umanitarja li qed tinfirex u tintensifika fil-pajjiż;

R.  billi l-Qorti Kriminali Internazzjonali ħarġet żewġ mandati ta' arrest kontra l-President al-Bashir, bl-akkużi li huwa responsabbli għal delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u atti ta' ġenoċidju li twettqu mill-forzi Sudaniżi u mill-milizja alleata tagħhom Janjaweed, f'Darfur (is-Sudan);

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-aħħar tfaqqigħa ta' ġlied fis-Sudan t'Isfel u jappella lill-partijiet kollha jċedu l-armi tagħhom u jtemmu minnufih il-vjolenza li kkawżat imwiet, persuni midruba u ħsara fost il-popolazzjoni ċivili mill-bidu tal-kriżi f'Diċembru 2013;

2.  Jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu rigward l-eskalazzjoni reċenti tal-vjolenza fis-Sudan t'Isfel, li għandha konsegwenzi politiċi, ekonomiċi u umanitarji serji fil-pajjiż li diġà huwa fraġli u instabbli; huwa partikolarment inkwetat dwar id-dimensjoni etnika tal-kunflitt; jisħaq fuq il-fatt li li wieħed jipprova jikseb il-poter bil-vjolenza jew il-firda fost il-gruppi etniċi huwa kuntrarju għall-istat tad-dritt demokratiku u jikser id-dritt internazzjonali;

3.  Jikkundanna l-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mill-partijiet kollha li ġew irrappurtati, inklużi l-gruppi armati u l-forzi tas-sigurtà nazzjonali, u jissottolinja l-fatt li dawk responsabbli għal ksur tad-dritt umanitarji internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem iridu jagħtu rendikont ta' għemilhom;

4.  Jistieden lill-Gvern u lill-gruppi ribelli jirriżolvu d-differenzi tagħhom paċifikament, juru rieda tajba u jaqblu dwar waqfien mill-ġlied inkundizzjonat sabiex inaqqsu t-tensjonijiet u jtaffu s-sitwazzjoni diġà terribbli tal-popolazzjoni;

5.  Jilqa' l-isforzi ta' medjazzjoni tal-mibgħuta tal-IGAD u l-impenn tagħhom li jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiffaċilitaw konklużjoni b'suċċess tan-negozjati bejn il-mexxejja tas-Sudan t'Isfel; jappoġġa bis-sħiħ in-negozjati li għaddejjin f'Addis Ababa u, f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Gvern u lill-gruppi ribelli jibdew taħditiet inkundizzjonati, inklużivi u olistiċi in bona fede u jikkooperaw bis-sħiħ mal-mibgħuta speċjali tal-IGAD;

6.  Iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sudan jintroduċi r-riformi politiċi u ekonomiċi neċessarji sabiex jindirizza l-ġestjoni ħażina, il-faqar kroniku, il-livelli ta' korruzzjoni li qed jiżdiedu u n-nuqqas ta' sigurtà;

7.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana li tistabbilixxi kummissjoni sabiex tinvestiga l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u abbużi oħra u biex tirrakkomanda modi u mezzi sabiex jiġu żgurati r-responsabbiltà, ir-rikonċiljazzjoni u l-paċifikazzjoni fost il-komunitajiet kollha;

8.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-viċinat kollha tas-Sudan t'Isfel jaħdmu flimkien mill-qrib sabiex itejbu s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-reġjun; jisħaq fuq il-fatt li l-kooperazzjoni mas-Sudan b'mod partikolari tirrappreżenta titjib fir-relazzjonijiet, wara li, fl-ewwel xhur tal-2012, l-għedewwa fil-gwerra ċivili għoddhom reġgħu bdew gwerra oħra minħabba tilwim dwar il-prezzijiet taż-żejt u l-fruntiera;

9.  Jistieden lill-mexxejja tas-Sudan t'Isfel iħallu lill-ħaddiema umanitarji jagħmlu xogħolhom u jipprovdulhom is-sigurtà li jeħtieġu biex jirreaġixxu minnufih għall-ħtiġijiet tal-popolazzjoni u jevitaw traġedja umanitarja fis-Sudan t'Isfel;

10. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali jonoraw l-impenji ta' finanzjament tagħhom għar-reġjun u jimmobilizzaw riżorsi sabiex jirreaġixxu minnufih għas-sitwazzjoni umanitarja li sejra għall-agħar fis-Sudan t'Isfel u, b'mod partikolari, jindirizzaw n-nuqqasijiet serji ta' ikel u ilma, kenn ta' emerġenza u protezzjoni;

11. Iħeġġeġ lis-Sudan t'Isfel jirratifika l-Ftehim ta' Cotonou bejn l-UE u l-Istati AKP, sabiex l-impenn fit-tul tal-UE favur l-iżvilupp tas-Sudan t'Isfel isir wieħed effettiv;

12. Jilqa' d-deċiżjoni biex tissaħħaħ il-Missjoni tan-NU fis-Sudan t'Isfel (UNMISS) b'persunal militari, tal-pulizija, tal-loġistika u ċivili addizzjonali; jisħaq, madankollu, fuq il-fatt li hija r-responsabbiltà ewlenija tal-istat li jipproteġi ċ-ċivili;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel, lill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tas-Sudan t'Isfel, lill-Assemblea Leġiżlattiva Nazzjonali tas-Sudan t'Isfel, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza